il-flus u l-faqar
Il-flus u l-prezz tal-bniedem.
Aħdem għal ħabba u għodd ruħek mal-battal.
Aħjar taħdem għal ftit flus milli toqgħod ma tagħmel xejn.
Aħdem imqar ftit u għodd mal-battal.
Aħjar taħdem għal ftit flus milli toqgħod ma tagħmel xejn.
Aħjar bniedem kennies minn sinjur sħiħ u beżżiegħ.
Aħjar bniedem ikun fqir milli tal-flus u bla sinsla.
Aħjar disa’ rbajja’ u rieqed minn skud u mqajjem.
Min hu għażżien jippreferi jaħdem inqas għal ftit flus, milli jaħdem iżjed għal aktar flus.
Aħjar ġerrejja tiġbor ġieħha milli fqir isir sinjur.
Aħjar il-ħażin li jsir tajjeb, milli l-fqir isir sinjur – il-flus jitilgħulu għal rasu.
Aħjar għandek tieħu mingħand ħalliel milli għandek tagħti lill-kappillan.
Dari kien hawn ħafna dejn mal-Knisja, li kellu jitħallas bilfors.
Aħjar għerfek minn mielek.
Aħjar tkun bniedem intelliġenti minn bniedem tal-flus. Mielek tfisser ġidek.
Aħjar ħobż u ġobon milli torta inkwiet.
Aħjar tgħix ħajja ta’ fqir milli tkun tal-flus u mifni bl-inkwiet.
Aħjar is-sisija mill-ħrit biż-żewġ fil-Ħemsija.
Aħjar minn jittallab għall-flus u jiddobba hekk, minn min irid ibati biex jaħdem ir-raba’. Sisija tirreferi għall-ġbir tal-flus.
Aħjar katavru d-dar milli bil-bwiet vojta.
Aħjar tmut milli tkun bla flus.
Aħjar nagħmillek libsa nkella nitimgħek.
Lil min iħobb żaqqu tiffranka l-flus jekk tonfoqlu l-flus fil-ħwejjeġ milli fl-ikel.
Aħjar skud fil-but minn mija fis-senduq.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
Aħjar taqtagħlu libsa milli tistiednu.
Lil min iħobb żaqqu tiffranka l-flus jekk tonfoqlu l-flus fil-ħwejjeġ milli fl-ikel.
Aħjar titwieled fqir u tmut sinjur.
Aħjar ma jkollok xejn u wara tagħmel suċċess, milli bil-kontra.
Aħjar tkun tallab minn injorant.
Tallab forsi xi darba jsib xortih, l-injorant ma jitgħallem qatt.
Aħjar torqod bil-ġuħ milli tkun midjun.
Il-ġuħ tissaportih, iżda l-għawġ li tidħol fih minħabba d-dejn diffiċli iżjed tissaportih.
Aħkem meta ssib għax jiġi r-Randan barra minn żmienu.
Faddal il-flus għax ma tafx x’għad tiġi bżonn.
Aħna niddejnuha biex ma nħallsuha.
Jingħad għan-nies li jiddejnu u ma jkunux kapaċi jħallsu wara.
Aħżen il-muna u mur ċeppuna.
Qabel ma tagħmel xi bluha li ħabba fiha tmur il-ħabs, qis li familtek ikollha l-mezzi biex tgħix.
Aħżen ix-xemx mis-sajf għax-xitwa.
Faddal il-flus għax ma tafx x’għad tiġi bżonn.
Aħżen la ssib għax jiġi żmien li ssum bla ma trid.
Faddal il-flus għax ma tafx x’għad tiġi bżonn.
Aktar għandna flus milli għomor.
Ngħiduh għaż-żgħażagħ fil-familji sinjuri li jkollhom ħafna flus f’idejhom u ma jkunux jafu jużawhom.
Aktar ma niekol, inqas nara.
Jekk tiekol l-ikel kollu li jkollok fil-platt ma tibqax tarah, bl-istess mod li jekk tonfoq ġidek kollu ma jifdallek xejn.
Anqas ma wieħed ikollu f’din id-dinja, aħjar.
Aktar kemm ikollok flus, aktar ikollok inwkiet. Mela aħjar ikollok inqas.
Aqla’ sold u onfoq sitta.
Tonfoqx iżjed flus milli taqla’.
Ara taqbadx awwista għax flus fil-but takkwista.
Dejjem agħżel l-aktar ħaġa ta’ valur.
B’daqshekk il-bastiment mhux ser jagħmel l-ilma.
Billi tonfoq naqra iżjed flus f’xi ħaġa, m’intix ser tiżbanka.
B’demm il-fqir ġid qatt ma jsir.
Mhux sew li tagħmel il-flus minn fuq dahar min m’għandux biex.
B’libsa waħda jiżfen u jidfen.
Dejjem bl-istess ħwejjeġ għax m’għandux flus.
B’xejn ma jsir xejn.
Bla flus ma tagħmel xejn.
Barmil bla qiegħ, titfa’ kemm titfa’ ma timlieh.
Hemm min mhux kapaċi jkun bil-għaqal fil-flus, malli jidħlu joħorġu.
Bewqet xaqqha biex żejnet żaqqha.
Tilfet ġieħha kollu għall-flus.
Biex il-fqir jara xi faraġ il-fekruna trid titla’ t-taraġ.
Diffiċli ħafna li l-fqir isir sinjur, ix-xorti mhux dejjem tidħaqlu.
Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.
Il-flus importanti biss f’din il-ħajja, la tmut m’intix ser teħodhom miegħek.
Bil-flus tagħmel triq fil-baħar.
Bil-flus tagħmel kollox fid-dinja.
Bil-għaqal tħassel il-ġid.
Trid tkun bil-għaqal fil-flus biex tgħix bla inkwiet.
Bil-ġmiel biss ma nimlewx żaqqna.
Fl-antik il-flus tad-dota kienu importanti ħafna fiż-żwieġ; is-sbuħija tal-mara ma kenitx biżżejjed.
Bil-grazzi ma timliex żaqqek.
Meta tagħti servizz lil xi ħadd, tistenna li titħallas għax bil-grazzi biss ma tgħixx.
Bil-pont tas-sahra żżomm il-ħmara.
Jekk il-mara tkun taf tħit, il-familja tiffranka l-flus.
Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus.
Bla flus imkien ma tasal.
Dak li jħarbat u jqatta’ ma jibqagħlux biex jitgħatta.
Min iħarbat il-flus ma jifdallu xejn.
Dak li jibża’ mill-kera għandu jmut fl-għera.
Min m’għandux biex iħallas il-kera m’għandux fejn joqgħod.
Dak minn xelin jonqsu ħdax-il sold, dejjem minn irbiegħi jonqsu dsatax-il ħabba.
Min m’għandux flus ma jistax jiddeverti. Xelin kien fih tnax-il sold u l-irbiegħi kien fih għoxrin ħabba – kienu l-flus Ingliżi li kienu jintużaw Malta fil-Perjodu Kolonjali.
Diqa u faqar agħar mill-mewt.
Aħjar tmut milli tgħix imdejjaq u bla flus.
Drabi magħkus u drabi butu jagħmar il-flus.
Jiġu drabi fejn ikun komdu fil-flus u oħrajn fejn ibati.
Eħġem la ssib għax jasal ir-Randan.
Faddal il-flus biex meta tiġi bżonnhom issibhom. Eħġem huwa l-imperattiv tal-verb ħeġem.
Eħġem la ssib għax jiġi li jkollok issum bla ma trid.
Faddal il-flus biex meta tiġi bżonnhom issibhom. Eħġem huwa l-imperattiv tal-verb ħeġem.
Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn.
Faddal il-flus għax ma tafx x’għad tiġi bżonn.
Fejn iżżarrad iċċarrat.
Min m’għandux flus kull ftit li jkollu jonfoq joħroġ minn qalbu.
Fejn m’hemmx bini u ħamrija m’hemmx sinjurija.
Min għandu l-artijiet u l-proprjetà għandu l-flus.
Fejn tqarrem il-mogħża jinsteħet.
Min m’għandux flus jaħtaf kulma jsib quddiemu. Tqarrem tfisser tgerrem.
Fid-diqa u fl-għaks tkun taf tajjeb id-daqs.
Min m’għandux flus ma jaħlix.
Fil-għaks u d-diqa tinġibed il-biqa.
Min m’għandux flus ma jaħlix. Il-biqa hija l-ħasil tal-ħaxix.
Fil-għoli kul ir-ross bil-labra.
Meta ma tleħħaqx mal-għoli tal-ħajja ibża’ għall-flus.
Fil-ħjieġ u d-diqa tinħall il-biqa.
Min m’għandux flus ma jaħlix. Il-biqa hija l-ħasil tal-ħaxix.
Fil-qorti r-rebbieħ tellief.
Tiftaħ kawża l-qorti tant fiha spejjeż li jekk tirbaħha xorta tkun tlift ħafna flus.
Flusek mitraħ tax-xewk.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Flusi mhux tal-ġild.
Tapprezza l-valur tal-flus meta tkun ħdimt għalihom.
Ftit drabi ftiehmu d-dejjien u l-midjun.
Nies li għandhom ideat opposti diffiċli jiftiehmu.
Geddumu fix-xgħir, ma jiftakarx f’meta kien fqir.
Issa li stagħna, nesieh iż-żmien fejn kien fqir u m’għandux simpatija għal ħaddieħor. Jekk ix-xgħir jikber u jasal sa geddumek, mela għandek il-ġid.
Għad li marru l-ħwietem baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa’ ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Għal min hu baħħ, aħjar iff inkella aħħ.
Min m’għandux jew ma jridx jonfoq flus (= baħħ), aħjar jeqred bis-sħana (= iff) milli bil-bard (= aħħ), għax il-ħwejjeġ jiswew il-flus.
Għal min tagħmel tajjeb ħallas.
Ladarba tkun ħadt deċiżjoni, jeħtieġ li tkun responsabbli u żżomm magħha.
Għall-fqir il-qamar musbieħ u l-basal tuffieħ.
Hemm min tant m’għandux biex li lanqas il-bażiku bħad-dawl (il-musbieħ) u l-ikel (it-tuffieħ) ma jaffordja.
Għall-għera u għall-għar il-fqir jitrekken id-dar.
Min m’għandux flus jippreferi ma jurix billi ma joħroġx fid-deher. L-għera tissimbolizza l-faqar u għar tfisser mistħija.
Ġimgħa bla ħlas, ġisem bla ras.
Kulħadd jistenna li jitħallas ta’ xogħlu, bla paga ma tgħixx.
Ħabib il-but.
Ibża’ għal butek, tberbaqx flus.
Ħadd ma jkollu borża flus għat-telf.
Ħadd ma jagħmel apposta biex jitlef flusu.
Ħajja dejjem imxuma aħjar il-mewt minnha.
Aħjar tmut milli tgħix fil-miżerja. Imxuma tfisser miżerabbli.
Ħallas illum u ddejjen għada.
Xi nies jonfqu kulma jkollhom mingħajr ma jaħsbu fil-ġejjieni.
Ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu qligħ l-imgħax.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta’ min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Ħmar imgħobbi bil-flus imur bihom fil-miżbla fejn hu mdorri.
L-injorant ma jafx jiddistingwi bejn x’inhu ta’ valur u x’mhux.
Ħmar taqilgħu tikxiflux snienu biex tara kemm snin għandu.
Jekk xi ħadd għoġbu jagħtik xi ħaġa bla ħlas, irringrazzjah u toqgħodx tistaqsih ħafna mistoqsijiet dwarha.
Ħobż tax-xgħir, għasel f’dar il-fqir.
Min m’għandux flus ikollu jikkuntenta bi ftit.
Ħsieb il-fqir qatt ma jsir.
Min huwa fqir ma jista’ jippjana xejn, għax m’għandux mezzi.
Ibża’ għas-sold u ma tiġix fil-bżonn.
Min ma jberbaqx flusu jsibhom.
Id fl-ilma ma tagħdirx id fin-nar.
Min huwa komdu fil-flus ma jagħdirx lil min forsi iżjed batut.
Id-dar bħall-knisja, dejjem jonqosha.
Biex jinżammu fi stat tajjeb, id-djar u l-knejjes jeħtieġu ħafna flus.
Id-dejn tħallsu darbtejn.
Id-dejn jiġi jiswiek ħafna fuq żmien twil.
Ilbieraħ ibigħ il-marinat u llum ta’ abbet għax it-trovatura sab.
Hemm min jirnexxilu jagħmel suċċess biż-żmien. Abbet tfisser sinjur u trovatura tfisser teżor.
Il-faqar iġib il-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Il-faqar iġib l-ulied fil-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Il-flus dominanti u lill-għorrief jagħmluhom injoranti.
Il-flus lil kulħadd jagħmew, anke lin-nies intelliġenti.
Il-flus fis-senduq merfugħa għall-ħalliel, u mħaddmin jagħtu l-għeliel.
Il-flus agħmel xi ħaġa utli bihom, terfagħhomx id-dar. Għeliel huma interessi.
Il-flus għandhom iċ-ċirku u għalhekk jaqbdu n-niżla.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Il-flus għandhom iċ-ċirku u malajr jaqbdu n-niżla.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Il-flus għandhom il-ġwienaħ.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Il-flus huma l-ħbieb tal-ħalliel.
In-nies ħżiena dejjem ikollhom iżjed flus min-nies twajba.
Il-flus huma mitraħ tax-xewk.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Il-flus huma passaport għall-infern.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Il-flus iġibu l-flus, u l-qamel iġib il-qamel.
Min għandu l-flus jista’ jagħmel li jrid, u min m’għandux jibqa’ b’xejn.
Il-flus imorru u jiġu.
Jekk titlef il-flus, dejjem tista’ terġa’ taħdem għalihom.
Il-flus isiru jew b’rebħa, jew b’xi wirta, jew b’xi sejba.
Issir sinjur huwa diffiċli ħafna sakemm ma tirbaħx xi lotterija, tiritx lil xi ħadd jew issibx il-flus xi mkien.
Il-flus jagħmlu l-flus u d-dud jagħmel id-dud.
Min hu għani jkompli jistagħna u min hu fqir ikompli jiftaqar.
Il-flus jagħmlu l-flus, u d-dud jagħmlu d-dud.
Min għandu l-flus jista’ jagħmel li jrid, u min m’għandux jibqa’ b’xejn.
Il-flus la jgħajtu u lanqas iwerżqu.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Il-flus ma ssibhomx fit-triq.
Il-flus trid taħdem għalihom.
Il-flus mhumiex kollox.
Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Il-flus mhumiex ta’ min jagħmilhom, iżda ta’ min igawdihom.
Avolja jkollok il-flus, trid tkun taf tgawdihom.
Il-flus qegħdin biex tonfoqhom.
Avolja jkollok il-flus, trid tkun taf tgawdihom.
Il-flus u l-qdusija t-tnejn moħbija.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Il-flus u t-tjieba t-tnejn giddieba.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Il-flus urihom id-dlam biex juruk id-dawl.
Kun bil-għaqal biex meta tiġi bżonn il-flus issibhom.
Il-flus żerriegħa rqiqa, ma ssibhomx f’idejk.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Il-fqir dejjem ilħiħ.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu. Ilħiħ tfisser rgħib.
Il-fqir dejjem irid.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu.
Il-fqir dejjem maħqur u b’rasu kollox idur.
Il-fqir jgħix ħajja ta’ tbatija.
Il-fqir ħajtu kollha tinqir.
Il-fqir ikollu jlaqqat minn hawn u minn hemm biex ikampa.
Il-fqir kollox jara kbir.
Għall-fqir kollox jiswa wisq flus.
Il-fqir sal-klieb jagħrfuh u jinbħu għalih.
Mill-ewwel tinduna li xi ħadd fqir minn ilbiesu.
Il-ġuħ iqabbeż lil kulħadd.
Meta ma jkollokx biex tixtri mqar x’tiekol, minn kollox tagħmel.
Il-ġuħ itejjeb il-ħobż.
Meta tkun nieqes minn xi ħaġa, tapprezza ħafna iktar meta tasal.
Il-ġuħ qabel ir-ruħ.
Ir-reliġjon mhix biżżejjed meta tkun f’sitwazzjoni finanzjarja miżerabbli.
Il-ħela jfaqqar.
Min jaħli l-flus ikun qed jiftaqar.
Il-ħitan tal-ħaġar lebsin u l-iġsma għarwenin.
Jekk tberbaq flusek f’affarijiet bla bżonn, tispiċċa lanqas flus għall-bażiku ma jifdallek.
Il-ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu l-qligħ, l-imgħax u l-ġid.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta’ min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Il-ħobż artab biex tieklu, iżda iebes biex taqilgħu.
Biex taqla’ l-flus diffiċli, iżda biex tonfoqhom faċli ħafna.
Il-ħobż iebes jew is-sikkina ma taqtax.
Min ma jaqlax biżżejjed flus ma jistax jgħix komdu.
Il-ħobż tal-fqir iebes.
Min m’għandux flus jgħix ħajja ta’ tbatija.
Il-ħofra aktar ma tqatta’ minnha aktar tikber.
Aktar kemm tberbaq flus, aktar tiftaqar.
Il-kera jorqod miegħek u jqum qablek kuljum.
Il-kera aqbad u ħallasha biex ma jkollokx dejn.
Il-knisja qattara tieħu kemm tieħu qatt ma tara.
Il-knisja dejjem bżonn il-flus għall-manutenzjoni.
Il-midneb wara li jiekol jibred.
Min jibda mix-xejn u jagħmel suċċess, hemm ċans li jitlagħlu għal rasu u jitkabbar. Jibred hawn tfisser li ma jibqa’ jimpurtah minn xejn.
Il-miġwieħ dejjem bla xaba’.
Min ma jkollux biex dejjem jonqsu xi ħaġa.
Il-prużuntuż għandu nofs flusu fil-kus.
Min jagħtih wiċċu jagħmel iżjed flus minn min joqgħod jistħi. Kus tfisser karus.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla’ ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.
Imut il-għani, imut il-fqir u t-tnejn għal ġewwa l-bir.
Ikollok kemm ikollok flus, kulħadd iddestinat li jmut. Il-bir jirreferi għall-qabar.
Is-sajf kabozza tal-fqir.
Dari s-sajf kien ikun perjodu fejn min ma kellux biex kien ibati inqas, peress li t-temp ikun isbaħ. Kabozza hija għamla ta’ kowt.
Is-siba kien u jkun, imma l-ħlas fl-aħħar irid ikun.
Għalxejn tippostponi d-djun li għandek, xi darba jew oħra jridu jitħallsu. Siba (bl-aċċent fuq it-tieni sillaba) tfisser ħlas li jasal aktar tard.
Is-siegħ imlieh u li jibqa’ aħlih.
Trid l-ewwel tara kif ser tagħmel il-flus biex ikollok il-lussu tberbaqhom. Siegħ huwa unità ta’ kejl tal-art (~187.4 m2).
Is-sieqja tajba iżda l-bir miksur.
Il-ġenituri, speċjalment dawk stabene, jafdaw wisq flus f’idejn uliedhom u jonfquhom bl-addoċċ, bħal bir li ma jżommx ilma.
Is-silla kibret u l-ħmar tiegħi ma jsibx jirgħa.
Għal xi nies sfortunati, ta’ madwarhom ifuru bil-ġid u huma jibqgħu b’xejn.
Is-sinjur imutulu t-tfal u l-fqir imutlu l-ħmar.
Dari min ma kellux flus u kien imutlu l-ħmar, kienet xi ħaġa kbira – daqslikieku mietlu tifel. Normalment, is-sinjuri kienu jmutulhom it-tfal.
Ix-xebgħan ma jagħdirx lill-ġewħan.
Min għandu ħafna flus (= ix-xebgħan, imxebba’ minn kollox) ma jagħdirx lil min m’għandux (= il-ġewħan, bil-ġuħ).
Ix-xewqat ma jimlewx il-but.
Bix-xewqat ma taqlax flus.
Ix-xita fil-baħar tinżel.
Aktar kemm ikollok flus, aktar tidħaqlek ix-xorti.
Iż-żaqq ma fihiex ħġieġ.
Jekk trid ma tonfoqx ħafna flus l-ikel, ħadd mhu se jinduna.
Iż-żaqq tal-bniedem hija ħela.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.
Iż-żaqq tieħu li tagħtiha.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.
Jekk m’għandekx żejt fid-dlam torqod.
Bħalma jkollok id-dlam jekk ma jkunx hemm żejt fil-lampa, l-istess jiġrilek meta tkun bla flus.
Jekk milli għandek tħalli, int qatt ma tista’ tfalli.
Jekk iġġemma’ l-flus u ma tberbaqx kollox, issibhom wara.
Jekk ta’ xejn aħslu u erfgħu.
Ħadd ma jagħmillek biċċa xogħol bla flus.
Jekk tagħmel il-kont, il-borma ma ssajjarx.
Ma tridx tagħti kas kemm tonfoq fl-ikel, għax jiswa ħafna flus.
Jekk tbigħ il-baqra ma tiħux ħalib.
Jekk titlef dak li jrendilek il-flus, ma jifdallek xejn.
Jekk tħares lejn il-qamar u tmiss il-flus tul għomrok dejjem tbus.
Superstizzjoni fejn dari kienu jemmnu li jekk tħares lejn il-qamar u tmiss il-flus issib l-imħabba ta’ ħajtek.
Jekk tixtri kulma tara, iżżarma l-għamara.
Kun bil-għaqal u ibża’ għal flusek, għax xi darba jispiċċaw.
Jekk trid tirkeb ixtri bhima.
Irid ikollok il-flus biex tmexxi fil-ħajja.
Jew iftaħ biebek u ftaħar, jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tagħmel xi ħaġa, onfoq il-flus u agħmilha sew inkella tagħmel xejn.
Jew iftaħ idejk u ftaħar, jew agħlaqhom u nsatar.
Jekk se tagħmel xi ħaġa, onfoq il-flus u agħmilha sew inkella tagħmel xejn.
Jew il-ħobż iebes jew is-sikkina ma taqtax.
Min ma tantx għandu flus, diffiċl jgħix komdu.
Kejjel il-borġ u ibża’ għall-għarma.
Aħdem kemm tiflaħ biex taqla’ l-flus iżda ibża’ għalihom. Borġ tfisser torri u għarma tfisser munzell, b’referenza għall-flus.
Kellu s-sħiħ u għamlu riħ.
Berbaq flusu kollha.
Kollox tajjeb u dritt dak li għal butek imidd.
Meta jkun hemm il-flus u l-interessi personali involuti, il-morali kollha jitwarrbu.
Kull min għandu ta’ Bulebel, id-dinja tagħtih widen.
Min għandu l-proprjetà u l-flus ikollu r-rispett tan-nies. Ta’ Bulebel tirreferi għall-proprjetà.
La tislifx lil min ma tistax tħarrek għax tinħan.
Issellifx flus lil min taf li ma jistax iroddhomlok lura, lanqas jekk tiftaħlu kawża l-qorti.
La tislifx lil min ma tistax tħarrek għax titqarraq.
Issellifx flus lil min taf li ma jistax iroddhomlok lura, lanqas jekk tiftaħlu kawża l-qorti.
La twaħħalx musmar f’dar is-sultan.
Tagħmilx xogħol f’post li tkun qed tikri, għax xejn ma tgawdi minnu u l-flus li tkun infaqt.
Labra f’dar l-għaref aħjar mid-deheb.
Dari, min kien jaf iħit kien jiffranka flus mhux ħażin.
L-għaks f’dar il-fqir kwadri indurati.
Meta jkollok xi problema kbira jew serja, malajr issib mod kreattiv biex issolviha.
L-għaks jiżrob il-qalb.
Il-faqar iġib id-dwejjaq. Jiżrob ġejja minn żarab, li tfisser opprima.
L-għani u l-fqir jeħtieġu ’l xulxin.
Is-sinjur jagħmel il-flus bis-saħħa tax-xogħol ta’ min għandu inqas, u min għandu inqas jaqla’ l-flus bis-saħħa tas-sinjur.
L-għani u l-ħanżir jitwieżnu fid-debħa.
Qatt ma tista’ tkun taf eżatt kemm għandu flus xi ħadd qabel mewtu, bl-istess mod li ma tistax tkun taf kemm se ddaħħal flus minn ħanżir qabel toqtlu. Debħa hija l-qatla.
L-għaqal flus u ma ġġibux bil-flus.
Jekk tkun bil-għaqal taqla’ l-flus, iżda l-għaqal ma tixtrihx bil-flus.
L-għaqal għandek u l-flus għandi, u biż-żmien għad teħodhomli.
Jekk tkun bil-għaqal taqla’ l-flus, iżda l-għaqal ma tixtrihx bil-flus.
L-għażż missier il-faqar.
Min hu għażżien u bla ħeġġa jbati ħafna u jgħix fil-bżonn u fil-faqar.
Li fis-sajf iġġorr in-nemla, fil-ħarifa tkaxkru l-ħamla.
Inti taħdem u tistinka biex tfaddal, u l-membri ingrati ta’ familtek iberbqulek kollox. Il-ħamla huwa dak kollu li jġorr miegħu l-ilma meta tagħmel ħafna xita.
Li jonqos fil-qadd imur fiż-żaqq.
Min m’għandux flus irid jagħżel bejn jixtri x’jiekol u jixtri x’jilbes.
Libes żarbun f’daqqa u għandu karkur imraqqa’.
Sar sinjur f’daqqa waħda u issa donnu tilef moħħu.
L-iblah u flusu malajr jinfirdu.
Min hu iblah, iberbaq il-flus bl-addoċċ.
L-ikel ma jiġix mix-xejn.
L-ikel bil-flus jinxtara, u trid taħdem għalihom.
Lill-fqir tikrilux bil-gallarija.
Tistenniex affarijiet mingħand min taf li ma jistax jagħtihomlok, bħal min ma jiflaħx iħallas kera għolja.
L-ilma fil-bir ma jaqtax l-għatx.
Min hu finanzjarjament batut għandu bżonn l-għajnuna, imqar biex jixtri x’jiekol u jixrob.
L-imgħakkes fqajjar, dak li fuqu senduqu.
Min m’għandux flus ma tantx għandu affarijiet oħra.
L-irħis għali.
Ixtri oġġett ta’ kwalità tajba u li jservi, għax tispiċċa tonfoq iżjed flus biex tibdel oġġett ta’ kwalità inferjuri li jinkiser mill-ewwel.
L-ixkupi mill-ġummar isiru.
Imbilli titwieled f’ambjent ta’ faqar ma jfissirx li ma tistax tirnexxi xorta waħda fil-ħajja. Il-ġummar huwa tip ta’ siġra, Chamaerops humilis.
M’hawnx ikreh mill-fqir supperv.
Is-suppervja ta’ min m’għandux għalfejn ma tissaportihiex.
Mal-ewwel tisfira ħalli t-tifkira.
Dari l-prostituti kien ikollhom raġel magħhom li malli jsaffrulu, jieħu ħsieb li l-klijent li jkun ħiereġ ikun ħallas. Tifkira tirreferi għall-flus.
Marru ċ-ċrieket iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa’ ibda aħdem għalihom.
Marru l-ħwietem iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa’ ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Mejda tajba, testment ħażin.
Min jonfoq il-flus li jkollu, lill-werrieta tiegħu ma tantx iħallilhom.
Meta għandek kulħadd jafek; meta m’għandekx kulħadd jinsiek.
Meta jkollok il-flus kulħadd irid ikun ħabib tiegħek, u meta ma jifdallek xejn kulħadd jabbandunak.
Meta l-bir ikun miksur, l-ilma fih jintilef u jmur.
Mhux biżżejjed li taqla’ l-flus, trid tkun kapaċi ma tberbaqhomx.
Meta l-missier jagħmel Karnival, l-ulied jagħmlu r-Randan.
Meta l-missier ma jkunx bil-għaqal fil-flus, tbati l-familja kollha.
Meta l-qarnita ma ssibx aktar x’tiekol, iddur għal subgħajha.
Min ma jibqagħlux flus, ikollu jieħu minn ġewwa biex ikampa.
Meta tikkoppa l-bozza, l-għani bir-rota u l-bidwi bil-kabozza.
Min għandu l-flus dejjem jgħix iżjed komdu minn min m’għandux. Il-bozza hija kontenitur tas-silġ li jkessaħ l-ilma jew l-inbid, u kabozza hija għamla ta’ kowt.
Meta tuża l-ħajta, qis li tkun tidħol f’ras il-labra.
Ara li tkun tiflaħ għall-ispiża li tkun dieħel fiha; b’mod ġenerali, ara li dak li tkun ser tagħmel tassew kapaċi għalih.
Meta x-xott jixxarrab malajr jinxef.
Min hu fqir bil-ftit għajnuna li jingħata xorta ma jgħaddix.
Mhux billi twaħħal l-ixkaffa, trid tqiegħed il-ħobż fuqha wkoll.
Għall-għamara u t-tiżjin fid-dar ukoll irid ikollok il-flus.
Mhux min jiftaħar għandu l-flus.
Min għandu tassew il-flus, ma jippruvax jimpressjona bil-ftaħir għax m’għandux għalfejn.
Midd riġlejk skont friexek.
Qis li tkun tiflaħ tħallas għal xi ħaġa qabel ma tintriga biha.
Miet in-naħal u spiċċa l-għasel.
Meta s-sors li minnu taqla’ l-flus jispiċċa, ma taqlax iżjed flus.
Mill-flus u mill-qdusija trid taqta’ ħamsin fil-mija.
Min jiftaħar bi flusu jew jilgħabha tal-qaddis temmnux, għax l-apparenza tqarraq bik.
Mill-imderri u mill-mitluf kulma tiġbor mirbuħ.
Jekk għandek tiġbor xi flus li tkun sellift, iġborhom illum qabel għada għax fil-futur jaf ma ssibhomx. Imderri tfisser imferrex.
Mill-mitluf ħu li tista’.
Jekk tkun qed titlef il-flus, qis li ssalva li tista’.
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta’ bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Min għandu jiswielu u min m’għadnux jibdielu.
Min m’għandux flus ma jkampax. Jibdielu jiġifieri jiddispjaċih.
Min għandu l-bżar ħa jroxxu fuq il-kromb.
Min għandu l-flus jiflaħ jagħmel il-kapriċċi kollha li jrid. Bżar jirreferi għad-demel.
Min għandu l-flus għandu kollox.
Bil-flus tagħmel il-kapriċċi kollha li trid.
Min għandu tista’ tgħix miegħu.
Min għandu l-flus ikun jista’ jgħinek, tagħmlux l-għadu tiegħek.
Min għandu ż-żejt ma jorqodx fid-dlam.
Min għandu l-flus ma jbatix, bħal min dari kien ikollu ż-żejt biex jixgħel il-lampa meta jidlam qabel daħlet il-luċelettrika.
Min ifaddal isib.
Min ikun bil-għaqal u jfaddal il-flus, isibhom meta jiġi bżonnhom.
Min iħallas biċ-ċekċik jiekol bir-riħa.
Min iħallas ftit m’għandux jistenna oġġett jew servizz ta’ kwalità tajba.
Min iħarbat u jqatta’ ma jibqagħlux biex jitgħatta.
Min iħarbat il-flus ma jsibhomx meta jiġi bżonnhom u jbati.
Min ilembeb u jkattar isib fiex jitmattar.
Min ikun bil-għaqal fil-flus isibhom meta jiġi bżonnhom. Ilenbeb tfisser jiċċattja l-għaġina bil-lembuba.
Min ippleġġa jkollu jħallas.
Bħal min ikun intrabat li jħallas pleġġ, hekk ukoll ikollok iżżomm kelmtek meta twiegħed jew tintrabat b’xi ħaġa.
Min iraqqa’ jogħla f’daqqa.
Min jagħti kas ħwejġu u jieħu ħsiebhom ifaddal iżjed flus minn min il-ħin kollu jixtri l-ġdid.
Min isielek sidek.
Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Min iżoqq il-ħalq jintef il-leħja.
Xi nies jonfqu iżjed flus minn kemm jifilħu biex jippruvaw ilaħħqu ma’ ħaddieħor.
Min jagħmel għal żaqqu jibqa’ bi spallejh mikxufin.
Min jonfoq ħafna flus għalxejn fl-ikel ma jkollux biex jagħmel affarijiet oħra.
Min jagħmel wisq għal żaqqu jispiċċa b’kiftejh mikxufa.
Min jonfoq ħafna flus għalxejn fl-ikel ma jkollux biex jagħmel affarijiet oħra.
Min jiddejjen jiżżejjen.
Min irid ħafna affarijiet jiswew il-flus, ikollu jiddejjen biex ileħħaq.
Min jiftaħar flusu f’butu, u min jiftaħar f’kexxuntu.
Min huwa tassew sinjur ma jiftaħarx bi flusu għax m’għandux għalfejn jimpressjona.
Min jitolbok ħabba agħtih tnejn u keċċih.
Min jiffittak fuq xi ħaġa, ikkuntentah ħalli jitlaq ’l hemm u jħallik bi kwietek. Ħabba kienet munita li kienet tintuża Malta fi żmien il-ħakma Ingliża.
Min joħroġ addoċċ mingħajr ma jkejjel, jiftaqar lanqas jinduna u jkun imdejjen.
Min iberbaq flusu, jinduna bl-iżball tiegħu meta jkun tard wisq.
Min m’għandu xejn m’għandux x’jitlef.
Min m’għandu xejn jgħix iżjed kuntent minn min għandu ħafna flus, proprjetà, investimenti, eċċ. li jkun spiċċa skjav tagħhom. Ogħna tfisser aktar għani.
Min m’għandu xejn ogħna mir-re.
Min m’għandu xejn jgħix iżjed kuntent minn min għandu ħafna flus, proprjetà, investimenti, eċċ. li jkun spiċċa skjav tagħhom. Ogħna tfisser aktar għani.
Min m’għandux jgħix ma’ min għandu.
Qis li tgħin lil min hu inqas ixxurtjat minnek fil-flus, eċċ.
Min m’għandux żejt fid-dlam jorqod.
Min m’għandux flus, ikollu jgħaddi mingħajr diversi affarijiet, bħal min dari ma kellux żejt biex jixgħel il-lampa filgħaxija qabel daħlet il-luċelettrika.
Min ma jibżax għal ħabba lanqas jibża’ għal skud.
Min kapaċi jberbaq ftit flus, kapaċi jberbaq ħafna flus. Ħabba u skud huma flus li kienu jintużaw Malta fi żmien il-ħakma Ingliża.
Min ma jibżax għall-ftit, il- wisq ma jarah qatt.
Min kapaċi jberbaq ftit flus, kapaċi jberbaq ħafna flus.
Min ma jraqqa’ jinħela f’daqqa.
Min ma jiħux ħsieb tal-affarijiet tiegħu fil-pront, wara jonfoq ħafna flus biex isewwi jew jibdel. Jinħela tfisser jiftaqar.
Min ma jraqqax ma jkampax.
Min ma jiħux ħsieb tal-affarijiet tiegħu fil-pront, wara jonfoq ħafna flus biex isewwi jew jibdel.
Min xliefu twil ta’ butu lsir.
Is-sinjur huwa lsir ta’ flusu stess.
Mingħajr xaħam ma tvarax.
Bla flus (= xaħam) ma tasal imkienl; ix-xaħam jirreferi b’mod indirett għat-tixħim, li mhux possibbli bla flus.
Minn fejn tkun ġejja n-nemla, flus ikun fiha l-ġebla.
Il-flus u l-ġid ta’ xi ħadd minn xi mkien żgur li jkunu ġejjin.
Minn midjien ħażin ħu, imqar weraq tat-tin.
Mingħand min jafek il-flus u taf li ma jistax iroddlok kollox lura, ħu li tista’.
Minn surtek tidher għobortok.
Il-miżerja ta’ min ma jkollux flus biex jgħaddi tkun tidher anke f’persuntu. Għobortok tfisser il-miżerja tiegħek.
Miskin, fqir u naqqar, għax f’ħeġma jibla’ ħobża d-dar.
Tant huwa fqir li l-ikel li għandu ma jxebbahx. Naqqar tfisser wieħed li jqanċeċ u ħeġma tfisser belgħa waħda.
Mitt wieħed liebes ma jneżżgħux għarwien.
Mingħand bniedem li ma fadallux flus, xejn ma tista’ tieħu.
Mix-xejn ma jsir xejn.
Mingħajr flus xejn ma jsir, hekk bħal fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra.
Muftieħ tad-deheb jaqbel ma’ kull qofol.
Bil-flus kollox tasal tagħmel. Qofol tfisser sokra.
Muftieħ tad-deheb jiftaħ kull bieb.
Bil-flus kollox tasal tagħmel.
Nies tal-flus f’senduqhom u tal-pont f’għarqubhom.
Hemm nies li tassew kapaċi l-flus ifaddluhom għal meta jiġu bżonnhom.
Orqod fil-frugħa, oqgħod fid-djieq u min jirtek jistgħall ġidek sieq fuq sieq.
Flusek aħdem għalihom u gawdihom inti waqt li għadek ħaj, għax jekk le tkun qed tpaxxihom lill-werrieta. Fil-frugħa tfisser fit-tbatija, fid-djieq tfisser fin-nieqes u jistgħall tfisser igawdi.
Qatt ma għandek tmidd saqajk barra mill-friex.
Qis li tkun tiflaħ tħallas għal xi ħaġa qabel ma tintriga biha.
Qlajt sitta, onfoq ħamsa.
Tonfoqx il-flus kollha li taqla’, tgħallem faddal imqar ftit.
Raj il-fqir baqa’ fil-baħar.
Min hu fqir ma jistax jieħu r-riedni ta’ ħajtu f’idejh.
Sabiħ il-ħamiem għax jagħmel il-beċċun.
Ċerti affarijiet ikunu sbieħ għax irendulek il-flus.
Senduq magħluq xħin jinfetaħ tkun taf x’fih.
Qatt ma tkun taf eżatt bniedem kemm għandu flus qabel issir tafu.
Strina tajba, sena rgħiba.
Jekk tberbaq ħafna flus f’daqqa, tbati għall-bqija tas-sena għax ikollok toqgħod lura minn ħafna affarijiet oħra. Il-kelma “strina” ġejja mit-Taljan “strenna”, li tfisser rigal mogħti fi żmien il-Milied, u din min-naħa tagħha ġejja mil-Latin…
Ta’ b’xejn anke t-tosku għasel.
Dak kollu li tieħu b’xejn huwa tajjeb. Ħudu u tistenniex iżjed.
Ta’ b’xejn anke t-tosku manna.
Dak kollu li tieħu b’xejn huwa tajjeb. Ħudu u tistenniex iżjed.
Ta’ Buleben la fih trab u lanqas ġebel.
L-impressjoni li jkollok ta’ xi ħadd li hu xi sinjur kbir, jista’ jkun tkun falza.
Ta’ li taħdem titħallas.
Titħallas skont kif u kemm tagħmel xogħol.
Ta’ li tħallas tiekol.
Ixtri oġġett ta’ kwalità tajba u li jservi, għax tispiċċa tonfoq iżjed flus biex tibdel oġġett ta’ kwalità inferjuri li jinkiser mill‑ewwel.
Taħdem u tistinka u d-dublett dejjem bla ċinta.
Minkejja x‑xogħol kollu tagħmel, xorta waħda ma taqlax biżżejjed biex tgħix komdu.
Taħdem u tistinka u l-qalziet dejjem bla ċinta.
Minkejja x-xogħol kollu tagħmel, xorta waħda ma taqlax biżżejjed biex tgħix komdu.
Tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn.
Dak kollu li tieħu b’xejn huwa tajjeb. Ħudu u tistenniex iżjed.
Tallab qatt ma joħroġ fallut.
Min diġà qiegħed f’pożizzjoni żvantaġġata m’għandu xejn x’jitlef.
Tħallix il-flus jirkbuk.
Tkunx skjav tal-flus: il-flus għandhom jaqdu lill-bniedem, mhux bil-kontra.
Tieħu bla ma trodd is-swar tħott.
Jekk tonfoq biss u ma tfaddalx, xejn ma ssib meta tiġi bżonn; u dan japplika għal kollox, mhux għall-flus biss.
Toqgħodx fuq il-għatba u tistrieħx fuq senduq.
Qis li jkollok il-flus tiegħek u l-proprjetà tiegħek, biex ma tiddependix fuq ta’ ħaddieħor.
Trid iddawwar idek biex tilqa’ l-ġid f’idek.
Mis-serq u l-abbuż jiġu flejjes kbar.
Twaħħalx l-imsiemer f’dar is-sultan.
Tagħmilx xogħol f’post li tkun qed tikri, għax xejn ma tgawdi minnu u l‑flus li tkun infaqt.
Wara l-ħlas jiġi l-qmas.
Wara li tħallas għal xi oġġett jew servizz, toqmos meta jinqalgħu il-problemi u tmur bihom għand min tkun ħallast.
Warrab mid-dnub u eħles mid-dejn.
Li tiċċappas bid-dejn huwa ħażin daqslikieku tiċċappas bid-dnub, mela eħles minnu.
Wieħed jaqla’ u l-ieħor jaħli.
Wieħed jaħdem u jistinka għall-flus, biex dak kollu li jkun qala’ jgawdih ħaddieħor.
Xoqqa li tintiseġ maqjuma jxidduha n-nies meħjuma.
Mill-ilbies tinduna dak li jkun kemm ikun tal-flus. Maqjuma tfisser li tiswa l-flus u meħjuma tfisser imfissdin.
Żaqq mimlija ma tagħdirx oħra battala.
Min għandu l-flus ma jitħassarx lil min m’għandux.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.