Aħjar bniedem ikun fqir milli tal-flus u bla sinsla.
Il-midneb wara li jiekol jibred.
Kollox tajjeb u dritt dak li għal butek imidd.
Meta jkun hemm il-flus u l-interessi personali involuti, il-morali kollha jitwarrbu.
Min għandu ż-żejt ma jorqodx fid-dlam.
Min għandu l-flus ma jbatix, bħal min dari kien ikollu ż-żejt biex jixgħel il-lampa meta jidlam qabel daħlet il-luċelettrika.
Jekk ta’ xejn aħslu u erfgħu.
Ħadd ma jagħmillek biċċa xogħol bla flus.
Għad li marru l-ħwietem baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Il-flus mhumiex kollox.
Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Aħkem meta ssib għax jiġi r-Randan barra minn żmienu.
Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.
Min ifaddal isib.
Min ikun bil-għaqal u jfaddal il-flus, isibhom meta jiġi bżonnhom.
Il-ħobż artab biex tieklu, iżda iebes biex taqilgħu.
Biex taqla' l-flus diffiċli, iżda biex tonfoqhom faċli ħafna.
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta' bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Diqa u faqar agħar mill-mewt.
Aħjar tmut milli tgħix imdejjaq u bla flus.
Il-flus qegħdin biex tonfoqhom.
Avolja jkollok il-flus, trid tkun taf tgawdihom.
Il-ġuħ iqabbeż lil kulħadd.
Meta ma jkollokx biex tixtri mqar x'tiekol, minn kollox tagħmel.
Biex il-fqir jara xi faraġ il-fekruna trid titla’ t-taraġ.
Diffiċli ħafna li l-fqir isir sinjur, ix-xorti mhux dejjem tidħaqlu.
Il-fqir dejjem maħqur u b’rasu kollox idur.
Il-fqir jgħix ħajja ta' tbatija.
Ix-xebgħan ma jagħdirx lill-ġewħan.
Min għandu ħafna flus (= ix-xebgħan, imxebba' minn kollox) ma jagħdirx lil min m'għandux (= il-ġewħan, bil-ġuħ).
L-għaqal għandek u l-flus għandi, u biż-żmien għad teħodhomli.
Jekk tkun bil-għaqal taqla' l-flus, iżda l-għaqal ma tixtrihx bil-flus.
L-ilma fil-bir ma jaqtax l-għatx.
Min hu finanzjarjament batut għandu bżonn l-għajnuna, imqar biex jixtri x'jiekol u jixrob.
Aħdem għal ħabba u għodd ruħek mal-battal.
Aħjar taħdem għal ftit flus milli toqgħod ma tagħmel xejn.
Il-ġuħ qabel ir-ruħ.
Ir-reliġjon mhix biżżejjed meta tkun f'sitwazzjoni finanzjarja miżerabbli.
Il-fqir sal-klieb jagħrfuh u jinbħu għalih.
Mill-ewwel tinduna li xi ħadd fqir minn ilbiesu.