Avolja jkollok il-flus, trid tkun taf tgawdihom.
Midd riġlejk skont friexek.
Imut il-għani, imut il-fqir u t-tnejn għal ġewwa l-bir.
Ikollok kemm ikollok flus, kulħadd iddestinat li jmut. Il-bir jirreferi għall-qabar.
Aħjar katavru d-dar milli bil-bwiet vojta.
Aħjar tmut milli tkun bla flus.
Mhux billi twaħħal l-ixkaffa, trid tqiegħed il-ħobż fuqha wkoll.
Għall-għamara u t-tiżjin fid-dar ukoll irid ikollok il-flus.
Jekk trid tirkeb ixtri bhima.
Irid ikollok il-flus biex tmexxi fil-ħajja.
Meta tuża l-ħajta, qis li tkun tidħol f’ras il-labra.
Ara li tkun tiflaħ għall-ispiża li tkun dieħel fiha; b'mod ġenerali, ara li dak li tkun ser tagħmel tassew kapaċi għalih.
Meta għandek kulħadd jafek; meta m’għandekx kulħadd jinsiek.
Meta jkollok il-flus kulħadd irid ikun ħabib tiegħek, u meta ma jifdallek xejn kulħadd jabbandunak.
Fid-diqa u fl-għaks tkun taf tajjeb id-daqs.
Min m'għandux flus ma jaħlix.
Min ilembeb u jkattar isib fiex jitmattar.
Min ikun bil-għaqal fil-flus isibhom meta jiġi bżonnhom. Ilenbeb tfisser jiċċattja l-għaġina bil-lembuba.
Eħġem la ssib għax jiġi li jkollok issum bla ma trid.
Faddal il-flus biex meta tiġi bżonnhom issibhom. Eħġem huwa l-imperattiv tal-verb ħeġem.
Is-sieqja tajba iżda l-bir miksur.
Il-ġenituri, speċjalment dawk stabene, jafdaw wisq flus f'idejn uliedhom u jonfquhom bl-addoċċ, bħal bir li ma jżommx ilma.
Marru ċ-ċrieket iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom.
L-għani u l-fqir jeħtieġu ’l xulxin.
Is-sinjur jagħmel il-flus bis-saħħa tax-xogħol ta' min għandu inqas, u min għandu inqas jaqla' l-flus bis-saħħa tas-sinjur.
Id fl-ilma ma tagħdirx id fin-nar.
Min huwa komdu fil-flus ma jagħdirx lil min forsi iżjed batut.
Aħjar nagħmillek libsa nkella nitimgħek.
Lil min iħobb żaqqu tiffranka l-flus jekk tonfoqlu l-flus fil-ħwejjeġ milli fl-ikel.
Aħjar torqod bil-ġuħ milli tkun midjun.
Il-ġuħ tissaportih, iżda l-għawġ li tidħol fih minħabba d-dejn diffiċli iżjed tissaportih.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla' ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.
Aħjar torqod bil-ġuħ milli tkun midjun.
Il-ġuħ tissaportih, iżda l-għawġ li tidħol fih minħabba d-dejn diffiċli iżjed tissaportih.
Min iżoqq il-ħalq jintef il-leħja.
Xi nies jonfqu iżjed flus minn kemm jifilħu biex jippruvaw ilaħħqu ma' ħaddieħor.
Jekk tbigħ il-baqra ma tiħux ħalib.
Jekk titlef dak li jrendilek il-flus, ma jifdallek xejn.
Labra f’dar l-għaref aħjar mid-deheb.
Dari, min kien jaf iħit kien jiffranka flus mhux ħażin.