Min m'għandux flus ma jaħlix. Il-biqa hija l-ħasil tal-ħaxix.
Min isielek sidek.
Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Il-ħela jfaqqar.
Min jaħli l-flus ikun qed jiftaqar.
Il-ħofra aktar ma tqatta’ minnha aktar tikber.
Aktar kemm tberbaq flus, aktar tiftaqar.
Bil-flus tagħmel triq fil-baħar.
Bil-flus tagħmel kollox fid-dinja.
Mill-flus u mill-qdusija trid taqta’ ħamsin fil-mija.
Min jiftaħar bi flusu jew jilgħabha tal-qaddis temmnux, għax l-apparenza tqarraq bik.
B’xejn ma jsir xejn.
Bla flus ma tagħmel xejn.
Fejn m’hemmx bini u ħamrija m’hemmx sinjurija.
Min għandu l-artijiet u l-proprjetà għandu l-flus.
Aħjar bniedem kennies minn sinjur sħiħ u beżżiegħ.
Aħjar bniedem ikun fqir milli tal-flus u bla sinsla.
Ħajja dejjem imxuma aħjar il-mewt minnha.
Aħjar tmut milli tgħix fil-miżerja. Imxuma tfisser miżerabbli.
Iż-żaqq tal-bniedem hija ħela.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.
Il-flus huma mitraħ tax-xewk.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu qligħ l-imgħax.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta' min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Aħjar katavru d-dar milli bil-bwiet vojta.
Aħjar tmut milli tkun bla flus.
Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus.
Bla flus imkien ma tasal.
Aktar ma niekol, inqas nara.
Jekk tiekol l-ikel kollu li jkollok fil-platt ma tibqax tarah, bl-istess mod li jekk tonfoq ġidek kollu ma jifdallek xejn.
Il-fqir kollox jara kbir.
Għall-fqir kollox jiswa wisq flus.
Aħdem għal ħabba u għodd ruħek mal-battal.
Aħjar taħdem għal ftit flus milli toqgħod ma tagħmel xejn.
L-irħis għali.
Ixtri oġġett ta' kwalità tajba u li jservi, għax tispiċċa tonfoq iżjed flus biex tibdel oġġett ta' kwalità inferjuri li jinkiser mill-ewwel.
Il-ħofra aktar ma tqatta’ minnha aktar tikber.
Aktar kemm tberbaq flus, aktar tiftaqar.
Iż-żaqq tieħu li tagħtiha.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.