Irid ikollok il-flus biex tmexxi fil-ħajja.
Min għandu tista’ tgħix miegħu.
L-għani u l-fqir jeħtieġu ’l xulxin.
Is-sinjur jagħmel il-flus bis-saħħa tax-xogħol ta' min għandu inqas, u min għandu inqas jaqla' l-flus bis-saħħa tas-sinjur.
Ħsieb il-fqir qatt ma jsir.
Min huwa fqir ma jista' jippjana xejn, għax m'għandux mezzi.
Min għandu l-bżar ħa jroxxu fuq il-kromb.
Min għandu l-flus jiflaħ jagħmel il-kapriċċi kollha li jrid. Bżar jirreferi għad-demel.
Dak li jibża’ mill-kera għandu jmut fl-għera.
Min m'għandux biex iħallas il-kera m'għandux fejn joqgħod.
Iż-żaqq ma fihiex ħġieġ.
Jekk trid ma tonfoqx ħafna flus l-ikel, ħadd mhu se jinduna.
Aħjar disa’ rbajja’ u rieqed minn skud u mqajjem.
Min hu għażżien jippreferi jaħdem inqas għal ftit flus, milli jaħdem iżjed għal aktar flus.
L-għaks f’dar il-fqir kwadri indurati.
Meta ma jkollokx mezzi u ssib ftit flus f'idejk, titkessaħ bihom.
Marru ċ-ċrieket iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom.
Biex il-fqir jara xi faraġ il-fekruna trid titla’ t-taraġ.
Diffiċli ħafna li l-fqir isir sinjur, ix-xorti mhux dejjem tidħaqlu.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla' ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.
Ibża’ għas-sold u ma tiġix fil-bżonn.
Min ma jberbaqx flusu jsibhom.
Il-flus isiru jew b’rebħa, jew b’xi wirta, jew b’xi sejba.
Issir sinjur huwa diffiċli ħafna sakemm ma tirbaħx xi lotterija, tiritx lil xi ħadd jew issibx il-flus xi mkien.
Fil-ħjieġ u d-diqa tinħall il-biqa.
Min m’għandux flus ma jaħlix. Il-biqa hija l-ħasil tal-ħaxix.
Il-ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu l-qligħ, l-imgħax u l-ġid.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta’ min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Min għandu l-flus għandu kollox.
Bil-flus tagħmel il-kapriċċi kollha li trid.
Il-ħela jfaqqar.
Min jaħli l-flus ikun qed jiftaqar.
Il-prużuntuż għandu nofs flusu fil-kus.
Min jagħtih wiċċu jagħmel iżjed flus minn min joqgħod jistħi. Kus tfisser karus.
Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.
Il-flus importanti biss f'din il-ħajja, la tmut m'intix ser teħodhom miegħek.
Aħżen il-muna u mur ċeppuna.
Qabel ma tagħmel xi bluha li ħabba fiha tmur il-ħabs, qis li familtek ikollha l-mezzi biex tgħix.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla' ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.