Li fis-sajf iġġorr in-nemla, fil-ħarifa tkaxkru l-ħamla.Inti taħdem u tistinka biex tfaddal, u l-membri ingrati ta' familtek iberbqulek kollox. Il-ħamla huwa dak kollu li jġorr miegħu l-ilma meta tagħmel ħafna xita.
Is-siba kien u jkun, imma l-ħlas fl-aħħar irid ikun.Għalxejn tippostponi d-djun li għandek, xi darba jew oħra jridu jitħallsu. Siba (bl-aċċent fuq it-tieni sillaba) tfisser ħlas li jasal aktar tard.
Min isielek sidek.Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Ilbieraħ ibigħ il-marinat u llum ta’ abbet għax it-trovatura sab.Hemm min jirnexxilu jagħmel suċċess biż-żmien. Abbet tfisser sinjur u trovatura tfisser teżor.
Il-ħobż artab biex tieklu, iżda iebes biex taqilgħu.Biex taqla' l-flus diffiċli, iżda biex tonfoqhom faċli ħafna.
Min jiftaħar flusu f’butu, u min jiftaħar f’kexxuntu.Min huwa tassew sinjur ma jiftaħarx bi flusu għax m'għandux għalfejn jimpressjona.