Il-knisja dejjem bżonn il-flus għall-manutenzjoni.
Aħjar bniedem kennies minn sinjur sħiħ u beżżiegħ.
Imut il-għani, imut il-fqir u t-tnejn għal ġewwa l-bir.
Ikollok kemm ikollok flus, kulħadd iddestinat li jmut. Il-bir jirreferi għall-qabar.
Labra f’dar l-għaref aħjar mid-deheb.
Dari, min kien jaf iħit kien jiffranka flus mhux ħażin.
Il-flus u t-tjieba t-tnejn giddieba.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Il-faqar iġib il-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Ħadd ma jkollu borża flus għat-telf.
Ħadd ma jagħmel apposta biex jitlef flusu.
Il-flus imorru u jiġu.
Jekk titlef il-flus, dejjem tista’ terġa’ taħdem għalihom.
B’demm il-fqir ġid qatt ma jsir.
Mhux sew li tagħmel il-flus minn fuq dahar min m'għandux biex.
Midd riġlejk skont friexek.
Qis li tkun tiflaħ tħallas għal xi ħaġa qabel ma tintriga biha.
L-ixkupi mill-ġummar isiru.
Imbilli titwieled f'ambjent ta' faqar ma jfissirx li ma tistax tirnexxi xorta waħda fil-ħajja. Il-ġummar huwa tip ta' siġra, Chamaerops humilis.
Il-flus mhumiex ta’ min jagħmilhom, iżda ta’ min igawdihom.
Avolja jkollok il-flus, trid tkun taf tgawdihom.
Jekk trid tirkeb ixtri bhima.
Irid ikollok il-flus biex tmexxi fil-ħajja.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla' ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.
Is-sinjur imutulu t-tfal u l-fqir imutlu l-ħmar.
Dari min ma kellux flus u kien imutlu l-ħmar, kienet xi ħaġa kbira - daqslikieku mietlu tifel. Normalment, is-sinjuri kienu jmutulhom it-tfal.
B’demm il-fqir ġid qatt ma jsir.
Mhux sew li tagħmel il-flus minn fuq dahar min m'għandux biex.
Bil-flus tagħmel triq fil-baħar.
Bil-flus tagħmel kollox fid-dinja.
Ix-xebgħan ma jagħdirx lill-ġewħan.
Min għandu ħafna flus (= ix-xebgħan, imxebba' minn kollox) ma jagħdirx lil min m'għandux (= il-ġewħan, bil-ġuħ).
Geddumu fix-xgħir, ma jiftakarx f’meta kien fqir.
Issa li stagħna, nesieh iż-żmien fejn kien fqir u m'għandux simpatija għal ħaddieħor. Jekk ix-xgħir jikber u jasal sa geddumek, mela għandek il-ġid.
Min iżoqq il-ħalq jintef il-leħja.
Xi nies jonfqu iżjed flus minn kemm jifilħu biex jippruvaw ilaħħqu ma' ħaddieħor.
L-għaks jiżrob il-qalb.
Il-faqar iġib id-dwejjaq. Jiżrob ġejja minn żarab, li tfisser opprima.
Il-fqir dejjem maħqur u b’rasu kollox idur.
Il-fqir jgħix ħajja ta' tbatija.