Issellifx flus lil min taf li ma jistax iroddhomlok lura, lanqas jekk tiftaħlu kawża l-qorti.
Aħdem għal ħabba u għodd ruħek mal-battal.
Aħżen il-muna u mur ċeppuna.
Qabel ma tagħmel xi bluha li ħabba fiha tmur il-ħabs, qis li familtek ikollha l-mezzi biex tgħix.
Ilbieraħ ibigħ il-marinat u llum ta’ abbet għax it-trovatura sab.
Hemm min jirnexxilu jagħmel suċċess biż-żmien. Abbet tfisser sinjur u trovatura tfisser teżor.
B’daqshekk il-bastiment mhux ser jagħmel l-ilma.
Billi tonfoq naqra iżjed flus f'xi ħaġa, m'intix ser tiżbanka.
Min għandu tista’ tgħix miegħu.
Min għandu l-flus ikun jista' jgħinek, tagħmlux l-għadu tiegħek.
Il-ħela jfaqqar.
Min jaħli l-flus ikun qed jiftaqar.
Dak minn xelin jonqsu ħdax-il sold, dejjem minn irbiegħi jonqsu dsatax-il ħabba.
Min m'għandux flus ma jistax jiddeverti. Xelin kien fih tnax-il sold u l-irbiegħi kien fih għoxrin ħabba - kienu l-flus Ingliżi li kienu jintużaw Malta fil-Perjodu Kolonjali.
Fil-għoli kul ir-ross bil-labra.
Meta ma tleħħaqx mal-għoli tal-ħajja ibża' għall-flus.
Aħkem meta ssib għax jiġi r-Randan barra minn żmienu.
Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.
Mingħajr xaħam ma tvarax.
Bla flus (= xaħam) ma tasal imkienl; ix-xaħam jirreferi b'mod indirett għat-tixħim, li mhux possibbli bla flus.
Ħallas illum u ddejjen għada.
Xi nies jonfqu kulma jkollhom mingħajr ma jaħsbu fil-ġejjieni.
Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.
Il-flus importanti biss f'din il-ħajja, la tmut m'intix ser teħodhom miegħek.
Il-faqar iġib l-ulied fil-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Jekk m’għandekx żejt fid-dlam torqod.
Bħalma jkollok id-dlam jekk ma jkunx hemm żejt fil-lampa, l-istess jiġrilek meta tkun bla flus.
Id-dejn tħallsu darbtejn.
Id-dejn jiġi jiswiek ħafna fuq żmien twil.
Flusi mhux tal-ġild.
Tapprezza l-valur tal-flus meta tkun ħdimt għalihom.
L-għaks jiżrob il-qalb.
Il-faqar iġib id-dwejjaq. Jiżrob ġejja minn żarab, li tfisser opprima.
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta' bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Il-flus għandhom il-ġwienaħ.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Il-flus dominanti u lill-għorrief jagħmluhom injoranti.
Il-flus lil kulħadd jagħmew, anke lin-nies intelliġenti.
Il-flus fis-senduq merfugħa għall-ħalliel, u mħaddmin jagħtu l-għeliel.
Il-flus agħmel xi ħaġa utli bihom, terfagħhomx id-dar. Għeliel huma interessi.