Il-flus agħmel xi ħaġa utli bihom, terfagħhomx id-dar. Għeliel huma interessi.
Kollox tajjeb u dritt dak li għal butek imidd.
Kellu s-sħiħ u għamlu riħ.
Berbaq flusu kollha.
Labra f’dar l-għaref aħjar mid-deheb.
Dari, min kien jaf iħit kien jiffranka flus mhux ħażin.
Fid-diqa u fl-għaks tkun taf tajjeb id-daqs.
Min m'għandux flus ma jaħlix.
Mill-imderri u mill-mitluf kulma tiġbor mirbuħ.
Jekk għandek tiġbor xi flus li tkun sellift, iġborhom illum qabel għada għax fil-futur jaf ma ssibhomx. Imderri tfisser imferrex.
Ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu qligħ l-imgħax.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta' min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Il-flus mhumiex kollox.
Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Ħallas illum u ddejjen għada.
Xi nies jonfqu kulma jkollhom mingħajr ma jaħsbu fil-ġejjieni.
Il-flus u l-qdusija t-tnejn moħbija.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Aqla’ sold u onfoq sitta.
Tonfoqx iżjed flus milli taqla'.
Il-ħitan tal-ħaġar lebsin u l-iġsma għarwenin.
Jekk tberbaq flusek f'affarijiet bla bżonn, tispiċċa lanqas flus għall-bażiku ma jifdallek.
Meta tikkoppa l-bozza, l-għani bir-rota u l-bidwi bil-kabozza.
Min għandu l-flus dejjem jgħix iżjed komdu minn min m'għandux. Il-bozza hija kontenitur tas-silġ li jkessaħ l-ilma jew l-inbid, u kabozza hija għamla ta' kowt.
B’daqshekk il-bastiment mhux ser jagħmel l-ilma.
Billi tonfoq naqra iżjed flus f'xi ħaġa, m'intix ser tiżbanka.
L-għaks f’dar il-fqir kwadri indurati.
Meta ma jkollokx mezzi u ssib ftit flus f'idejk, titkessaħ bihom.
Min għandu jiswielu u min m’għadnux jibdielu.
Min m'għandux flus ma jkampax. Jibdielu jiġifieri jiddispjaċih.
Min ilembeb u jkattar isib fiex jitmattar.
Min ikun bil-għaqal fil-flus isibhom meta jiġi bżonnhom. Ilenbeb tfisser jiċċattja l-għaġina bil-lembuba.
Biex il-fqir jara xi faraġ il-fekruna trid titla’ t-taraġ.
Diffiċli ħafna li l-fqir isir sinjur, ix-xorti mhux dejjem tidħaqlu.
Flusi mhux tal-ġild.
Tapprezza l-valur tal-flus meta tkun ħdimt għalihom.
Il-fqir dejjem irid.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu.
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta' bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Ilbieraħ ibigħ il-marinat u llum ta’ abbet għax it-trovatura sab.
Hemm min jirnexxilu jagħmel suċċess biż-żmien. Abbet tfisser sinjur u trovatura tfisser teżor.