Il-flus agħmel xi ħaġa utli bihom, terfagħhomx id-dar. Għeliel huma interessi.
Min għandu l-bżar ħa jroxxu fuq il-kromb.
B’libsa waħda jiżfen u jidfen.
Dejjem bl-istess ħwejjeġ għax m'għandux flus.
Meta l-missier jagħmel Karnival, l-ulied jagħmlu r-Randan.
Meta l-missier ma jkunx bil-għaqal fil-flus, tbati l-familja kollha.
Min isielek sidek.
Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Is-sieqja tajba iżda l-bir miksur.
Il-ġenituri, speċjalment dawk stabene, jafdaw wisq flus f'idejn uliedhom u jonfquhom bl-addoċċ, bħal bir li ma jżommx ilma.
Mill-flus u mill-qdusija trid taqta’ ħamsin fil-mija.
Min jiftaħar bi flusu jew jilgħabha tal-qaddis temmnux, għax l-apparenza tqarraq bik.
Mill-imderri u mill-mitluf kulma tiġbor mirbuħ.
Jekk għandek tiġbor xi flus li tkun sellift, iġborhom illum qabel għada għax fil-futur jaf ma ssibhomx. Imderri tfisser imferrex.
Miet in-naħal u spiċċa l-għasel.
Meta s-sors li minnu taqla' l-flus jispiċċa, ma taqlax iżjed flus.
Eħġem la ssib għax jasal ir-Randan.
Faddal il-flus biex meta tiġi bżonnhom issibhom. Eħġem huwa l-imperattiv tal-verb ħeġem.
Dak minn xelin jonqsu ħdax-il sold, dejjem minn irbiegħi jonqsu dsatax-il ħabba.
Min m'għandux flus ma jistax jiddeverti. Xelin kien fih tnax-il sold u l-irbiegħi kien fih għoxrin ħabba - kienu l-flus Ingliżi li kienu jintużaw Malta fil-Perjodu Kolonjali.
L-għaks f’dar il-fqir kwadri indurati.
Meta ma jkollokx mezzi u ssib ftit flus f'idejk, titkessaħ bihom.
Fil-għoli kul ir-ross bil-labra.
Meta ma tleħħaqx mal-għoli tal-ħajja ibża' għall-flus.
Is-sieqja tajba iżda l-bir miksur.
Il-ġenituri, speċjalment dawk stabene, jafdaw wisq flus f'idejn uliedhom u jonfquhom bl-addoċċ, bħal bir li ma jżommx ilma.
Il-flus għandhom iċ-ċirku u malajr jaqbdu n-niżla.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Dak li jħarbat u jqatta’ ma jibqagħlux biex jitgħatta.
Min iħarbat il-flus ma jifdallu xejn.
Aħjar bniedem kennies minn sinjur sħiħ u beżżiegħ.
Aħjar bniedem ikun fqir milli tal-flus u bla sinsla.
Il-ġuħ qabel ir-ruħ.
Ir-reliġjon mhix biżżejjed meta tkun f'sitwazzjoni finanzjarja miżerabbli.
Geddumu fix-xgħir, ma jiftakarx f’meta kien fqir.
Issa li stagħna, nesieh iż-żmien fejn kien fqir u m'għandux simpatija għal ħaddieħor. Jekk ix-xgħir jikber u jasal sa geddumek, mela għandek il-ġid.
Jekk tħares lejn il-qamar u tmiss il-flus tul għomrok dejjem tbus.
Superstizzjoni fejn dari kienu jemmnu li jekk tħares lejn il-qamar u tmiss il-flus issib l-imħabba ta' ħajtek.
Il-faqar iġib l-ulied fil-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Jew iftaħ idejk u ftaħar, jew agħlaqhom u nsatar.
Jekk se tagħmel xi ħaġa, onfoq il-flus u agħmilha sew inkella tagħmel xejn.