Tonfoqx iżjed flus milli taqla'.
Min dari jagħti miet; baqa’ Qanċiċu li lanqas jagħti rmied.
Iż-żaqq tal-bniedem hija ħela.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.
Li fis-sajf iġġorr in-nemla, fil-ħarifa tkaxkru l-ħamla.
Inti taħdem u tistinka biex tfaddal, u l-membri ingrati ta' familtek iberbqulek kollox. Il-ħamla huwa dak kollu li jġorr miegħu l-ilma meta tagħmel ħafna xita.
Il-ġuħ iqabbeż lil kulħadd.
Meta ma jkollokx biex tixtri mqar x'tiekol, minn kollox tagħmel.
Meta x-xott jixxarrab malajr jinxef.
Min hu fqir bil-ftit għajnuna li jingħata xorta ma jgħaddix.
B’libsa waħda jiżfen u jidfen.
Dejjem bl-istess ħwejjeġ għax m'għandux flus.
Kollox tajjeb u dritt dak li għal butek imidd.
Meta jkun hemm il-flus u l-interessi personali involuti, il-morali kollha jitwarrbu.
Flusek mitraħ tax-xewk.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
L-għaks jiżrob il-qalb.
Il-faqar iġib id-dwejjaq. Jiżrob ġejja minn żarab, li tfisser opprima.
Għall-fqir il-qamar musbieħ u l-basal tuffieħ.
Hemm min tant m'għandux biex li lanqas il-bażiku bħad-dawl (il-musbieħ) u l-ikel (it-tuffieħ) ma jaffordja.
Aħjar għerfek minn mielek.
Aħjar tkun bniedem intelliġenti minn bniedem tal-flus. Mielek tfisser ġidek.
Min jagħmel għal żaqqu jibqa’ bi spallejh mikxufin.
Min jonfoq ħafna flus għalxejn fl-ikel ma jkollux biex jagħmel affarijiet oħra.
Bewqet xaqqha biex żejnet żaqqha.
Tilfet ġieħha kollu għall-flus.
Għal min hu baħħ, aħjar iff inkella aħħ.
Min m'għandux jew ma jridx jonfoq flus (= baħħ), aħjar jeqred bis-sħana (= iff) milli bil-bard (= aħħ), għax il-ħwejjeġ jiswew il-flus.
Fil-qorti r-rebbieħ tellief.
Tiftaħ kawża l-qorti tant fiha spejjeż li jekk tirbaħha xorta tkun tlift ħafna flus.
Marru ċ-ċrieket iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom.
Drabi magħkus u drabi butu jagħmar il-flus.
Jiġu drabi fejn ikun komdu fil-flus u oħrajn fejn ibati.
Il-ġuħ itejjeb il-ħobż.
Meta tkun nieqes minn xi ħaġa, tapprezza ħafna iktar meta tasal.
Meta l-missier jagħmel Karnival, l-ulied jagħmlu r-Randan.
Meta l-missier ma jkunx bil-għaqal fil-flus, tbati l-familja kollha.
Ħallas illum u ddejjen għada.
Xi nies jonfqu kulma jkollhom mingħajr ma jaħsbu fil-ġejjieni.
Il-flus la jgħajtu u lanqas iwerżqu.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.