Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta' min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Min ilembeb u jkattar isib fiex jitmattar.
Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.
Il-flus importanti biss f'din il-ħajja, la tmut m'intix ser teħodhom miegħek.
Min isielek sidek.
Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Għal min tagħmel tajjeb ħallas.
Ladarba tkun ħadt deċiżjoni, jeħtieġ li tkun responsabbli u żżomm magħha.
Fil-għoli kul ir-ross bil-labra.
Meta ma tleħħaqx mal-għoli tal-ħajja ibża' għall-flus.
La tislifx lil min ma tistax tħarrek għax tinħan.
Issellifx flus lil min taf li ma jistax iroddhomlok lura, lanqas jekk tiftaħlu kawża l-qorti.
Min iraqqa’ jogħla f’daqqa.
Min jagħti kas ħwejġu u jieħu ħsiebhom ifaddal iżjed flus minn min il-ħin kollu jixtri l-ġdid.
Lill-fqir tikrilux bil-gallarija.
Tistenniex affarijiet mingħand min taf li ma jistax jagħtihomlok, bħal min ma jiflaħx iħallas kera għolja.
Ibża’ għas-sold u ma tiġix fil-bżonn.
Min ma jberbaqx flusu jsibhom.
B’xejn ma jsir xejn.
Bla flus ma tagħmel xejn.
Fil-qorti r-rebbieħ tellief.
Tiftaħ kawża l-qorti tant fiha spejjeż li jekk tirbaħha xorta tkun tlift ħafna flus.
Ħmar taqilgħu tikxiflux snienu biex tara kemm snin għandu.
Jekk xi ħadd għoġbu jagħtik xi ħaġa bla ħlas, irringrazzjah u toqgħodx tistaqsih ħafna mistoqsijiet dwarha.
Is-silla kibret u l-ħmar tiegħi ma jsibx jirgħa.
Għal xi nies sfortunati, ta' madwarhom ifuru bil-ġid u huma jibqgħu b'xejn.
Il-flus huma passaport għall-infern.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Il-ġuħ iqabbeż lil kulħadd.
Meta ma jkollokx biex tixtri mqar x'tiekol, minn kollox tagħmel.
Min jiddejjen jiżżejjen.
Min irid ħafna affarijiet jiswew il-flus, ikollu jiddejjen biex ileħħaq.
Il-ħitan tal-ħaġar lebsin u l-iġsma għarwenin.
Jekk tberbaq flusek f'affarijiet bla bżonn, tispiċċa lanqas flus għall-bażiku ma jifdallek.
Marru l-ħwietem iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Mal-ewwel tisfira ħalli t-tifkira.
Dari l-prostituti kien ikollhom raġel magħhom li malli jsaffrulu, jieħu ħsieb li l-klijent li jkun ħiereġ ikun ħallas. Tifkira tirreferi għall-flus.
Il-flus żerriegħa rqiqa, ma ssibhomx f’idejk.
Il-flus malajr jisparixxu malli tibda tonfoqhom.
Jekk m’għandekx żejt fid-dlam torqod.
Bħalma jkollok id-dlam jekk ma jkunx hemm żejt fil-lampa, l-istess jiġrilek meta tkun bla flus.