Min kien imexxi qabel kien joħroġ iżjed flus minn dan ta' bħalissa, li jqanċeċ biss. Dari tfisser qabel.
Min isielek sidek.
Aħjar nagħmillek libsa nkella nitimgħek.
Lil min iħobb żaqqu tiffranka l-flus jekk tonfoqlu l-flus fil-ħwejjeġ milli fl-ikel.
Għad li marru l-ħwietem baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Il-prużuntuż għandu nofs flusu fil-kus.
Min jagħtih wiċċu jagħmel iżjed flus minn min joqgħod jistħi. Kus tfisser karus.
Barmil bla qiegħ, titfa’ kemm titfa’ ma timlieh.
Hemm min mhux kapaċi jkun bil-għaqal fil-flus, malli jidħlu joħorġu.
Bil-ġmiel biss ma nimlewx żaqqna.
Fl-antik il-flus tad-dota kienu importanti ħafna fiż-żwieġ; is-sbuħija tal-mara ma kenitx biżżejjed.
Fil-għaks u d-diqa tinġibed il-biqa.
Min m'għandux flus ma jaħlix. Il-biqa hija l-ħasil tal-ħaxix.
Is-siegħ imlieh u li jibqa’ aħlih.
Trid l-ewwel tara kif ser tagħmel il-flus biex ikollok il-lussu tberbaqhom. Siegħ huwa unità ta' kejl tal-art (~187.4 m2).
Il-flus mhumiex kollox.
Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Kejjel il-borġ u ibża’ għall-għarma.
Aħdem kemm tiflaħ biex taqla' l-flus iżda ibża' għalihom. Borġ tfisser torri u għarma tfisser munzell, b'referenza għall-flus.
Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna.
Il-flus importanti biss f'din il-ħajja, la tmut m'intix ser teħodhom miegħek.
Dak li jibża’ mill-kera għandu jmut fl-għera.
Min m'għandux biex iħallas il-kera m'għandux fejn joqgħod.
Min jagħmel għal żaqqu jibqa’ bi spallejh mikxufin.
Min jonfoq ħafna flus għalxejn fl-ikel ma jkollux biex jagħmel affarijiet oħra.
Ix-xita fil-baħar tinżel.
Aktar kemm ikollok flus, aktar tidħaqlek ix-xorti.
Il-faqar iġib il-għaqar.
Min hu fqir ikompli jiftaqar. Għaqar tfisser miżerja.
Il-flus imorru u jiġu.
Jekk titlef il-flus, dejjem tista’ terġa’ taħdem għalihom.
Min għandu jiswielu u min m’għadnux jibdielu.
Min m'għandux flus ma jkampax. Jibdielu jiġifieri jiddispjaċih.
Il-ħitan tal-ħaġar lebsin u l-iġsma għarwenin.
Jekk tberbaq flusek f'affarijiet bla bżonn, tispiċċa lanqas flus għall-bażiku ma jifdallek.
Min iraqqa’ jogħla f’daqqa.
Min jagħti kas ħwejġu u jieħu ħsiebhom ifaddal iżjed flus minn min il-ħin kollu jixtri l-ġdid.
Iż-żaqq tieħu li tagħtiha.
Tonfoqx iżżejjed fl-ikel.
Lill-fqir tikrilux bil-gallarija.
Tistenniex affarijiet mingħand min taf li ma jistax jagħtihomlok, bħal min ma jiflaħx iħallas kera għolja.