Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.
Mill-flus u mill-qdusija trid taqta’ ħamsin fil-mija.
Jekk tagħmel il-kont, il-borma ma ssajjarx.
Ma tridx tagħti kas kemm tonfoq fl-ikel, għax jiswa ħafna flus.
Libes żarbun f’daqqa u għandu karkur imraqqa’.
Sar sinjur f'daqqa waħda u issa donnu tilef moħħu.
Il-flus mhumiex kollox.
Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Il-midneb wara li jiekol jibred.
Min jibda mix-xejn u jagħmel suċċess, hemm ċans li jitlagħlu għal rasu u jitkabbar. Jibred hawn tfisser li ma jibqa' jimpurtah minn xejn.
Min għandu jiswielu u min m’għadnux jibdielu.
Min m'għandux flus ma jkampax. Jibdielu jiġifieri jiddispjaċih.
Ħmar taqilgħu tikxiflux snienu biex tara kemm snin għandu.
Jekk xi ħadd għoġbu jagħtik xi ħaġa bla ħlas, irringrazzjah u toqgħodx tistaqsih ħafna mistoqsijiet dwarha.
Meta x-xott jixxarrab malajr jinxef.
Min hu fqir bil-ftit għajnuna li jingħata xorta ma jgħaddix.
L-għani u l-ħanżir jitwieżnu fid-debħa.
Qatt ma tista' tkun taf eżatt kemm għandu flus xi ħadd qabel mewtu, bl-istess mod li ma tistax tkun taf kemm se ddaħħal flus minn ħanżir qabel toqtlu. Debħa hija l-qatla.
Aħjar taqtagħlu libsa milli tistiednu.
Lil min iħobb żaqqu tiffranka l-flus jekk tonfoqlu l-flus fil-ħwejjeġ milli fl-ikel.
Mill-imderri u mill-mitluf kulma tiġbor mirbuħ.
Jekk għandek tiġbor xi flus li tkun sellift, iġborhom illum qabel għada għax fil-futur jaf ma ssibhomx. Imderri tfisser imferrex.
B’demm il-fqir ġid qatt ma jsir.
Mhux sew li tagħmel il-flus minn fuq dahar min m'għandux biex.
Ix-xewqat ma jimlewx il-but.
Bix-xewqat ma taqlax flus.
Labra f’dar l-għaref aħjar mid-deheb.
Dari, min kien jaf iħit kien jiffranka flus mhux ħażin.
Fejn m’hemmx bini u ħamrija m’hemmx sinjurija.
Min għandu l-artijiet u l-proprjetà għandu l-flus.
Imut il-għani, imut il-fqir u t-tnejn għal ġewwa l-bir.
Ikollok kemm ikollok flus, kulħadd iddestinat li jmut. Il-bir jirreferi għall-qabar.
Is-sinjur imutulu t-tfal u l-fqir imutlu l-ħmar.
Dari min ma kellux flus u kien imutlu l-ħmar, kienet xi ħaġa kbira - daqslikieku mietlu tifel. Normalment, is-sinjuri kienu jmutulhom it-tfal.
Ħobż tax-xgħir, għasel f’dar il-fqir.
Min m'għandux flus ikollu jikkuntenta bi ftit.
Meta tuża l-ħajta, qis li tkun tidħol f’ras il-labra.
Ara li tkun tiflaħ għall-ispiża li tkun dieħel fiha; b'mod ġenerali, ara li dak li tkun ser tagħmel tassew kapaċi għalih.
Il-fqir dejjem irid.
Il-fqir dejjem għandu bżonn min jgħinu.
Il-fqir dejjem maħqur u b’rasu kollox idur.
Il-fqir jgħix ħajja ta' tbatija.