Il-kuntentizza tiegħek m’għandhiex tkun marbuta mal-flus.
Min iħarbat u jqatta’ ma jibqagħlux biex jitgħatta.
Aħżen la ssib għax jiġi żmien li ssum bla ma trid.
Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.
Is-siba kien u jkun, imma l-ħlas fl-aħħar irid ikun.
Għalxejn tippostponi d-djun li għandek, xi darba jew oħra jridu jitħallsu. Siba (bl-aċċent fuq it-tieni sillaba) tfisser ħlas li jasal aktar tard.
Min jiddejjen jiżżejjen.
Min irid ħafna affarijiet jiswew il-flus, ikollu jiddejjen biex ileħħaq.
Ħsieb il-fqir qatt ma jsir.
Min huwa fqir ma jista' jippjana xejn, għax m'għandux mezzi.
B’demm il-fqir ġid qatt ma jsir.
Mhux sew li tagħmel il-flus minn fuq dahar min m'għandux biex.
Min jagħmel għal żaqqu jibqa’ bi spallejh mikxufin.
Min jonfoq ħafna flus għalxejn fl-ikel ma jkollux biex jagħmel affarijiet oħra.
Geddumu fix-xgħir, ma jiftakarx f’meta kien fqir.
Issa li stagħna, nesieh iż-żmien fejn kien fqir u m'għandux simpatija għal ħaddieħor. Jekk ix-xgħir jikber u jasal sa geddumek, mela għandek il-ġid.
Il-ħlas bil-meher u t-tiġbid jieħu l-qligħ, l-imgħax u l-ġid.
Jekk sellift il-flus qis li jħallsuk l-imgħax (= l-interessi) ukoll, u taċċettax l-iskużi ta’ min joqgħod iġebbed u jgħidlek li se jħallsek wara (=bil-meher).
Biex il-fqir jara xi faraġ il-fekruna trid titla’ t-taraġ.
Diffiċli ħafna li l-fqir isir sinjur, ix-xorti mhux dejjem tidħaqlu.
Aħjar torqod bil-ġuħ milli tkun midjun.
Il-ġuħ tissaportih, iżda l-għawġ li tidħol fih minħabba d-dejn diffiċli iżjed tissaportih.
B’xejn ma jsir xejn.
Bla flus ma tagħmel xejn.
Ħallas illum u ddejjen għada.
Xi nies jonfqu kulma jkollhom mingħajr ma jaħsbu fil-ġejjieni.
Għal min tagħmel tajjeb ħallas.
Ladarba tkun ħadt deċiżjoni, jeħtieġ li tkun responsabbli u żżomm magħha.
Li fis-sajf iġġorr in-nemla, fil-ħarifa tkaxkru l-ħamla.
Inti taħdem u tistinka biex tfaddal, u l-membri ingrati ta' familtek iberbqulek kollox. Il-ħamla huwa dak kollu li jġorr miegħu l-ilma meta tagħmel ħafna xita.
Jew il-ħobż iebes jew is-sikkina ma taqtax.
Min ma tantx għandu flus, diffiċl jgħix komdu.
Dak li jħarbat u jqatta’ ma jibqagħlux biex jitgħatta.
Min iħarbat il-flus ma jifdallu xejn.
Marru l-ħwietem iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom. Il-ħwietem huma ċ-ċrieket.
Id-dejn tħallsu darbtejn.
Id-dejn jiġi jiswiek ħafna fuq żmien twil.
Aħjar titwieled fqir u tmut sinjur.
Aħjar ma jkollok xejn u wara tagħmel suċċess, milli bil-kontra.
Min iraqqa’ jogħla f’daqqa.
Min jagħti kas ħwejġu u jieħu ħsiebhom ifaddal iżjed flus minn min il-ħin kollu jixtri l-ġdid.