Min isellfek il-flus jispiċċa jikkontrollalek ħajtek għax ikollok id-dejn miegħu. Isielek tfisser isellfek.
Il-flus fis-senduq merfugħa għall-ħalliel, u mħaddmin jagħtu l-għeliel.
L-għaks f’dar il-fqir kwadri indurati.
Meta ma jkollokx mezzi u ssib ftit flus f'idejk, titkessaħ bihom.
Il-ħobż iebes jew is-sikkina ma taqtax.
Min ma jaqlax biżżejjed flus ma jistax jgħix komdu.
B’xejn ma jsir xejn.
Bla flus ma tagħmel xejn.
Min għandu l-bżar ħa jroxxu fuq il-kromb.
Min għandu l-flus jiflaħ jagħmel il-kapriċċi kollha li jrid. Bżar jirreferi għad-demel.
Ilbieraħ ibigħ il-marinat u llum ta’ abbet għax it-trovatura sab.
Hemm min jirnexxilu jagħmel suċċess biż-żmien. Abbet tfisser sinjur u trovatura tfisser teżor.
Jekk tagħmel il-kont, il-borma ma ssajjarx.
Ma tridx tagħti kas kemm tonfoq fl-ikel, għax jiswa ħafna flus.
Aħżen la ssib għax jiġi żmien li ssum bla ma trid.
Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.
Il-fqir ħajtu kollha tinqir.
Il-fqir ikollu jlaqqat minn hawn u minn hemm biex ikampa.
Is-silla kibret u l-ħmar tiegħi ma jsibx jirgħa.
Għal xi nies sfortunati, ta' madwarhom ifuru bil-ġid u huma jibqgħu b'xejn.
Il-flus huma passaport għall-infern.
Il-flus iġibuk f’inkwiet kbir. Mitraħ huwa saqqu.
Mhux min jiftaħar għandu l-flus.
Min għandu tassew il-flus, ma jippruvax jimpressjona bil-ftaħir għax m'għandux għalfejn.
L-irħis għali.
Ixtri oġġett ta' kwalità tajba u li jservi, għax tispiċċa tonfoq iżjed flus biex tibdel oġġett ta' kwalità inferjuri li jinkiser mill-ewwel.
Mingħajr xaħam ma tvarax.
Bla flus (= xaħam) ma tasal imkienl; ix-xaħam jirreferi b'mod indirett għat-tixħim, li mhux possibbli bla flus.
Meta x-xott jixxarrab malajr jinxef.
Min hu fqir bil-ftit għajnuna li jingħata xorta ma jgħaddix.
La tislifx lil min ma tistax tħarrek għax titqarraq.
Issellifx flus lil min taf li ma jistax iroddhomlok lura, lanqas jekk tiftaħlu kawża l-qorti.
L-imgħakkes fqajjar, dak li fuqu senduqu.
Min m'għandux flus ma tantx għandu affarijiet oħra.
Aħjar għerfek minn mielek.
Aħjar tkun bniedem intelliġenti minn bniedem tal-flus. Mielek tfisser ġidek.
Aħjar għandek tieħu mingħand ħalliel milli għandek tagħti lill-kappillan.
Dari kien hawn ħafna dejn mal-Knisja, li kellu jitħallas bilfors.
Aħjar ħobż u ġobon milli torta inkwiet.
Aħjar tgħix ħajja ta' fqir milli tkun tal-flus u mifni bl-inkwiet.
Aħjar ġerrejja tiġbor ġieħha milli fqir isir sinjur.
Aħjar il-ħażin li jsir tajjeb, milli l-fqir isir sinjur - il-flus jitilgħulu għal rasu.