Nies li għandhom ideat opposti diffiċli jiftiehmu.
Min ippleġġa jkollu jħallas.
Meta tuża l-ħajta, qis li tkun tidħol f’ras il-labra.
Ara li tkun tiflaħ għall-ispiża li tkun dieħel fiha; b'mod ġenerali, ara li dak li tkun ser tagħmel tassew kapaċi għalih.
Min ilembeb u jkattar isib fiex jitmattar.
Min ikun bil-għaqal fil-flus isibhom meta jiġi bżonnhom. Ilenbeb tfisser jiċċattja l-għaġina bil-lembuba.
M’hawnx ikreh mill-fqir supperv.
Is-suppervja ta' min m'għandux għalfejn ma tissaportihiex.
Il-ġuħ iqabbeż lil kulħadd.
Meta ma jkollokx biex tixtri mqar x'tiekol, minn kollox tagħmel.
Ħmar imgħobbi bil-flus imur bihom fil-miżbla fejn hu mdorri.
L-injorant ma jafx jiddistingwi bejn x'inhu ta' valur u x'mhux.
Aħjar skud fil-but minn mija fis-senduq.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
L-għaqal għandek u l-flus għandi, u biż-żmien għad teħodhomli.
Jekk tkun bil-għaqal taqla' l-flus, iżda l-għaqal ma tixtrihx bil-flus.
Aħjar għerfek minn mielek.
Aħjar tkun bniedem intelliġenti minn bniedem tal-flus. Mielek tfisser ġidek.
Meta tikkoppa l-bozza, l-għani bir-rota u l-bidwi bil-kabozza.
Min għandu l-flus dejjem jgħix iżjed komdu minn min m'għandux. Il-bozza hija kontenitur tas-silġ li jkessaħ l-ilma jew l-inbid, u kabozza hija għamla ta' kowt.
Bil-pont tas-sahra żżomm il-ħmara.
Jekk il-mara tkun taf tħit, il-familja tiffranka l-flus.
Fil-għoli kul ir-ross bil-labra.
Meta ma tleħħaqx mal-għoli tal-ħajja ibża' għall-flus.
Għall-fqir il-qamar musbieħ u l-basal tuffieħ.
Hemm min tant m'għandux biex li lanqas il-bażiku bħad-dawl (il-musbieħ) u l-ikel (it-tuffieħ) ma jaffordja.
Il-qies aqwa mill-qligħ.
Għalxejn taqla' ħafna flus biex imbagħad tberbaqhom kollha.
Min għandu jiswielu u min m’għadnux jibdielu.
Min m'għandux flus ma jkampax. Jibdielu jiġifieri jiddispjaċih.
Mal-ewwel tisfira ħalli t-tifkira.
Dari l-prostituti kien ikollhom raġel magħhom li malli jsaffrulu, jieħu ħsieb li l-klijent li jkun ħiereġ ikun ħallas. Tifkira tirreferi għall-flus.
Marru ċ-ċrieket iżda baqgħu s-swaba’.
Ma jimpurtax jekk spiċċajt bla flus, erġa' ibda aħdem għalihom.
Il-flus la jgħajtu u lanqas iwerżqu.
Qatt ma tista’ tkun taf dak li jkun kemm għandu flus, jew kemm hu bniedem twajjeb.
Midd riġlejk skont friexek.
Qis li tkun tiflaħ tħallas għal xi ħaġa qabel ma tintriga biha.
Aktar għandna flus milli għomor.
Ngħiduh għaż-żgħażagħ fil-familji sinjuri li jkollhom ħafna flus f’idejhom u ma jkunux jafu jużawhom.
Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn.
Faddal il-flus għax ma tafx x'għad tiġi bżonn.