Idaħħal iżjed flus min irabbi n-nagħaġ minn min irabbi n-naħal.
Kategorija: il-biedja
Min għandu l-qamħ m’għandux xkejjer u min għandu l-ixkejjer m’għandux qamħ.
Fid-dinja dejjem jonqsok xi ħaġa.
Min għandu l-bżar ħa jroxxu fuq il-kromb.
Min għandu l-flus jiflaħ jagħmel il-kapriċċi kollha li jrid. Bżar jirreferi għad-demel.
Min f’rokontu għandu l-barrada, jaf jidħaq b’sena farrada.
Min jaħżen l-ikel ma jkollux għalfejn jinkwieta meta tiġi sena ħażina għar-raba’, bl-istess mod li min ifaddal il-flus isibhom meta jiġi żmien ħażin. Barrada hija ġarra.
Mill-ksieħ u r-riħ jiġu l-għelejjel, mix-xemx u x-xita jsiru l-għelejjel.
Il-kesħa u r-riħ imarrdu l-uċuħ tar-raba’ (l-ewwel tifsira ta’ għelejjel – plural ta’ għalla – hija mard), filwaqt li x-xemx u x-xita jagħmlulhom il-ġid (it-tieni tifsira ta’ għelejjel hija wċuħ tar-raba’).
Mill-Fiddien il-qamħ joħroġ bil-kejjiel u l-qoton joħroġ bil-wiżżien.
L-art tal-Fiddien hija għammiela ħafna. Bil-kejjiel u bil-wiżżien tfisser fi kwantitajiet kbar.
Miet in-naħal u spiċċa l-għasel.
Meta s-sors li minnu taqla’ l-flus jispiċċa, ma taqlax iżjed flus.
Mid-dar ma jiġix qamħ.
Min hu għażżien u joqgħod id-dar ma jagħmel xejn minflok jaħdem, ma jaqlax flus.
Meta ż-żara’ jorqod, is-sid iqum.
Meta l-bidwi jkun żara’ l-għalqa, jeħtieġ joqgħod magħha ma jmurx jisirqulu xogħlu.
Meta x-xita tagħmel bikri u tibqa’ sal-imwaħħar, il-bidwi jkollu x’jitma’ u jaħżen sal-aħħar.
Ix-xita fit-tul tgħin biex jirnexxu l-uċuħ tar-raba’, u b’hekk il-bidwi jkollu biex jitma’ lil familtu.
Meta x-xemx issaħħan f’Jannar, ikollok biex fis-sajf timla d-dar.
Meta tagħmel ħafna xemx f’Jannar, it-tgħam jikber sew.
Meta xxebba’ fl-ilma taflija, kull sbula tagħmel mija.
L-isbul jikber ġmielu meta l-ħamrija taflija tixrob ħafna ilma.
Meta tkun sena milwiema, il-ħalel tal-ħuxlief ikunu kbar u tal-qamħ ikunu xagħar żgħar.
Meta matul is-sena tagħmel ħafna xita (= tkun milwiema), il-ħuxlief jikber ħafna iżjed iżda l-qamħ ibati daqstant ieħor.
Meta tkun ix-xita f’Jannar għandek il-qoton id-dar.
Il-qoton jikber iżjed bix-xita ta’ Jannar.
Meta titla’ l-berwieqa, l-annata tkun sabiħa.
Meta tara li l-berwieq (Asphodelus) kiber u għola, sinjal li l-uċuħ tar-raba’ ser jirnexxu.
Meta t-tiġieġa tidden, oqtolha qabel toqtlok hi.
Superstizzjoni li tiġieġa li tidden iġġib ir-risq ħażin u jeħtieġ toqtolha qabel ma tagħmillek il-ħsara.
Meta tisma’ l-bukagħwar jgħajjat, saffar lis-summiena.
Is-summien ipassi minn Marzi sal-bidu ta’ Novembru, żmien li fih tisma’ wkoll ħoss il-bukagħwar. Il-bukagħwar (jew nannu karwat, jew anke skarabew) huwa tip ta’ ħanfusa (Atheucus sacer) li tirrombla l-ħmieġ tal-art (kagħwar) biex fih tbid il-bajd.
Meta tisma’ jgħajjat il-werżieq, tista’ tmur għall-għeneb u t-tiniet.
L-għeneb u t-tin jilħqu f’Awwissu, żmien li fih spiss tisma’ l-ħoss tal-werżieq.
Meta tiekol it-tamla għall-kaċċa tibda n-namra.
Meta jasal żmien it-tamal, ikun wasal ukoll żmien il-kaċċa.
Meta tidher it-Trajja, il-qoton jisbieħ.
Meta fis-sema tara l-kwiekeb tat-Trajja (Pleiades) – li jinsabu fil-kostellazzjoni tat-Tawr – il-qoton ikun beda jisbieħ.
Meta tara l-beraq lesti l-girna fejn tintebaq.
Meta tarah iberraq lesti ruħek għax-xita u mur stkenn (= tintebaq). Girna hija kmajra.
Meta s-silla tkun m’ogħla l-ħitan, dik tkun is-sena tal-ħmar.
Meta s-silla tkun kibret ħafna u għoliet, il-bhejjem ikollhom x’jieklu.
Meta Marzu jitniġġes, sena ħażina.
Meta l-frott u l-ħaxix jibdew jitħassru f’Marzu, dan ifisser li tkun ġejja sena ħażina.
Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen.
Il-bidwi għandu jaħrat l-għalqa meta tkun mimlija ħaxix ħażin (= ix-xnien u n-nifel).
Meta l-baqra tilgħaq tintha, il-qamar ikun kwinta.
Superstizzjoni fejn kienu jemmnu li meta jkun qamar kwinta, tkun okkażjoni tajba biex tgħammar il-baqra. Tintha tfisser il-warrani tagħha.
Meta jispiċċa l-bettieħ, is-senduq jimla li fih għax il-bajd bil-għali jinbiegħ.
Lejn l-aħħar tas-sajf (= meta jibda jispiċċa l-bettieħ), dari kien jogħla l-prezz tal-bajd għax it-tiġieġa tkun diġà bdiet terfa’, jiġifieri tieqaf tbid il-bajd.
Meta Jannar tarah lewliemi, ma tarax il-bidwi hieni.
Meta tagħmel ix-xita f’Jannar, ix-xogħol tal-bidwi jbati. Lewliemi tfisser bix-xita.
Meta Frar ikollu s-slejjef, il-bidwi jmur joqgħod mal-ġwejjef.
Meta tinzerta sena biżestili (= sena bi 366 jum), ix-xogħol tal-għalqa ma jirnexxix. Is-slejjef għaliex Frar jislef ġurnata.
Meta d-dulliegħa tonfoħ, il-bergħuda tolfoq.
Meta f’Lulju jkun beda jikber id-dulliegħ (= jonfoħ), il-briegħed jibda jmut.
Meta d-dinja tmiegħkek, il-qamar fl-aħħar iżiegħdek.
Superstizzjoni Maltija fejn kienu jemmnu li jekk il-biedja tkun sejra ħażin, il-qamar ipattilek u jġiblek ir-risq.
Meta d-dielja toħroġ ir-rimja tfakkarna fil-Wirja.
Meta d-dielja tibda tarmi, niftakru fil-Wirja tal-Imnarja (li tiġi fid-29 ta’ Ġunju).
Meta d-dielja tistaħba, in-nies tħoss il-bard ħafna.
Meta d-dielja toħrof (= twaqqa’ l-weraq) ifisser li tkun dieħla x-xitwa.
Meta Alla jtina l-bqija tax-xita, l-ilbies tas-sbul jitwal ’il fuq mill-komma.
Il-qamħ ikompli jikber meta x-xita tagħmel f’waqtha.
Mergħa daqs difrejhom u raba’ kemm jaraw b’għajnejhom.
L-annimali għandhom bżonn spazji kbar fejn jirgħaw.
Mar għad-dqiq u ħalla l-ixkora.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Malta qatt ma rruftat qamħ.
Aċċetta kull għajnuna li joffrulek.
Malta ommna l-ħanina.
Malta maħbuba ħafna mill-Maltin, minkejja li r-riżorsi naturali tagħha huma limitati ħafna.
Malta ħanina ħobża u sardina.
Malta maħbuba ħafna mill-Maltin, minkejja li r-riżorsi naturali tagħha huma limitati ħafna.
Mal-ewwel berqa n-nannu jofqos il-miżwed u n-nanna tlesti l-imserka.
Meta dari kienet tibda d-dieħla l-ħarifa, il-bdiewa kienu jaħsbulu biex jiżirgħu l-ful u l-ħajjata kienu jibdew jinsġu. Il-miżwed jirreferi għall-qoxra tal-ful u l-imserka tirreferi għal parti mill-makkinarju tal-insiġ.
L-użu tal-fies jiswa biex titma’ u tlibbes in-nies.
Jeħtieġ taħdem u tistinka għall-ġid tal-familja.
L-isfiqa fil-but tajba.
Il-bidwi jkollu l-abbundanza u jagħmel kemxa flus ġmielha meta jħawwel u jiżra’ viċin xulxin.
L-ilma tal-ħabel imur mal-ħabel.
Il-bdiewa qatt ma jaqblilhom iqabbdu lil ħaddieħor biex isaqqilhom l-għelieqi, għax tiġihom wisq għolja. Ħabel jiġifieri għalqa.
Dak li jagħqad sa San Mikiel jidħol fil-miżien.
Dak li jinħasad sal-aħħar ta’ Settembru (eż. l-patata) tajjeb ukoll u tista’ tbigħu.
Li jagħqad f’San Mikiel jidħol fil-miżien.
Dak li jinħasad sal-aħħar ta’ Settembru (eż. l-patata) tajjeb ukoll u tista’ tbigħu.
L-ewwel xita tkun għar-raba’ u għall-bjar; jekk tissokta bil-ġid, l-irziezet u d-djar.
Aktar kemm tagħmel xita, aktar ingawdu għax aktar ikollna x’nixorbu u x’nieklu.
La tidħolx bejn il-basla u qoxritha għax tibqa’ b’riħitha.
Tindaħalx fejn ma jesgħekx għax inti tmur minn taħt.
L-art tagħti kemm tagħmel magħha; ġid, hena u fuq kollox is-saħħa.
Il-bdiewa li jafu jaħdmu l-art igawdu sew; huma jittrattaw l-art tajjeb, u l-art tittrattahom tajjeb ukoll.
Lanqas il-bajtar m’għadu jagħmel irġiel.
Daż-żmien m’għadekx issib raġel fuq l-irġiel u mara fuq in-nisa.
La n-naħla tmur fuq il-fjur, taħsir ma jkunx hemm żgur.
Il-fjuri li jmorru fuqhom in-naħal ikunu b’saħħithom.
L-andar bil-ħalel kbar jagħti lin-nies u lill-ħmar.
Bis-saħħa tad-dris il-bnedmin u l-annimali jkollhom x’jieklu. L-andar huwa l-qiegħa għad-dris.
La jidħol ix-xahar tar-Rużarju, aħrat u tenni biex int u taħsad dejjem tgħanni.
Aħrat l-għelieqi tiegħek sa Ottubru (= ix-xahar tar-Rużarju) biex ikollok x’taħsad meta jasal iż-żmien.
L-aħjar annata tal-patata meta sa San Nikola tkun fl-ixkora.
Biex il-bidwi jirnexxi, il-patata trid tkun waslet sal-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru. San Nikola jiġi fis-6 ta’ Diċembru.
Kulma tara b’għajnejk kollu ġej mill-art; min lilha jħaddem tajjeb la jbati ġuħ u lanqas bard.
Dari, min jaħdem ir-raba’ kien jgħix ħajja tajba ħafna.
Kull andar għandu l-karfa tiegħu.
Kull familja għandha xi membru li jwaqqgħalha wiċċha l-art. L-andar huwa l-qiegħa għad-dris u l-karfa tkun bla valur.
Jew issensel jew ixxenxel.
Meta ma tagħmilx xita l-uċuħ tar-raba’ jinxfu kollha (= f’sensiela), u meta tagħmel ix-xita jkunu għammiela ħafna (= ixenxlu, jagħmlu l-għeruq).
Jekk tbigħ il-baqra ma tiħux ħalib.
Jekk titlef dak li jrendilek il-flus, ma jifdallek xejn.
Jekk tagħmel ix-xita f’tar-Rużarju filgħodu tkun bikrija, jekk waranofsinhar tkun imwaħħra.
Meta x-xita tiġi fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, jekk ikun filgħodu tagħmel ix-xita kmieni fl-istaġun u jekk filgħaxija tagħmel ix-xita tard fl-istaġun. Il-Madonna tar-Rużarju tiġi fis-7 ta’ Ottubru.
Jekk ma tagħtix l-art, lanqas ma jagħti l-baħar.
Meta l-biedja tbati, ibati s-sajd ukoll.
Jekk ma jagħmilx ilma nixorbu l-ilma, jekk jagħmel l-ilma nixorbu l-inbid.
Meta tagħmel ix-xita, jikber l-għeneb u nagħmlu l-inbid bih. Jekk le, ma jkollna xejn.
Jekk l-art kienet tagħti dejjem, il-bidwi qatt ma jfalli; meta l-art tonqos, il-bidwi dejn iħalli.
Il-bidwi jiddependi ħafna mill-art għall-għajxien tiegħu, skont x’tip ta’ art hi.
Jekk jiġi ma jiġix u jekk ma jiġix jiġi.
Jekk jiġi l-għasfur jeqridlek l-uċuħ tar-raba’, il-bejgħ ma jiġix; jekk l-għasfur ma jiġix jeqridlek l-uċuħ tar-raba’, il-bejgħ jiġi.
Jekk taqa’ n-nida lejlet Santa Luċija, il-qoton jitrabba bla tbatija.
Jekk tagħmel in-nida lejn nofs Diċembru, dan ifisser li l-qoton jitrabba bla sforz. Santa Luċija tiġi fit-13 ta’ Diċembru.
Jekk is-silla f’San Mattija tkun bi tliet werqiet tintena tliet tinjiet.
Jekk lejn l-aħħar ta’ Frar is-silla jkollha tliet werqiet, ifisser li meta jasal żmienha se tkun abbundanti. San Mattija jiġi fl-24 ta’ Frar.
Jekk il-ġidra l-ħamra sseħħ, annata tajba.
Jekk il-ġidra ħamra tkun abbondanti, mela jfisser li l-uċuħ tar-raba’ l-oħra ser ikunu abbondanti wkoll.
Ja għasfur tbaħbaħ u nfela; waslet għalik ir-rebbiegħa, ladarba fl-art ix-xgħir mela.
Meta tasal ir-rebbiegħa, l-għasafar ikollhom fejn jinnamraw u jagħmlu l-bejta tagħhom.
Iż-żrigħ u t-tilqim fil-qamar qadim.
Għandek tiżra’ u tlaqqam meta jkun qamar qadim (jew xiħ), jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Iż-żrigħ bikri tista’ tibni, għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra’ wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Iżra’ bikri ħa jkollok x’tikri.
Meta tiżra’ bikri u fil-waqt l-uċuħ tar-raba’ jirnexxu.
Iż-żara’ f’ta’ Katrini jrodd it-tgħam bla fini.
Il-ful għandu jinżara’ fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru biex irendi. Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.
Iż-żahar fil-berwieq u t-tewm bla taħsir, tama qawwija li l-biedja tkun bla ebda titkir.
Meta tara ż-żahar fil-berwieq u li t-tewm mhux qed jitħassar, huwa sinjal li mhux se jkollok problemi ta’ mard (= titkir) fl-uċuħ tar-raba’.
Iżra’ u laqqam f’qamar xiħ.
Għandek tiżra’ u tlaqqam meta jkun qamar xiħ, jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Iżra’ tajjeb u fil-waqt biex ma jibdielek qatt.
Agħmel kollox fil-ħin jew fiż-żmien opportun biex qatt ma jiddispjaċik, bħalma tiżra’ skont l-istaġuni.
Ix-xita tal-qigħan imwiegħda.
Ġunju huwa x-xahar tad-dris, u dejjem tagħmel ix-xita.
Ix-xita ta’ fuq il-qigħan toħroġ ilma mit-tgħam.
Ġunju huwa x-xahar tad-dris, u dejjem tagħmel ix-xita.
Ix-xita ta’ Jannar troxx il-bżar.
Meta tagħmel ix-xita f’Jannar, id-demel (= il-bżar) jidħol aħjar fil-ħamrija.
Ix-xita f’San Mark nar fl-art.
Ix-xita lejn l-aħħar ta’ April ma tagħmilx ġid lir-raba’. San Mark jiġi fil-25 ta’ April.
Ix-xita bil-boqoq xita dewwiema.
Ix-xita bil-boqoq tinfiltra fil-ħamrija.
Ixxerred id-dqiq u tiġbor in-nuħħala.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Fix-xahar tal-erwieħ, xogħol, galbu u frieħ.
F’Novembru l-ġurnata tax-xogħol fl-għelieqi kienet tkun twila ħafna u jibdew ukoll jitwieldu l-frieħ tan-nagħaġ (= il-ħrief). Ix-xahar tal-erwieħ jirreferi għal Novembru.
Ixtri l-qawqama u l-qawqam; billejl aħdem tiegħek, binhar aħdem tas-sultan.
Jeħtieġ li tagħmel sforz kbir biex tleħħaq ma’ kollox fil-ħajja. Qawqama hija baqra u qawqam huwa barri.
It-trill / il-majjal ixtrih fix-xhur tal-erre.
It-trill/il-majjal ikun tajjeb biss fix-xhur li m’għandhomx l-ittra “r” fihom (= Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu).
It-Tramuntana mara, tnixxef il-miżwed u tgħaqqad il-qara’.
Ir-riħ mit-Tramuntana inixxef il-piżelli fil-miżwed u jgħaqqad il-qara’.
It-tomnija ta’ disat ijiem aħjar mill-oħra bix-xita fit-tmiem.
Ikun aħjar hekk tiżra’ l-qamħ tar-rebbiegħa bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena, milli fl-aħħar ta’ Marzu meta x-xita tkun naqset. It-tomnija tfisser meta tiżra’ tard.
It-tiġieġa tbid fejn tiekol in-nuħħala.
Kulħadd irid iwieġeb ta’ għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
It-tiġieġa li tqaqi hi dik li tbid.
L-affarijiet mhux bil-kliem biss, iżda bil-fatti wkoll.
It-tiġieġa fejn tiekol in-nuħħala tmur tbidha l-bajda.
Kulħadd irid iwieġeb ta’ għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Ittendi għall-bikri u għall-bikrija għax bħalhom tkun il-bqija.
Meta tiżra’ bikri u fil-waqt jirnexxi x-xogħol.
Is-silla kibret u l-ħmar tiegħi ma jsibx jirgħa.
Għal xi nies sfortunati, ta’ madwarhom ifuru bil-ġid u huma jibqgħu b’xejn.
Is-siegħ imlieh u li jibqa’ aħlih.
Trid l-ewwel tara kif ser tagħmel il-flus biex ikollok il-lussu tberbaqhom. Siegħ huwa unità ta’ kejl tal-art (~187.4 m2).
Is-sħana tax-xemx ma tgħallix patata.
Il-flus trid tbati u taħdem għalihom, bil-ftit ma jsir xejn.
Is-sajjied jgħid li l-art ħabel tajjeb.
In-nies jaħsbu li xogħolhom biss fih impenn. Ħabel tfisser għalqa.
Is-sajf jagħmel tiegħu u msejken min ma jkollux frott minn tiegħu.
Fis-sajf kollox jinxef qoxqox bis-sħana, il-frott trid taħseb għalih minn qabel.
Is-sahra twila għax spiċċat il-qargħa twila.
Il-bdiewa għandhom ġranet tax-xogħol twal ħafna fis-sajf, żmien fejn ma tikbirx il-qargħa twila. Għalhekk jagħmlu s-sahra.
Ir-rimi tal-berwieq u t-tewm safi f’werqu.
Il-berwieq (Asphodelus ramosus) u t-tewm tarahom jinbtu f’Marzu u jilħqu f’Settembru.
Ir-ragħaj u l-ħila aħjar mill-għalqa l-kbira.
Il-kapaċitajiet tagħna jiswew iżjed mill-affarijiet materjali kollha li għandna.
Ir-ragħa fil-ġbiż ma jsemminx.
Jekk fl-għalqa ma jkunx hemm ħaxix, il-bhejjem ma jkollhomx fejn jirgħaw u jismnu. Ġbiż tfisser għalqa li tkun diġà nħartet.
Ir-raba’ tax-xtut bħal-leħja tal-utut.
L-għelieqi ta’ ħdejn il-baħar ftit li xejn ikunu għammiela. Utut tfisser bdabad.
Ir-raba’ rqiq jixba’ mill-ilma u jinxef fid-dawl tal-qamar.
Jeħtieġ li l-ħamrija jkollha fond biex iżżomm l-ilma li tagħtiha.
Ir-raba’ jrid il-ħames.
Tajjeb li jkollok l-għelieqi, iżjed trid lil min jaħdimhom ukoll.
In-nies tal-art sriep tal-art.
Il-bdiewa, bħas-sriep, jitwieldu u jmutu fl-għalqa għax dik ħajjithom.
In-nemus fuq il-qamħ sinjal li dan ikun qed jisħon.
Meta tara n-nemus fuq il-qamħ tista’ tibda taħsad għax tkun waslet is-sħana.
Il-wiċċ kif iħallih Frar issibu fl-għamar.
L-uċuħ tar-raba’ jkunu fl-aqwa tagħhom fi Frar. L-għamar huwa żmien il-ħsad.
Ilwi d-dielja meta għadha żarġuna.
Il-karattru jissawwar fit-tfulija, bħal meta fergħa żgħira (żarġuna) tad-dielja tkun għadha tista’ tiltewa.
Ilsien il-moħriet fih il-għasel għar-raba’.
Ir-raba’ jieħu pjaċir bil-moħriet għax jinħadem sew.
Il-qoton ma jibżax mix-xemx il-qawwija, jibża’ miċ-ċpar u mit-tniddija.
Il-qoton ma jbatix fix-xemx qawwija, iżda l-umdità (= tniddija) tagħmillu ħażin.
Il-qiegħa għat-tidrija, bil-ħobż u ż-żir fejnek, biex kull fewġa tithennieha.
Dari d-dris kien xogħol sabiħ, li jagħtik pjaċir daqslikieku għaddiet żiffa riħ. Żir tfisser qolla, li hija ġarra tal-fuħħar.
Il-qamħa tnaqqiha darbtejn tagħmel qagħqa dawritejn.
Naqqi l-qamħ kif suppost u jagħtik prodott tajjeb ħafna. Dawritejn tfisser għal darbtejn.
Il-qamħ f’Santa Katrini, it-tiben u t-tgħam jagħtini.
Meta l-qamħ jinżara’ għal żmien Santa Katerina, ikollok prodott eċċellenti. Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.
Il-qamar, il-kewkba u n-newba, fuq ir-raba’ ma fihomx ħlief sewba.
Dari kienu jemmnu li l-qamar u l-kwiekeb għandhom effett tajjeb ir-raba’. Sewba tfisser ħsad tajjeb u n-newba tirreferi għan-newba tal-għelejjel (crop rotation).
Il-mogħża li tirgħa mhi qatt bil-ġuħ.
In-nies beżlin dejjem isibu x’jagħmlu u jħossuhom sodisfatti.
Il-Milied nofs il-ħobż, l-Għid nofs l-inbid.
Għall-ħabta ta’ Diċembru, xi prodotti tar-raba’ jkunu fl-aqwa tagħhom u għall-ħabta tal-Għid id-dwieli.
Il-Milied bil-kappell, l-Għid bil-mantar, in-nies tiekol tajjeb u l-bhejjem tixtarr aħjar.
Meta fil-Milied tagħmel is-sħana u fl-Għid tagħmel il-kesħa, għid li għall-biedja se tkun sena tajba.
Il-ksir fir-raba’ ħass id-dar.
Jeħtieġ li tiżra’ ż-żerriegħa tal-ħass wara li tkun ħdimt il-ħamrija.
Il-kromb bla widek bħal widna bla widaħ.
Il-grass jagħtiha t-togħma tajba lill-kawlata. Widek huwa grass u widaħ huwa għasel tal-widnejn.
Il-kemmun mhux tiegħek sewwa qabel ma ddaħħlu ġewwa.
Sakemm il-frott u l-ħaxix għadhom fl-għalqa, għadhom fiċ-ċans li jitħassru u ma jkunux tiegħek.
Il-kampanja għall-ħdura u x-xatt għall-matmura.
Nippreferu l-prodott Malti u fejn ma nsibux, nirrikorru għall-prodotti impurtati. Matmura tfisser proviżjonijiet.
Il-ħrief imutu qabel in-nagħaġ.
Il-ħajja ġieli tkun kattiva, bħal meta t-tfal imutu qabel il-ġenituri.
Il-ħmar jinġabar meta ġej it-temp.
Il-ħmar jinduna li jkun ġej il-maltemp u jidħol jistkenn.
Il-ħdura u l-ward huma ż-żina tal-art.
Il-kampanja tkun sabiħa meta tkun miksija ħaxix aħdar u fjuri.
Il-ħarifa tbiddel l-arja u l-ħalib jitla’ fl-ajru.
Dari kien ikun hawn inqas ħalib fil-ħarifa u b’hekk il-prezz kien jogħla (= jitla’ fl-ajru).
L-għana mill-għanem u l-għanem iġib il-għana, jgħid ir-raħħal.
Il-flus (= għana) jiġu mill-merħla (= għanem) u tkanta bil-ferħ (= is-sens l-ieħor ta’ għana) bis-saħħa tal-merħla, skont ir-raħħala.
Il-gabillott duttur, mill-bħajra dejjem żgur.
Il-bidwi li jagħmel xogħlu sew dejjem ikollu prodott tajjeb. Bħajra tfisser bettieħ.
Il-fula bnina tagħmel il-fatra tqila.
Il-ful huwa ikel li jxebbgħek u jżommok.
Il-ful iżirgħu fit-tajn sa rkupptejk u onqxu fit-trab idur għal għajnejk.
Il-ful għandu jiżara’ meta tkun ix-xita (= għalhekk fit-tajn) u għandu jiġi minqux meta l-art tkun niexfa (= itir it-trab).
Il-frott la jkun misjur aqtgħu.
Agħmel xi ħaġa f’waqtha u tħallix iż-żmien jgħaddi.
Il-fart la jismen oqtlu.
Meta annimal jismen biżżejjed oqtlu u taħlix iżjed flus fuqu, bl-istess mod li meta tlesti xi ħaġa tkomplix taħli ħin fuqha.
Il-borma ma ssirx mingħajr nar, lanqas l-art tagħti mingħajr bżar.
Jeħtieġ li l-ħamrija tiddemmel sew biex il-frott u l-ħaxix joħorġu sbieħ. Bżar tfisser demel.
Il-bnazzi jikxef il-kaxxi.
Il-bnazzi juri s-sbuħija tal-kampanja Maltija. Il-kaxxi huma l-għelieqi.
Il-bidwi sormu jikwi.
Ix-xogħol tal-bdiewa huwa diffiċli immens, speċjalment fix-xmux.
Il-bidwi jew ir-ragħaj l-ewwel għana tad-dinja.
Xogħol il-bidwi u r-ragħaj huma fost l-ewwel xogħlijiet li bdew jeżistu għall-għajxien tal-bniedem.
Il-bhima tar-refgħa hija nofs il-merħla.
Il-merħla tmur tajjeb skont ir-razza u s-saħħa tal-bhima tar-refgħa (dik li tgħammar).
Il-baqra tneħħi l-madmad minn għonqha għax ma tridx taħrat.
Ċerti nies ma tikkontrollahom b’xejn.
Il-baqra ma tbigħx tiben.
Ħadd ma jagħtik dak li għalih huwa importanti ħafna.
Il-baqra kollha tinbiegħ.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Il-bajda tal-lum il-kbira.
Il-kwantità rebħet fuq il-kwalità.
Il-bajda li kellha l-widnejn kienu jerfgħuha tnejn.
Biċċa xogħol issir tajjeb imqar bi ftit għajnuna mingħand kulħadd.
Il-bagħal issemmnu jagħtik bis-sieq.
Tagħmel il-ġid ma’ xi ħadd u minflok jibqa’ jafhulek, jagħmillek il-ħsara.
Aktar rabbata minn ħassada.
Aktar hemm min qed iħares milli jaħdem. Rabbata kienu dawk li jorbtu l-qatet u l-ħassada kienu dawk li jaħsdu.
Iderri d-dqiq u jiġbor in-nuħħala.
Jagħti aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u jinsa ħaġa oħra iżjed importanti. Iderri tfisser ixerred.
Id-dinja hekk magħmula, nofsha raba’ u nofsha ħbula.
Kull kultura għandha t-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħha.
Id-dielja tiltewa meta tkun żarġuna.
Il-karattru jissawwar fit-tfulija, bħal meta fergħa żgħira (żarġuna) tad-dielja tkun għadha tista’ tiltewa.
Id-dar il-kbira aħjar mill-għalqa kbira.
Il-valur ta’ dar ogħla mill-valur ta’ għalqa.
Ħrit bil-ħmar ma jagħtix sandar, ħrit bil-baqra jimla l-andar.
Meta l-bidwi jaħdem l-għalqa bil-baqra jaqla’ iżjed flus milli meta jaħdimha bil-ħmar, għax il-baqra iżjed b’saħħitha.
Ħarġa middija sbula middija.
Il-qamħ jieħu pjaċir meta tagħmel in-nida. F’dan il-każ, ħarġa tfisser xkaffa u middija tfisser bin-nida.
Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa.
Żamm l-aħjar għalih u ħalla l-laqx lil ħaddieħor.
Għaż-żrigħ bikri tikri; għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra’ wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Għall-imwaħħar jeħtieġ tbaħħar.
Jekk tiżra’ wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Għal San Luqa fiż-żara’ tistaħba għattuqa.
Jekk l-għattuqa jirnexxilha tistaħba wara l-qamħ, mela jkun kiber sew. San Luqa jiġi fit-18 ta’ Ottubru.
Għal San Anard iżra’ f’kull art.
Fi żmien San Anard qis li tiżra’ kull fejn tista’. San Anard jiġi fis-6 ta’ Novembru.
Għal San Anard ibża’ għall-art, għax it-tgħaffiġ jagħmlilha l-mard.
Fi żmien San Anard, tirfisx fuq il-ħamrija biex ma tagħmilx ħsara lill-ħxejjex. San Anard jiġi fis-6 ta’ Novembru.
Għadu l-masri fil-biedja u nissieġ diġà tħajjar għalih.
Kien hemm żmien fejn id-domanda għall-qoton tant kienet kbira li n-nissieġ kien saħansitra jixtrih meta jkun għadu fl-għalqa. Il-masri huwa l-qoton.
Gendus rasu sewda żomm miegħu.
Ir-razza tal-gendus rasu sewda hija razza tajba.
Geddumu fix-xgħir, ma jiftakarx f’meta kien fqir.
Issa li stagħna, nesieh iż-żmien fejn kien fqir u m’għandux simpatija għal ħaddieħor. Jekk ix-xgħir jikber u jasal sa geddumek, mela għandek il-ġid.
Ġnien taż-żahar aħjar minn mifwaħ tal-ward.
Il-fjuri sbieħ, iżda s-siġar taċ-ċitru huma iżjed importanti. Mifwaħ huwa ġnien b’riħa tfuħ.
Ġabar in-nuħħala u xerred id-dqiq.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Frott tajjeb, suq ħażin.
Aktar kemm jagħmel frott u jkun tajjeb, inqas iddaħħal flus tiegħu.
Fix-xagħra xejn ma jeħxien u kollox xagħar joħroġ.
Fir-raba’ xagħri ma tista’ tkabbar xejn.
Fis-sajf zokk jitimgħek u blata traqqdek.
Fis-sajf il-frott ikun abbundanti u s-sħana tħallik torqod fil-miftuħ.
Fir-raba’ ħamri iżra’ kmieni u mwaħħar fil-bajjad.
Iżra’ l-ħamrija ħamra kmieni u iżra’ l-ħamrija ġeblija tard.
Fi żmien il-ħaruf il-patata tibda tħuf.
Kulħadd jiekol iżjed patata mal-ħaruf fi żmien l-Għid.
Fenka mgħammra tagħtik għal fuq il-ġamra.
Il-fniek ikollhom boton żrameġ kbir u għalhekk ikollok x’tiekol.
Fenek fil-platt, mhux Għid għal nhar il-Ħadd.
Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, agħmilha issa mhux wara. Dari l-fenek kienu jistennew biex isajruh fl-Għid u fil-festi biss.
Fejn tqarrem il-mogħża jinsteħet.
Min m’għandux flus jaħtaf kulma jsib quddiemu. Tqarrem tfisser tgerrem.
Fejn tnibbet il-bagħla ma tifraħx żahra.
Min xi ħaġa ħażina qatt ma toħroġ oħra tajba. Il-bagħla hija rimja minn siġra taċ-ċitru li ma tagħmilx frott.
Fejn hemm il-ħdura ssib l-ilma.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Fejn bidt, mur kul il-qanneb.
Issa li għamilt id-deċiżjoni l-ħażina, lesti ruħek biex tbati l-konsegwenzi.
Fardgħalla għoli f’xogħlu.
Ir-raba’ b’wiċċ wieħed biss fis-sena (= fardgħalla) ma ddaħħalx flus minnu.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Fart li jiekol il-widna jagħmel il-laħam bil-wiżna.
Il-bhejjem tal-ifrat li jieklu l-widna (tip ta’ ħaxixa selvaġġa) jagħmlu ħafna laħam għax malajr jismnu.
F’sena milwiema l-ħuxlief bil-ħalel kbar u l-qamħ bi sbuliet żgħar.
Ħafna xita mhix tajba għall-qamħ, u minflok jikber iżjed il-ħuxlief. Milwiema tfisser b’ħafna ilma.
F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul.
Min ma tantx għandu biex jgħaddi m’intix se ssiblu lussu.
F’kollox issib il-karfa.
F’kull ħaġa ssib difett, xejn mhu perfett. Il-karfa tfisser il-frak tat-tiben.
F’għalqa waħda jikbru l-qamħ u s-sikrana.
Għal kull ħaġa tajba ssib waħda ħażina, u bil-kontra.
Dik il-ġezza ma tiġix minn dik il-mogħża.
Ħadd ma jagħmel xogħol bla ħlas.
Derra d-dqiq u ġabar in-nuħħala.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Dejjem tikber is-silla, iżda l-ħmar mhux dejjem jirgħa minnha.
Tagħmel ix-xogħol inti u ġieli tispiċċa ma tgawdi xejn minnu.
Daqqa fuq iċ-ċirku u oħra fuq il-bettija.
Bniedem li jġib ruħu ħażin u bis-salvaġiżmu wara jpattilu bil-ħlewwa u l-ġentilezza.
Dak li tiżra’ taħsad.
L-azzjonijiet tiegħek jiddeterminaw ir-riżultat.
Brunġiela fi żmienha, għas-suq qatt ma tkun wisq għammiela.
Aktar ma jkun hemm abbundanza ta’ brunġiel fi żmienu, inqas ikun sabiħ u għalhekk ma jibqax jiswa daqstant.
B’li fiha u b’li timla jinbiegħ bil-bixkilla.
Il-patata dari kienu jixtruha bil-ħamrija u l-bixkilla b’kollox.
Bix-xita u x-xemx, il-muna bil-ġiri ma tintemmx.
Il-ħażna ta’ sena partikolari ma tintemmx mill-ewwel bis-saħħa tax-xita u x-xemx.
Bis-sagħtar u l-ħatar, u l-ħin kollu jitmatar.
Ir-ragħaj m’għandux xogħlu impenjattiv ħafna meta tqabbel ma’ xogħlijiet oħra.
Bil-kumplament tajjeb t’April, l-uċuħ kollha taqbeż u ttir.
Jekk it-temp ikun tajjeb f’April, l-uċuħ tar-raba’ ma jbatux.
Biex trabbi l-flieles trid it-tlieles.
Biex trabbi t-tjur trid ħafna flus. Tlieles huma xkejjer kbar.
Bejn il-Qala u l-Milied erfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied.
Bejn il-festa tal-Kunċizzjoni tal-Qala u jum il-Milied, m’għandhiex titħalla għodda fir-raba’.
Baqra tidres fuq l-andar, ġid fuq ġid.
Il-baqra li tintuża għad-dris f’għalqa tagħmel ħafna ġid.
Bajda tas-sultan titħallas b’dundjan.
Akbar ma jkun l-obbligu li jkollok lejn xi ħadd, aktar se jkollok xi trodd lura.
Bajda ta’ serduq naqra naqra leħinha jsir maħnuq.
Meta l-bajd taħt il-qroqqa jibda jiżviluppa fi flieles, jibda jitlef il-kulur.
Aħjar sbula minn għenba.
L-isbula tirreferi għall-ħobż u l-għenba tirreferi għall-inbid; l-ewwel ħu ħsieb l-essenzjali, imbagħad il-pjaċiri l-oħrajn.
Aħjar ponn ta’ bettieħa tajba minn waħda kbira u ħażina.
Il-kwalità għandha dejjem tiġi qabel il-kwantità.
Aħjar żbiba minn għenba.
Aħjar tinvesti f’xi ħaġa dejjiema minn xi ħaġa li tiġi u tmur malajr.
Bajda bit-tebgħa ħamra tkun għaddiet mill-wied tan-namra.
Meta l-bajda jkollha tebgħa ħamra jkun ifisser li t-tiġieġa kellha x’taqsam mas-serduq.
Tifla ħudha minn dar ta’ nies jistgħu, u għalqa ħudha mingħand għażżien.
Dari ma kontx tiżżewweġ biss għall-imħabba iżda wkoll għad-dota tax-xebba – bl-istess mod, kien jaqbillek iżjed tikri għalqa li qatt ma tkun inħadmet.
Aktar ma jkun ikkultivat, aktar ikun abbandunat.
Bl-istess mod li d-dielja tikber aħjar fuq il-blat milli fir-raba’ saqwi, aktar ma tagħti kas ta’ persuna aktar dik il-persuna ma tagħtix kasek.
Aħjar kromba bagħlija minn mija saqwija.
Il-kaboċċa li tikber f’ħamrija bagħlija aħjar minn ħafna li jikbru f’ħamrija saqwija.
Aħjar is-sisija mill-ħrit biż-żewġ fil-Ħemsija.
Aħjar minn jittallab għall-flus u jiddobba hekk, minn min irid ibati biex jaħdem ir-raba’. Sisija tirreferi għall-ġbir tal-flus.
Sant’Andrija nofs il-miżirgħa miżrugħa u nofs il-muna mitmugħa.
Lejn l-aħħar ta’ Novembru ż-żerriegħa tkun inżergħet kollha u ħafna mill-ikel li jkun maħżun (il-muna) ikun diġà wasal biex jispiċċa. Sant’Andrija jiġi fit-30 ta’ Novembru.
Iżra’ l-ful f’Santa Katrini biex jagħmel bla fini.
Il-ful għandu jinżara’ fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru biex irendi. Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.
San Martinek tajjeb, agħmel ħiltek biex il-lant ikunlek tajjeb.
Il-bidwi għandu jaħdem u jistinka f’Novembru biex igawdi wara. Il-lant jirreferi għan-negozju. San Martin jiġi fil-11 ta’ Novembru.
Is-sajf ta’ San Martin, il-biedja tifraħ bih.
It-temp sabiħ f’Novembru jagħmel tajjeb għall-biedja.
F’San Xmun iżra’ fin-niexef u fil-miblul.
Iż-żara’ għandha ssir sal-aħħar ta’ Ottubru, f’kull tip ta’ ħamrija. San Xmun jiġi fit-28 ta’ Ottubru.
F’San Luqa ż-żara’ tinħeba fih l-għattuqa.
Jekk l-għattuqa jirnexxilha tistaħba wara l-qamħ, mela jkun kiber sew. San Luqa jiġi fit-18 ta’ Ottubru.
Santa Tereża, il-bidwi jsuq il-ħmar bin-niggieża.
F’Ottubru l-bidwi għandu jaħrat l-għalqa kemm jiflaħ biex ir-raba’ jrendi. Santa Tereża tiġi fis-16 ta’ Ottubru.
San Mattew qtigħ ir-rummien u żriegħ it-tewm.
F’San Mattew għandu jinqata’ r-rummien u jinżara’ t-tewm. San Mattew jiġi fil-21 ta’ Settembru.
F’San Mattew iżra’ t-tewm.
F’San Mattew għandu jinqata’ r-rummien u jinżara’ t-tewm. San Mattew jiġi fil-21 ta’ Settembru.
F’San Bartilmew aqta’ l-ħarrub u iżra’ t-tewm.
Lejn San Bert għandu jinqata’ l-ħarrub u jinżara’ t-tewm. San Bert jiġi fl-24 ta’ Awwissu.
Santa Marija żriegħ it-tomnija.
It-tgħam li jkun fadal għandu jinżara’ f’nofs Awwissu. Santa Marija tiġi fil-15 ta’ Awwissu.
San Mattija, iżra’ t-tomnija la mwaħħra u lanqas bikrija.
F’San Mattija għandu jinżara’ l-qamħ. It-tomnija tirreferi għat-tgħam u mwaħħra tfisser tard fl-istaġun. San Mattija jiġi fl-24 ta’ Frar.
F’Diċembru jkissru u jxellfu qabel iċemplu.
Il-bdiewa jieħdu ħsieb iż-żebbuġ f’Diċembru.
Fix-xahar tar-rużarju aħrat u tenni biex meta taħsad ikollok biex tgħanni.
F’Ottubru l-bidwi jagħmel sew li jaħrat kemm jiflaħ il-ħamrija, biex meta jiġi biex jaħsad ikun kuntent.
F’Settembru għas-salarju jmur kull membru.
F’Settembru jkun wasal iż-żmien li l-ħaddiema jitħallsu tax-xogħol li jkunu għamlu fix-xhur ta’ qabel (fil-biedja speċjalment).
Meta l-għansal itella’ l-bonn imgħawweġ annata ħażina; meta jtella’ l-bonn dritt annata tajba.
Ir-raba’ tinduna kemm ser jirnexxi skont il-bonn (jiġifieri z-zokk) tal-għansal (li huwa tip ta’ pjanta, Prospero autumnale).
Lulju xahar id-dris.
F’Lulju jsir id-dris.
Ġunju xahar tad-dris u fis-sodda tħoss il-qris.
F’Ġunju jsir id-dris, iżda huwa wkoll żmien il-briegħed.
Ġunju ħanin, ixabba’ lill-bidwi u lill-fqir.
F’Ġunju l-bdiewa jagħmlu l-flus, u l-foqra ma jbatux daqstant.
F’Ġunju jsib il-ftiet, il-bidwi u s-sajjied.
F’Ġunju l-bdiewa u s-sajjieda jibdew jaqilgħu l-flus mill-prodott tagħhom.
Mejju żmien il-għana u d-dris, u fis-sodda tħoss il-qris.
Għalkemm in-natura tkun sabiħa f’Mejju, huwa wkoll żmien il-briegħed.
Mejju bla riħ, il-biedja tifraħ bih.
Ir-riħ ta’ Mejju jirvina l-uċuħ tar-raba’, aħjar mingħajru.
Mejju kulma fih jirvina l-btieħ.
Ix-xita li tagħmel f’Mejju tirvina l-ġwież tal-annimali.
F’Mejju aħsad imqar kien plejju.
Ix-xgħir jinħasad f’Mejju.
Mejju bil-minġel u bil-kabozza.
Il-ħsad isir f’Mejju. Kabozza hija għamla ta’ kowt.
April xahar ta’ nifs twil.
Il-qamħ jimla f’April, u l-ħaddiema jkollhom iżjed ħobż biex iżommhom matul ġurnata tax-xogħol itwal.
April ħobżna fil-mindil.
Il-qamħ jimla f’April, u l-ħaddiema jkollhom iżjed ħobż biex iżommhom matul ġurnata tax-xogħol itwal. Il-mindil huwa d-dvalja.
F’April ħobża kbira fil-mindil.
Il-qamħ jimla f’April, u l-ħaddiema jkollhom iżjed ħobż biex iżommhom matul ġurnata tax-xogħol itwal. Il-mindil huwa d-dvalja.
Marzu jgħid lill-qamħ: “Ikber”. “Ma niflaħx.” “Mela isbel.”
Il-qamħ jisbel jekk ma jkunx kiber sa Marzu.
Marzu t-twil ġieb l-ixkora tal-qamħ.
It-tħejjijiet għall-ħsad tal-qamħ isiru f’Marzu.
Marzu, iż-żara’ bis-sbula f’ħalqu.
F’Marzu l-qamħ ikun kiber sew.
Marzu bl-ilma xebgħan italla’ ġbira, u gozz ikbar tkun tat-tgħam.
It-tgħam (jiġifieri ċ-ċereali) jissaqqa u joktor bix-xita ta’ Marzu.
Fix-xahar ta’ Frar iżra’, saqqi u baqqi ħabaq għazzi.
Dari kienu jkabbru l-ħabaq biex juru li fil-familja hemm xebba lesta għaż-żwieġ.
Frar fawwar, il-bidwi għana fid-djar.
Fi Frar ikun hemm xi ftit xemx, bi tħejjija għar-rebbiegħa.
Is-sajf ta’ Jannar, għana tal-bidwi u tal-fqar.
Meta f’Jannar jagħmel temp sabiħ igawdu kemm il-bdiewa kif ukoll il-foqra.
Jannar xott, il-bidwi għani.
Ħafna xita f’Jannar tirvina l-uċuħ tar-raba’, għalhekk aħjar ikun xott għall-bidwi.