Iż-żagħżugħ iġennen u x-xiħ idellel.

Iż-żgħażagħ jiġġennu wara xulxin u jiddrammatizzaw, iżda l-anzjani huma iżjed galbati minħabba t-tiġrib tal-ħajja. Il-verb dellel ifisser li tittratta lil xi ħadd tajjeb ħafna.

Iż-żagħżugħ iferrħek u x-xiħ idejqek.

Iż-żgħażagħ iġibu magħhom il-ferħ għax għadhom fil-bidu ta' ħajjithom, filwaqt li x-xjuħ iġibu d-dwejjaq għax ikunu waslu fl-aħħar ta' ħajjithom. Sens ieħor huwa li l-ġdid dejjem jogħġobna iżjed mill-qadim.

L-għaġuża f’nofs ir-Randan tinqasam.

Skont l-għajdut folkloristiku, f’nofsinhar tat-tieni Ħamis tal-ġimgħa tar-Randan, l-ixjeħ mara tar-raħal (= l-għaġuża) kienet tintefa’ mill-kampnar tal-knisja għal isfel.

Darbtejn insiru tfal.

Meta tixjieħ u titlef saħħtek tispiċċa tiddependi fuq ħaddieħor, bħat-tfal.

Tikber u tinsa.

Iż-żmien inessina l-affarijiet koroh li jiġru fil-ħajja.

Pin It on Pinterest