Mingħajr bella ma tinbena ħalla.
Ix-xita (= bella) hija importanti ħafna għall-uċuħ tar-raba'.
Mill-ksieħ u r-riħ jiġu l-għelejjel, mix-xemx u x-xita jsiru l-għelejjel.
Il-kesħa u r-riħ imarrdu l-uċuħ tar-raba' (l-ewwel tifsira ta' għelejjel - plural ta' għalla - hija mard), filwaqt li x-xemx u x-xita jagħmlulhom il-ġid (it-tieni tifsira ta' għelejjel hija wċuħ tar-raba').
Meta x-xemx tinżel fl-ixkora turi l-maltemp.
Meta x-xemx titgħatta bis-sħab (= l-ixkora) stenna l-maltemp.
Meta tqattar ix-xita, is-sajda tkun f’waqtitha.
Meta terġa' tibda x-xita, jerġa' jibda s-sajd.
Meta tkun sena milwiema, il-ħalel tal-ħuxlief ikunu kbar u tal-qamħ ikunu xagħar żgħar.
Meta matul is-sena tagħmel ħafna xita (= tkun milwiema), il-ħuxlief jikber ħafna iżjed iżda l-qamħ ibati daqstant ieħor.
Meta titla’ x-xemx, titla’ għal kulħadd.
Fid-dinja ħadd ma hu iżjed speċjali minn ħaddieħor.
Meta titla’ x-xemx jgħibu l-kwiekeb.
Fil-ħajja jeħtieġ li tiffoka fuq dak li huwa tassew importanti; ix-xemx iġġib fix-xejn il-kwiekeb.
Meta tidher il-qawsalla waqt il-maltemp ta’ filgħodu turi xita; ta’ filgħaxija bnazzi.
Meta tara l-qawsalla filgħodu tkun ix-xita, u meta tara l-qawsalla filgħaxija jkun bnazzi.
Meta tibda taqa’ l-werqa, ix-xemx taraha bis-serqa.
Ix-xemx tibda tistaħba wara s-sħab meta tibda l-ħarifa.
Meta tara l-qattus jitmiegħek tinsiex tieħu l-kabozza miegħek.
Meta tara l-qattus jitmiegħek sinjal li tkun ġejja x-xita. Kabozza hija tip ta' kowt.
Meta tara l-ħuttaf tkun ġejja x-xita.
Meta tara l-ħuttafa (għasfur tal-ispeċi Hirundo rustica) lesti ruħek għax-xita u mur stkenn.
Meta tara l-beraq lesti l-girna fejn tintebaq.
Meta tarah iberraq lesti ruħek għax-xita u mur stkenn (= tintebaq). Girna hija kmajra.
Meta qattus tara f’xi gallarija, għid li ħierġa x-xemx.
Il-qtates iħobbuha s-sħana tax-xemx u jmorru fiha meta toħroġ.
Meta l-qamar irabbi l-qiegħa, tista’ tgħid li hu riħ isfel.
Meta l-qamar ikollu dija madwaru, ikun riħ isfel.
Meta l-qamar ikun immejjel juri li jkun ġej il-maltemp.
Ikun mistenni l-maltemp meta l-qamar ikun immejjel.
Meta l-qamar ikollu l-għalqa lesti biex tisma’ b’xi għarqa.
Meta l-qamar ikollu ċerta dija mad-dawra tiegħu, sinjal li jkun ġej maltemp kbir u għalhekk ma tridx tersaq lejn il-baħar għax jieħdok.
Meta l-Punent u l-Majjistral ikunu bix-xlieqa, kulħadd ikun bid-diqa.
Meta r-riħ ikun ġej mill-Punent jew mill-Majjistral, jagħmel temp ikrah u kulħadd ikollu burdata ħażina. Xlieqa hija dik il-linja sħab fuq l-orizzont.
Meta l-kelb jitmiegħek u l-ħmar jimraħ, jew l-irwiefen ittenna jew bix-xita għandek tifraħ.
L-imġiba tal-annimali turik x'tip ta' maltemp qed tistenna - jew riħ qawwi, jew xita biex issaqqilek l-għelieqi.
Meta l-gru jgħaddi fil-għoli, ikun ġej il-maltemp.
Meta tara l-gru (għasfur tal-ispeċi Grus grus) itir fil-għoli, sinjal li jkun ġej il-maltemp.
Meta l-gawwi jkun jogħla flimkien, ikun ġej ir-riħ.
Meta l-gawwi jidħol jistkenn l-art, sinjal li ġej riħ qawwi.
Meta l-baħar juri qiegħu l-maltemp jerfa’ driegħu.
Il-maltemp tant ikun qawwi li l-baħar mill-qiegħ iqallbu.
Meta l-ajru jagħmel tiegħu, sal-baħar juri qiegħu.
Il-maltemp tant ikun qawwi li l-baħar mill-qiegħ iqallbu.
Meta jsaffru l-iġfien ikunu fgaw il-widien.
L-iġfna/iġfien (plural ta' ġifen) kienu jsaffru għall-għajnuna fil-maltemp, bl-istess mod li ħaġa bilfors issir kawża ta' xi ħaġa oħra.
Meta jitbierek ir-riħ, in-nies jerfgħu l-ġieħ.
Dari kien hemm l-obbligu li min hu Nisrani jitqarben tal-inqas darba f'sena, fi żmien l-Għid il-Kbir, u dan jinzerta l-istess żmien li fih jitbierek ir-riħ.
Meta jiġu l-pluvieri jiġi l-maltemp.
Meta jiġu l-pluvieri, li huma għasafar tal-ispeċi Pluvialis squatarola, stenna l-maltemp.
Meta jiftaħ il-Punent ikun għadda l-maltemp.
Meta r-riħ ikun ġej mill-Punent, sinjal li l-maltemp ikun għadda.
Meta jidhru l-kwiekeb kbar, ix-xita tkun qrib.
Il-kwiekeb kbar u ċari huwa sinjal li tkun ġejja x-xita.
Meta jidher il-Kawkaw, riħ Nofsinhar.
Meta fis-sema tkun tista' tara l-Kawkaw (= Alpha Carinae/Canopus, magħmula minn żewġ kewkbiet), ir-riħ ikun ġej min-Nofsinhar.
Meta jberraq il-Punent, ikun ilesti għall-maltemp.
Lesti ruħek għall-maltemp meta jkun ir-riħ mill-Punent u bil-beraq.
Meta jberraq il-Punent, aħsiblu biex tkun lest.
Lesti ruħek għall-maltemp meta jkun ir-riħ mill-Punent u bil-beraq.
Meta fl-art jidħol il-gawwi, stenna riħ qawwi.
Meta l-gawwi jidħol jistkenn l-art, sinjal li ġej riħ qawwi.
Meta fis-sajf tberraq it-Tramuntana, jew xita qliel jew kbira sħana.
Meta jkun riħ bil-beraq ġej mit-Tramuntana, dan ifisser li jew ġejja ħafna xita jew ħafna sħana.
Mal-ewwel berqa n-nannu jofqos il-miżwed u n-nanna tlesti l-imserka.
Meta dari kienet tibda d-dieħla l-ħarifa, il-bdiewa kienu jaħsbulu biex jiżirgħu l-ful u l-ħajjata kienu jibdew jinsġu. Il-miżwed jirreferi għall-qoxra tal-ful u l-imserka tirreferi għal parti mill-makkinarju tal-insiġ.
L-iswed ibeżża’ u l-abjad ixebba’.
Kulħadd jibża' mis-sħab iswed, iżda s-sħab tax-xita huwa l-abjad.
L-ewwel xita tkun għar-raba’ u għall-bjar; jekk tissokta bil-ġid, l-irziezet u d-djar.
Aktar kemm tagħmel xita, aktar ingawdu għax aktar ikollna x'nixorbu u x'nieklu.
L-għerienaq il-maltemp iqanqlilhom il-ġwienaħ.
Meta jagħmel il-maltemp, l-għasafar ibatu.
La tibtell l-għetejba toħla l-ilbieba.
Malli tagħmel l-ewwel xita wara sajf twil, jibda jaqleb it-temp u l-ikel jibda jiġina itjeb. Tibtell l-għetejba tfisser li tixxarrab l-għatba tal-bieb, u l-ilbieba hija l-biċċa r-ratba tal-ħobż.
L-ajru akbar mit-tajra.
Hemm sitwazzjonijiet li ma tistax tikkontrolla, għax huma ferm ikbar minnek.
Kif tibda l-ħdura, in-nies tibda ssebbaħ il-bħura.
Malli toqrob ir-rebbiegħa, in-nies jitħajru iżjed jersqu lejn il-baħar. Bħura plural ta' baħar, b'referenza għax-xtut.
Kif jibda jaqa’ l-weraq, jisreġ il-beraq.
Jibda jberraq malli tibda dieħla l-ħarifa. Jisreġ tfisser jixgħel.
Kewkba ħamra nar, dell ħażin.
Dari kienu jemmnu li kewkba ħamra ħafna hija sinjal ta' risq ħażin.
Jekk tara l-kwiekeb ilebilbu riħ qawwi stenna.
Meta tara l-kwiekeb ilebilbu, għid li ġej riħ qawwi.
Jekk ma’ nofsinhar ix-xemx tkun safra bajdanija, aktarx tkun xita għal filgħaxija.
Jekk ix-xemx tkun safra bajdanija għall-ħabta ta' nofsinhar, wisq probabbli tagħmel ix-xita filgħaxija.
Jekk ma jagħmilx ilma nixorbu l-ilma, jekk jagħmel l-ilma nixorbu l-inbid.
Meta tagħmel ix-xita, jikber l-għeneb u nagħmlu l-inbid bih. Jekk le, ma jkollna xejn.
Jekk l-ors ibill siequ fil-Gandlora, stenna xita qawwija wara.
Meta f'jum il-Gandlora tagħmel ix-xita, tagħmel xita iżjed qawwija wara. Il-Gandlora tiġi fit-2 ta' Frar.
Ix-xitwa mara sewwa, is-sajf raġel xalatur.
Fix-xitwa hemm iżjed ġabra d-dar, fis-sajf hemm iżjed ħruġ u divertiment.
Ix-xita tal-qigħan imwiegħda.
Ġunju huwa x-xahar tad-dris, u dejjem tagħmel ix-xita.
Ix-xita mill-Punent ma tħallix warajha lment.
Ir-riħ mill-Punent iġib ħafna xita miegħu, u ħadd ma jgorr minnha!
Ix-xita mil-Lvant timla l-vagant.
Ir-riħ mil-Lvant iġib ix-xita miegħu, u din tħaddar fejn ikun għadu vojt (= vagant).
Ix-xita bikrija tnebbet il-ġarġir.
Jinbet il-ġarġir meta tagħmel ix-xita bikrija.
Ix-xita hdiet, kull tajra mxiet.
Ix-xita issa waqfet u kulħadd jista' jkompli fejn ħalla.
Ix-xita bil-boqoq xita dewwiema.
Ix-xita bil-boqoq tinfiltra fil-ħamrija.
Ix-xemx titla’ u tinżel għal kulħadd.
Kulħadd indaqs fid-dinja, m'aħniex iżjed speċjali minn ħaddieħor.
Ix-xemx tar-rebbiegħa tibla’ bħall-belliegħa.
Ix-xemx li tagħmel fir-rebbiegħa tkun qawwija ħafna. Il-belliegħa hija mostru mitoloġiku Malti li jgħix bil-bjar, il-ġibjuni u l-għerien.
Ix-xemx liżar l-art.
Is-sħana tax-xemx iżżomm l-art sħuna.
Ix-xemx issaħħan imma l-ebda borma ma tgħalli.
Trid taħdem u tistinka biex taqla' l-flus.
Ix-xemx bdiet kiefra u l-gavott ma jdoqqx iżjed fifra.
Proverbju storiku li juri li meta kien ikun ġej il-maltemp, l-ikreh baħri ta' fuq il-vapur (= il-gavott) kien jinżel idoqq il-fifra biex iwissi lil kulħadd. Meta ma kienx jinżel, kien ifisser li l-maltemp għadda.
It-temp tal-Punent ksir il-għajn kull mument.
Ir-riħ ikun mill-Punent iġib ħafna sħab.
Is-sajf joħroġ tifel u jidħol xiħ.
Il-jiem fis-sajf ikunu itwal (= ixjeħ) mill-istaġuni l-oħra.
Is-sajf il-maħruq jinqala’ l-ħruġ.
Dari s-sħana li kienet tagħmel fl-eqqel tas-sajf kienet iġġiegħel lin-nies joħorġu 'l barra u jmorru jgħumu, għax ġewwa kienet tkun wisq sħana.
Ir-riħ tax-xirokku jġiegħel lill-ernjużi jdoqqu.
Ir-riħ mix-Xlokk ma jagħmilx ġid lil dawk li jkunu morda bl-ernja (= il-bażwa). Idoqqu fis-sens ta' jilmentaw.
Ir-riħ imexxi l-bastimenti, imma hu jgħarraqhom.
Oqgħod attent għax ħaġa tista' daqqa tagħmillek il-ġid, u daqqa tagħmillek il-ħsara.
Ir-riħ erħilu jonfoħ.
Meta tagħmel it-tajjeb, jiġri x’jiġri jkollok il-kuxjenza nadifa.
Ir-rebbiegħa hi s-sebħ tas-sena, is-sajf nofsinhar, il-ħarifa l-Għarb u x-Xitwa l-lejl.
Ir-rebbiegħa staġun sabiħ ħafna, għax jagħmel minn kull tip ta' temp.
In-nejja reġgħet ġiet u l-fawwara għoddha mtliet.
Tkun bdiet ix-xita (= il-fawwara) sew fiż-żmien fejn jibda jinbiegħ il-qastan nej (= in-nejja).
In-nar u l-ilma jbeżża’.
Is-sajjetti (= in-nar) u l-għargħar (= l-ilma) jagħmlu ħsara kbira.
Il-qattus jaħsel wiċċu lejn fejn ikun ġej ir-riħ.
Il-qtates ikunu jafu meta jkun ġej il-maltemp għax iħossuh.
Il-Punent iwiegħed u jagħti.
Ir-riħ mill-Punent iġib miegħu x-xita.
Il-Punent itella’ u jniżżel kull mument.
Ir-riħ mill-Punent iġib miegħu x-xita.
Il-Milied taż-żina, il-Għid fil-kċina.
Jekk jagħmel temp sabiħ fil-Milied, għid li fl-Għid se jkollna eżatt il-kontra. Żina tfisser bnazzi.
Il-malvizz izekzek billejl riħ Nofsinhar.
Il-ħoss li jagħmel il-malvizz (tip ta' għasfur) jindika minn fejn ikun ġej ir-riħ.
Il-Lbiċ riħ jew xita żgur iġib.
Meta r-riħ ikun mil-Lbiċ żgur li jagħmel ir-riħ jew tagħmel ix-xita.
Il-Lbiċ jeħel u l-Punent il-Lbiċ jilgħab.
Ħwejġek jeħlu miegħek bit-tidlik li jġib miegħu r-riħ mil-Lbiċ, u jinbidel il-ħin kollu meta jkun mill-Punent il-Lbiċ.
Il-kwiekeb tegħmeż għandna r-riħ.
Meta l-istilel jibdew iteptpu (= jegħmżu) ħafna, sinjal li jkun ġej ħafna riħ.
Il-ġurnata minn filgħodu turik.
Minn filgħodu tinduna x'tip ta' ġurnata se tkun. Bl-istess mod, it-tfal minn ċkunithom juruk x'karattru għandhom.
Il-bnazzi jikxef il-kaxxi.
Il-bnazzi juri s-sbuħija tal-kampanja Maltija. Il-kaxxi huma l-għelieqi.
Il-bhejjem ta’ filgħodu tihom tibna ħa joqogħdu.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal il-bhejjem ġewwa u stkenn.
Il-beraq fil-Lbiċ ix-xita jġib.
Meta jberraq fil-Lbiċ tagħmel ix-xita.
Il-beraq dukkar tax-xita.
Wara l-beraq tagħmel ix-xita.
Il-baħar żaqqu ratba u rasu stanga.
M'għandek qatt tieħu sogru mal-baħar għax titqarraq.
Il-baħar żaqqu ratba u rasu ħatba.
M'għandek qatt tieħu sogru mal-baħar għax titqarraq.
Il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa.
M'għandek qatt tieħu sogru mal-baħar għax titqarraq.
Il-baħar tqassmu jsir għadajjar.
Meta xi ħaġa taqsamha f'ħafna biċċiet żgħar tispiċċa ma tgawdi xejn minnha.
Il-baħar sinjur aktar mill-art.
Il-baħar joffri aktar rikkezzi mill-art.
Il-baħar ftit ftit jiekol ix-xatt.
Il-progress isir naqra naqra.
Il-baħar fis-sajf xiħ u fix-xitwa ġuvni.
Il-maltempi fuq il-baħar fis-sajf ikunu ħafna inqas ħorox milli fix-xitwa.
Il-baħar duqu qabel ma titla’ fuqu.
Ara li l-ħajja fuq il-baħar tgħodd għalik qabel ma tiddeċiedi.
Id-dinja bla tarf u l-baħar bla tmiem.
Id-dinja kbira ħafna u l-oċeani huma vasti.
Ħmura ta’ filgħaxija lesti d-debba għat-tiġrija.
Il-ħmura ta' filgħaxija huwa sinjal li ġej temp sabiħ.
Ħmura ta’ filgħaxija lesti ż-żwiemel għat-tiġrija.
Il-ħmura ta' filgħaxija huwa sinjal li ġej temp sabiħ.
Ħmura ta’ filgħodu lesti ż-żwiemel fejn joqogħdu.
Il-ħmura ta' matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal iż-żwiemel ġewwa u stkenn.
Ħmura ta’ filgħodu oħroġ il-bhima mir-robu.
Il-ħmura ta' matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal il-bhejjem ġewwa u stkenn. Robu tfisser għalqa.
Ħmura ta’ binhar iġbor ħwejġek u mur id-dar.
Il-ħmura ta' matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp.
Ħarifa bit-tajjeb, żwiemel u dwieb.
Meta fil-ħarifa jkun bnazzi, iż-żwiemel u d-dwieb (plural ta' debba) tista' tħallihom joħorġu.
Għomma l-ħarifa, bard fix-xitwa.
It-temp jimxi mar-ritmu tal-istaġuni.
Għar-rebbiegħa n-naħla tkun lesta għall-għerusija.
Min irabbi n-naħal jeħtieġ li jieħu ħsieb tax-xehda fir-rebbiegħa.
Ġej il-maltemp jew mill-poppa jew mill-pruwa meta jagħtas il-qattus.
L-annimali jkunu jafu meta jkun ġej il-maltemp għax iħossuh.
Fix-xita, bil-bieb miftuħ dejjem tidħol ir-raxxa.
Meta l-inkwiet ma tilqagħlux ikollok tbati l-konsegwenzi.
Fit-tromb jikber l-ixkomp.
L-ixkomp (jew xkombor / lumi ta’ San Ġlormu) jikber iżjed meta jagħmel riefnu (= it-tromb).
Fis-sajf zokk jitimgħek u blata traqqdek.
Fis-sajf il-frott ikun abbundanti u s-sħana tħallik torqod fil-miftuħ.
Fil-klomi xi ħaġa stenna.
Meta kollox ikun kwiet iżżejjed, ħejji ruħek għax ikun ġej il-maltemp. Il-klomi hija l-kalma perfetta tal-baħar.
Fil-baħar bnazzi kulħadd baħri / kaptan.
Meta jinqala' l-inkwiet tinduna min verament huwa kapaċi jsolvi l-problemi.
Fejn jitbell ir-riġel jobrom il-fiġel.
Il-fiġel jikber fejn hemm l-ilma, u allura fejn ixxarrab (=jitbellu) riġlejk.
Fejn ix-xemx ma turix ma ssaħħanx.
Biex issolvi problema jeħtieġ li tieħu azzjoni.
Faħħar il-baħar u ibqa’ fuq l-art.
Tagħżilx li tmur fuq il-baħar għax huwa xogħol perikoluż.
F’sena milwiema l-ħuxlief bil-ħalel kbar u l-qamħ bi sbuliet żgħar.
Ħafna xita mhix tajba għall-qamħ, u minflok jikber iżjed il-ħuxlief. Milwiema tfisser b'ħafna ilma.
Dak li ġġib fil-qamar, f’ebda kwart ma jkollu sabar.
Dari kienu superstizzjużi u kienu jemmnu li t-tfal li jiġu konċeputi fid-dawl tal-qamar tassew kien jagħtihom tal-qamar!
Daħqa bżonjuża daqs ix-xemx.
Tajjeb li nkunu kuntenti u nidħqu daħqa.
Bnazzi fix-xitwa, trott ta’ bagħla u kappell ta’ miġnun, qatt iżżomm magħhom.
Il-bnazzi fix-xitwa, it-trott ta' bagħla u n-nies imġienen qatt m'għandek tafdahom.
Bix-xita u x-xemx, il-muna bil-ġiri ma tintemmx.
Il-ħażna ta' sena partikolari ma tintemmx mill-ewwel bis-saħħa tax-xita u x-xemx.
Anqas l-ilma baħar mhu xorta.
Id-differenza kullimkien qiegħda.
Baħar imfaħħal ma jkissirx, jimborġa.
Il-baħar immewweġ jaf iżid, iżda ma jkissirx l-opri tal-baħar.
Baħar fieragħ għar-riħ isfel, baħar mimli għar-riħ fuq.
Il-baħar mimli jġib ir-riħ fuq, u l-baħar fieragħ iġib ir-riħ isfel.
Baħar riħa ta’ dulliegħ il-maltemp stenna fih.
Il-baħar ikun imqalleb meta jkollu riħa ta' dulliegħ.