qawl.mt

QWIEL MALTIN

ix-xogħol u l-qgħad

Il-bniedem u l-valur tax-xogħol.

Bix-xogħol ħotba tagħmel.

Hemm xi wħud li b’xogħolhom xorta waħda ma jleħħqux mal-ħajja, u jkollhom jaqilgħu l-flus minn xogħlijiet oħrajn.

Ħidma ta’ sena marret f’siegħa.

Qawl dwar il-logħob tan-nar iżda li japplika wkoll b’mod ġenerali: tkun ilek sena taħdem qatigħ fuq xi ħaġa biex fl-aħħar mill-aħħar tgawdiha għal ftit ħin biss.

Il-ħierek u l-bieżel jiftiehmu.

Min juri ħeġġa għax-xogħol nies bħalu jfittex. Ħierek tfisser xi ħadd li jitħarrek, jiġifieri li jmidd idejh għax-xogħol.

Il-kotra tegħleb il-bokra.

Meta nkunu magħqudin inkunu iżjed b’saħħitna u x-xogħol isir iżjed malajr. Bokra ġejja minn bakkar, tqum kmieni.

Il-qawwa sa ma tibda.

Qabel tibda biċċa xogħol issibha bi tqila, iżda malli tibda tiġi l-enerġija biex tkompli.

Inkella r-roqba, inkella l-ħobża.

Fil-passat ċerti xogħlijiet kienu riskjużi, bħal pereżempju xogħol il-baħħara, imma xorta kellu jsir biex taqla’ x’tiekol u tgħajjex lill-familja. Ir-roqba tfisser l-għonq.

L-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa.

Ix-xogħol u l-istudju jiġu qabel kull divertiment. Il-pappa tirreferi għall-ikel fuq il-mejda u l-umpappa tirreferi għad-daqqa li niżfnu u niddevertu magħha.

L-ewwel terz għali.

Meta tibda biċċa xogħol, l-ewwel ftit dejjem jinħass diffiċli sakemm tikkarga.

L-għażżien xogħlu tqil.

Min jevita x‑xogħol jispiċċa jgħaddi minn iżjed tbatija għax ix‑xogħol ma jkunx għamlu sew mill‑ewwel.

Min jaħdem jaħġem.

Min jagħmel xogħol diffiċli fiżikament jeħtieġ jiekol sew. Jaħġem tfisser jibla’ (l-ikel).

Min jerfa’ qofftu mhux pastaż.

Min jagħmel xogħlu u jieħu ħsieb l-affarijiet tiegħu m’għandux għalfejn iħossu skomdu jew jistħi. Fl-imgħoddi, il-pastaż kien reffiegħ li jdur mat-toroq jiffitta lin-nies biex għal ftit soldi jġorrilhom sad-dar il-qfief u tagħbijiet oħra. Il-pastaż kien bla manjieri,...

Min jerfa’ sorrtu mhux pastaż.

Min jagħmel xogħlu u jieħu ħsieb l-affarijiet tiegħu m’għandux għalfejn iħossu skomdu jew jistħi. Fl-imgħoddi, il-pastaż kien reffiegħ li jdur mat-toroq jiffitta lin-nies biex għal ftit soldi jġorrilhom sad-dar il-qfief u tagħbijiet oħra. Il-pastaż kien bla manjieri,...

Min jirkeb jeħtieġlu jniegħel.

Min irid igawdi jeħtieġ li jagħmel ix-xogħol diffiċli jew antipatku wkoll biex jasal. Iniegħel tfisser ilibbes in-nagħla liż-żiemel.

Qroqqa lieżma tfaqqas qabel l-għoxrin.

Min hu bieżel mhux talli jleħħaq max-xogħol, talli jeħilsu qabel. Lieżma tfisser diliġenti u l-għoxrin tirreferi għall-jum li fih ifaqqas il-bajd wara li l-qroqqa tkun għamlet xogħolha sew.

Sakemm taħdem seba’ lewliet isir il-ħin tal-ftiet.

Ix-xogħol tal-lewlu jitlob paċenzja kbira u ħafna ħin, b’tali mod li ma ttellax ħafna xogħol. Il-lewlu huwa żibeġ żgħir, u l-ħin tal-ftiet huwa għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, meta l-Maltin kellhom id-drawwa li jfettu l-ħobż fit-te.

Sliħ id-denb l-aqwa.

L-aħħar ftit ta’ biċċa xogħol titlob sforz kbir, għax tkun għejejt u l-motivazzjoni tkun baxxa ħafna, bl-istess mod li tal-laħam jisloħ id-denb l-aħħar xogħol.

Tagħbija mqassma tajjeb taħfi.

Meta x-xogħol jitqassam bejn kulħadd b’mod ibbilanċjat, il-piż jeħfief u t-tbatija tonqos. Taħfi tfisser tnaqqas it-tagħbija.

Tagħmilx aktar milli tiflaħ.

M’għandek qatt tagħmel aktar xogħol jew taċċetta responsabbiltajiet aktar milli tiflaħ, għax ma tleħħaqx u tagħmel ħsara lil saħħtek.

Terfax aktar milli tiflaħ.

M’għandek qatt tagħmel aktar xogħol jew taċċetta responsabbiltajiet aktar milli tiflaħ, għax ma tleħħaqx u tagħmel ħsara lil saħħtek.

Tiġieġa ħawtiela bajjada.

Tiġieġa bieżla tagħmel bajd sabiħ, bħal min jistinka biex jagħti prodott sabiħ. Ħawtiela tfisser ħabrieka u bajjada tfisser li tbid.

Xkora vojta ma tiqafx.

Meta bniedem ikun bil-ġuħ ma jagħmilx xogħol tajjeb, jeħtieġ li żaqqu tkun mimlija.

Xogħol it-tfal arah fid-dlam.

Wieħed għandu jagħlaq għajn waħda u anke tnejn għax-xogħol li jsir mit-tfal, peress li jkunu għadhom qed jitgħallmu.

Il-qwiel kollha, f’post wieħed.