qawl.mt

QWIEL MALTIN

is-soċjetà

In-nisġa tat-tessut soċjali.

Fejn il-bosta, xammar u aħrab.

Irid ikollok biżżejjed kuraġġ biex taffronta sitwazzjonijiet diffiċli, bħal meta trid tgħaddi minn folla nies irossu.

Il-ħotra tegħleb il-kotra.

In-nies trid taċċetta lil min intgħażel biex imexxi, bħal f’elezzjoni. Il-ħotra tfisser l-għażla u l-kotra huma n-nies fis-soċjetà.

Il-piki jagħtu l-aptiti.

Nies impikati ma’ xulxin jaħdmu u jistinkaw kemm jifilħu biex iġibu fix-xejn lill-avversarji tagħhom.

Il-piki jaqtgħu l-aptiti.

Nies impikati ma’ xulxin jaħdmu u jistinkaw kemm jifilħu biex iġibu fix-xejn lill-avversarji tagħhom, anke akkost li jagħmlu l-ħsara lilhom infushom.

Imselħa ġdida tħaxwex.

Meta jkun hemm xi ħadd ġdid f’pożizzjoni ta’ awtorità, ċerti deċiżjonijiet u ordnijiet ġodda jdarrsu. Imselħa hija xkupa.

Kappell ma jmejjilx ieħor.

Min ikun f’pożizzjoni ta’ awtorità ma jwaqqax lil ħaddieħor li jkun fl-istess f’pożizzjoni, anzi ġieli jikkonfoffa miegħu.

Kull par għal paru.

Kulħadd ifittex lil min ikun jixbhu: fil-karattru, fl-età, fil-klassi soċjali, eċċ.

Kull qabil għal qabilu.

Kulħadd ifittex lil min ikun jixbhu: fil-karattru, fl-età, fil-klassi soċjali, eċċ. Qabil tfisser speċi (species).

Meta nikbru ninsew x’konna.

Meta nilħqu jew navvanzaw fil-karriera, ninsew minn fejn konna bdejna, bl-istess mod li meta nixjieħu ninsew li xi darba konna żgħar.

Min jiflaħ iħawwel.

Min għandu iżjed saħħa jew awtorità minnek, ma jaqbillekx ikollok xi tgħid miegħu.

Min jogħla żżejjed jieħu sabta kbira.

Aktar ma persuna tilħaq u jkollha awtorità, aktar hemm riskju li titlef kollox u terġa’ lura għal li kienet b’sens ta’ umiljazzjoni, speċjalment jekk titkabbar.

Skont għamlek laqmek.

Fil-ħajja soċjali, ir-reputazzjoni tiegħek hija ħafna iżjed importanti mill-familja li tkun ġej minnha.

Tajba n-nagħġa l-ħallibija.

Bħall-bidwi li jieħu pjaċir bin-nagħġa li tagħti ħafna ħalib, il-manager ta’ xi kumpanija jieħu gost bil-ħaddiema li jaħdmulu u jistinkaw.

Tas-sinjur bis-suġġetta u tal-fqir bit-trumbetta.

Meta xi ħadd tal-flus jew b’awtorità jagħmel xi żball jippruvaw jgħattulu, iżda meta xi ħadd mhux ta’ ħafna flus u bla awtorità jagħmel l-istess imorru jxandruh. Is-suġġetta kienet siġġu sabiħ u mżejjen li kien jintuża biex iġorr lin-nies importanti (bħall-isqof,...

Xkupa ġdida tħaxwex.

Meta jkun hemm xi ħadd ġdid f’pożizzjoni ta’ awtorità, ċerti deċiżjonijiet u ordnijiet ġodda jdarrsu. Imselħa hija xkupa.

Il-qwiel kollha, f’post wieħed.