Min jaqla’ u min iħawwel.
Ix-xogħol ta' kulħadd huwa importanti, bħal fix-xogħol tal-għalqa.
Min jaqbad ix-xlief, ħajtu ssir tlief.
Xogħol is-sajjied (= dak li jaqbad ix-xlief) huwa diffiċli ħafna u aktar jitlef milli jaqla'. Tlief huwa l-plural ta' telf.
Min jaħrat u jtenni, jaħsad u jgħanni.
Min jagħmel xogħlu tajjeb u b'mod sistematiku jgawdi.
Min ipoġġi jdejh fuq il-moħriet, fuq is-sikka jmut.
Ladarba tkun ħadt deċiżjoni, ieqaf aħseb fuqha u terġax lura.
Min ikollu għalqa mal-baħar irid oħra r-raħal.
Dari l-bidwi kien isibha iktar bi tqila jasal sal-għalqa li tkun fejn il-baħar, u allura kien ikollu oħra aktar viċin ta' daru biex jgħajjex il-familja biha.
Min għandu n-naħal għandu r-riħ, min għandu n-nagħaġ għandu l-ġild.
Idaħħal iżjed flus min irabbi n-nagħaġ minn min irabbi n-naħal.
Min għall-mulett ixammar jifdallu xi jqammar.
Il-mulett iżjed faċli jinqabad meta jkun jidher il-qamar. Ixammar tfisser jistad.
Min f’rokontu għandu l-barrada, jaf jidħaq b’sena farrada.
Min jaħżen l-ikel ma jkollux għalfejn jinkwieta meta tiġi sena ħażina għar-raba', bl-istess mod li min ifaddal il-flus isibhom meta jiġi żmien ħażin. Barrada hija ġarra.
Mill-Fiddien il-qamħ joħroġ bil-kejjiel u l-qoton joħroġ bil-wiżżien.
L-art tal-Fiddien hija għammiela ħafna. Bil-kejjiel u bil-wiżżien tfisser fi kwantitajiet kbar.
Meta ż-żara’ jorqod, is-sid iqum.
Meta l-bidwi jkun żara' l-għalqa, jeħtieġ joqgħod magħha ma jmurx jisirqulu xogħlu.
Meta x-xita tagħmel bikri u tibqa’ sal-imwaħħar, il-bidwi jkollu x’jitma’ u jaħżen sal-aħħar.
Ix-xita fit-tul tgħin biex jirnexxu l-uċuħ tar-raba', u b'hekk il-bidwi jkollu biex jitma' lil familtu.
Meta xxebba’ fl-ilma taflija, kull sbula tagħmel mija.
L-isbul jikber ġmielu meta l-ħamrija taflija tixrob ħafna ilma.
Meta tobrom il-ġiżimina, l-Għarbija għan-namra fina.
Dari kienu jemmnu li l-ġiżimina (fjura tal-ispeċi Jasminum officinale) daħħluha Malta l-Għarab ta' Tuneż u li fi żmienha, jiġifieri bejn Ġunju u Novembru, it-tfajliet Għarab kienu jingħataw iżjed għan-namra.
Meta titla’ l-berwieqa, l-annata tkun sabiħa.
Meta tara li l-berwieq (Asphodelus) kiber u għola, sinjal li l-uċuħ tar-raba' ser jirnexxu.
Meta t-tiġieġa tidden, oqtolha qabel toqtlok hi.
Superstizzjoni li tiġieġa li tidden iġġib ir-risq ħażin u jeħtieġ toqtolha qabel ma tagħmillek il-ħsara.
Meta tiekol it-tamla għall-kaċċa tibda n-namra.
Meta jasal żmien it-tamal, ikun wasal ukoll żmien il-kaċċa.
Meta tidher it-Trajja, il-qoton jisbieħ.
Meta fis-sema tara l-kwiekeb tat-Trajja (Pleiades) - li jinsabu fil-kostellazzjoni tat-Tawr - il-qoton ikun beda jisbieħ.
Meta s-silla tkun m’ogħla l-ħitan, dik tkun is-sena tal-ħmar.
Meta s-silla tkun kibret ħafna u għoliet, il-bhejjem ikollhom x'jieklu.
Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen.
Il-bidwi għandu jaħrat l-għalqa meta tkun mimlija ħaxix ħażin (= ix-xnien u n-nifel).
Meta l-baqra tilgħaq tintha, il-qamar ikun kwinta.
Superstizzjoni fejn kienu jemmnu li meta jkun qamar kwinta, tkun okkażjoni tajba biex tgħammar il-baqra. Tintha tfisser il-warrani tagħha.
Meta jispiċċa l-bettieħ, is-senduq jimla li fih għax il-bajd bil-għali jinbiegħ.
Lejn l-aħħar tas-sajf (= meta jibda jispiċċa l-bettieħ), dari kien jogħla l-prezz tal-bajd għax it-tiġieġa tkun diġà bdiet terfa', jiġifieri tieqaf tbid il-bajd.
Meta d-dinja tmiegħkek, il-qamar fl-aħħar iżiegħdek.
Superstizzjoni Maltija fejn kienu jemmnu li jekk il-biedja tkun sejra ħażin, il-qamar ipattilek u jġiblek ir-risq.
Meta d-dielja toħroġ ir-rimja tfakkarna fil-Wirja.
Meta d-dielja tibda tarmi, niftakru fil-Wirja tal-Imnarja (li tiġi fid-29 ta' Ġunju).
Meta d-dielja tistaħba, in-nies tħoss il-bard ħafna.
Meta d-dielja toħrof (= twaqqa' l-weraq) ifisser li tkun dieħla x-xitwa.
Mergħa daqs difrejhom u raba’ kemm jaraw b’għajnejhom.
L-annimali għandhom bżonn spazji kbar fejn jirgħaw.
Mar għad-dqiq u ħalla l-ixkora.
Ta aktar kas ta' xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Malta qatt ma rruftat qamħ.
Aċċetta kull għajnuna li joffrulek.
Malta ommna l-ħanina.
Malta maħbuba ħafna mill-Maltin, minkejja li r-riżorsi naturali tagħha huma limitati ħafna.
Malta ħanina ħobża u sardina.
Malta maħbuba ħafna mill-Maltin, minkejja li r-riżorsi naturali tagħha huma limitati ħafna.
L-użu tal-fies jiswa biex titma’ u tlibbes in-nies.
Jeħtieġ taħdem u tistinka għall-ġid tal-familja.
L-isfiqa fil-but tajba.
Il-bidwi jkollu l-abbundanza u jagħmel kemxa flus ġmielha meta jħawwel u jiżra' viċin xulxin.
L-ilma tal-ħabel imur mal-ħabel.
Il-bdiewa qatt ma jaqblilhom iqabbdu lil ħaddieħor biex isaqqilhom l-għelieqi, għax tiġihom wisq għolja. Ħabel jiġifieri għalqa.
L-art tagħti kemm tagħmel magħha; ġid, hena u fuq kollox is-saħħa.
Il-bdiewa li jafu jaħdmu l-art igawdu sew; huma jittrattaw l-art tajjeb, u l-art tittrattahom tajjeb ukoll.
La n-naħla tmur fuq il-fjur, taħsir ma jkunx hemm żgur.
Il-fjuri li jmorru fuqhom in-naħal ikunu b'saħħithom.
L-andar bil-ħalel kbar jagħti lin-nies u lill-ħmar.
Bis-saħħa tad-dris il-bnedmin u l-annimali jkollhom x'jieklu. L-andar huwa l-qiegħa għad-dris.
L-aħjar annata tal-patata meta sa San Nikola tkun fl-ixkora.
Biex il-bidwi jirnexxi, il-patata trid tkun waslet sal-ewwel ġimgħa ta' Diċembru. San Nikola jiġi fis-6 ta' Diċembru.
Kulma tara b’għajnejk kollu ġej mill-art; min lilha jħaddem tajjeb la jbati ġuħ u lanqas bard.
Dari, min jaħdem ir-raba' kien jgħix ħajja tajba ħafna.
Kull għasfur imur mar-riħ, biss il-bies imur kontrih.
L-għasafar kollha jmorru fid-direzzjoni tar-riħ minbarra l-bies.
Jew issensel jew ixxenxel.
Meta ma tagħmilx xita l-uċuħ tar-raba' jinxfu kollha (= f'sensiela), u meta tagħmel ix-xita jkunu għammiela ħafna (= ixenxlu, jagħmlu l-għeruq).
Jekk ma tagħtix l-art, lanqas ma jagħti l-baħar.
Meta l-biedja tbati, ibati s-sajd ukoll.
Jekk l-art kienet tagħti dejjem, il-bidwi qatt ma jfalli; meta l-art tonqos, il-bidwi dejn iħalli.
Il-bidwi jiddependi ħafna mill-art għall-għajxien tiegħu, skont x'tip ta' art hi.
Jekk jiġi ma jiġix u jekk ma jiġix jiġi.
Jekk jiġi l-għasfur jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ ma jiġix; jekk l-għasfur ma jiġix jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ jiġi.
Jekk il-ġidra l-ħamra sseħħ, annata tajba.
Jekk il-ġidra ħamra tkun abbondanti, mela jfisser li l-uċuħ tar-raba' l-oħra ser ikunu abbondanti wkoll.
Ja għasfur tbaħbaħ u nfela; waslet għalik ir-rebbiegħa, ladarba fl-art ix-xgħir mela.
Meta tasal ir-rebbiegħa, l-għasafar ikollhom fejn jinnamraw u jagħmlu l-bejta tagħhom.
Iż-żrigħ u t-tilqim fil-qamar qadim.
Għandek tiżra' u tlaqqam meta jkun qamar qadim (jew xiħ), jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Iż-żrigħ bikri tista’ tibni, għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra’ wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Iżra’ bikri ħa jkollok x’tikri.
Meta tiżra' bikri u fil-waqt l-uċuħ tar-raba' jirnexxu.
Iż-żahar fil-berwieq u t-tewm bla taħsir, tama qawwija li l-biedja tkun bla ebda titkir.
Meta tara ż-żahar fil-berwieq u li t-tewm mhux qed jitħassar, huwa sinjal li mhux se jkollok problemi ta' mard (= titkir) fl-uċuħ tar-raba'.
Iżra’ u laqqam f’qamar xiħ.
Għandek tiżra' u tlaqqam meta jkun qamar xiħ, jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Iżra’ tajjeb u fil-waqt biex ma jibdielek qatt.
Agħmel kollox fil-ħin jew fiż-żmien opportun biex qatt ma jiddispjaċik, bħalma tiżra' skont l-istaġuni.
Iz-zalza ogħla mill-ħut.
Dak li qed tipprova tagħmel fih wisq spejjeż u ma jaqbillekx tagħmlu.
Ixxerred id-dqiq u tiġbor in-nuħħala.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Ixtri l-qawqama u l-qawqam; billejl aħdem tiegħek, binhar aħdem tas-sultan.
Jeħtieġ li tagħmel sforz kbir biex tleħħaq ma' kollox fil-ħajja. Qawqama hija baqra u qawqam huwa barri.
It-trill / il-majjal ixtrih fix-xhur tal-erre.
It-trill/il-majjal ikun tajjeb biss fix-xhur li m'għandhomx l-ittra "r" fihom (= Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu).
It-Tramuntana mara, tnixxef il-miżwed u tgħaqqad il-qara’.
Ir-riħ mit-Tramuntana inixxef il-piżelli fil-miżwed u jgħaqqad il-qara'.
It-tomnija ta’ disat ijiem aħjar mill-oħra bix-xita fit-tmiem.
Ikun aħjar hekk tiżra' l-qamħ tar-rebbiegħa bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena, milli fl-aħħar ta' Marzu meta x-xita tkun naqset. It-tomnija tfisser meta tiżra' tard.
Ittendi għall-bikri u għall-bikrija għax bħalhom tkun il-bqija.
Meta tiżra' bikri u fil-waqt jirnexxi x-xogħol.
Is-sajjied jgħid li l-art ħabel tajjeb.
In-nies jaħsbu li xogħolhom biss fih impenn. Ħabel tfisser għalqa.
Is-sajf jagħmel tiegħu u msejken min ma jkollux frott minn tiegħu.
Fis-sajf kollox jinxef qoxqox bis-sħana, il-frott trid taħseb għalih minn qabel.
Is-sahra twila għax spiċċat il-qargħa twila.
Il-bdiewa għandhom ġranet tax-xogħol twal ħafna fis-sajf, żmien fejn ma tikbirx il-qargħa twila. Għalhekk jagħmlu s-sahra.
Ir-ragħaj u l-ħila aħjar mill-għalqa l-kbira.
Il-kapaċitajiet tagħna jiswew iżjed mill-affarijiet materjali kollha li għandna.
Ir-ragħa fil-ġbiż ma jsemminx.
Jekk fl-għalqa ma jkunx hemm ħaxix, il-bhejjem ma jkollhomx fejn jirgħaw u jismnu. Ġbiż tfisser għalqa li tkun diġà nħartet.
Ir-raba’ tax-xtut bħal-leħja tal-utut.
L-għelieqi ta' ħdejn il-baħar ftit li xejn ikunu għammiela. Utut tfisser bdabad.
Ir-raba’ rqiq jixba’ mill-ilma u jinxef fid-dawl tal-qamar.
Jeħtieġ li l-ħamrija jkollha fond biex iżżomm l-ilma li tagħtiha.
Ir-raba’ jrid il-ħames.
Tajjeb li jkollok l-għelieqi, iżjed trid lil min jaħdimhom ukoll.
In-nwar tal-bajtar jimla l-qolla bl-aħjar għasel.
L-għasel tan-naħal li jkun mar fuq il-fjuri tal-bajtar ikun tajjeb ħafna.
In-nies tal-art sriep tal-art.
Il-bdiewa, bħas-sriep, jitwieldu u jmutu fl-għalqa għax dik ħajjithom.
In-nemus fuq il-qamħ sinjal li dan ikun qed jisħon.
Meta tara n-nemus fuq il-qamħ tista' tibda taħsad għax tkun waslet is-sħana.
In-naspla saret u ċ-ċawla taret.
Meta ċ-ċawl ipassi, dan ifisser li jkun sar in-naspli wkoll.
Ilwi d-dielja meta għadha żarġuna.
Il-karattru jissawwar fit-tfulija, bħal meta fergħa żgħira (żarġuna) tad-dielja tkun għadha tista’ tiltewa.
Ilsien il-moħriet fih il-għasel għar-raba’.
Ir-raba' jieħu pjaċir bil-moħriet għax jinħadem sew.
Il-qoton ma jibżax mix-xemx il-qawwija, jibża’ miċ-ċpar u mit-tniddija.
Il-qoton ma jbatix fix-xemx qawwija, iżda l-umdità (= tniddija) tagħmillu ħażin.
Il-qiegħa għat-tidrija, bil-ħobż u ż-żir fejnek, biex kull fewġa tithennieha.
Dari d-dris kien xogħol sabiħ, li jagħtik pjaċir daqslikieku għaddiet żiffa riħ. Żir tfisser qolla, li hija ġarra tal-fuħħar.
Il-qamħa tnaqqiha darbtejn tagħmel qagħqa dawritejn.
Naqqi l-qamħ kif suppost u jagħtik prodott tajjeb ħafna. Dawritejn tfisser għal darbtejn.
Il-qamar, il-kewkba u n-newba, fuq ir-raba’ ma fihomx ħlief sewba.
Dari kienu jemmnu li l-qamar u l-kwiekeb għandhom effett tajjeb ir-raba'. Sewba tfisser ħsad tajjeb u n-newba tirreferi għan-newba tal-għelejjel (crop rotation).
Il-mogħża li tirgħa mhi qatt bil-ġuħ.
In-nies beżlin dejjem isibu x'jagħmlu u jħossuhom sodisfatti.
Il-Milied bil-kappell, l-Għid bil-mantar, in-nies tiekol tajjeb u l-bhejjem tixtarr aħjar.
Meta fil-Milied tagħmel is-sħana u fl-Għid tagħmel il-kesħa, għid li għall-biedja se tkun sena tajba.
Il-ksir fir-raba’ ħass id-dar.
Jeħtieġ li tiżra' ż-żerriegħa tal-ħass wara li tkun ħdimt il-ħamrija.
Il-kromb bla widek bħal widna bla widaħ.
Il-grass jagħtiha t-togħma tajba lill-kawlata. Widek huwa grass u widaħ huwa għasel tal-widnejn.
Il-kemmun mhux tiegħek sewwa qabel ma ddaħħlu ġewwa.
Sakemm il-frott u l-ħaxix għadhom fl-għalqa, għadhom fiċ-ċans li jitħassru u ma jkunux tiegħek.
Il-kampanja għall-ħdura u x-xatt għall-matmura.
Nippreferu l-prodott Malti u fejn ma nsibux, nirrikorru għall-prodotti impurtati. Matmura tfisser proviżjonijiet.
Il-ħrief imutu qabel in-nagħaġ.
Il-ħajja ġieli tkun kattiva, bħal meta t-tfal imutu qabel il-ġenituri.
Il-ħmar jinġabar meta ġej it-temp.
Il-ħmar jinduna li jkun ġej il-maltemp u jidħol jistkenn.
Il-ħdura u l-ward huma ż-żina tal-art.
Il-kampanja tkun sabiħa meta tkun miksija ħaxix aħdar u fjuri.
Il-ħarifa tbiddel l-arja u l-ħalib jitla’ fl-ajru.
Dari kien ikun hawn inqas ħalib fil-ħarifa u b'hekk il-prezz kien jogħla (= jitla' fl-ajru).
L-għana mill-għanem u l-għanem iġib il-għana, jgħid ir-raħħal.
Il-flus (= għana) jiġu mill-merħla (= għanem) u tkanta bil-ferħ (= is-sens l-ieħor ta' għana) bis-saħħa tal-merħla, skont ir-raħħala.
Il-gabillott duttur, mill-bħajra dejjem żgur.
Il-bidwi li jagħmel xogħlu sew dejjem ikollu prodott tajjeb. Bħajra tfisser bettieħ.
Il-fula bnina tagħmel il-fatra tqila.
Il-ful huwa ikel li jxebbgħek u jżommok.
Il-ful iżirgħu fit-tajn sa rkupptejk u onqxu fit-trab idur għal għajnejk.
Il-ful għandu jiżara' meta tkun ix-xita (= għalhekk fit-tajn) u għandu jiġi minqux meta l-art tkun niexfa (= itir it-trab).
Il-frott la jkun misjur aqtgħu.
Agħmel xi ħaġa f'waqtha u tħallix iż-żmien jgħaddi.
Il-fart la jismen oqtlu.
Meta annimal jismen biżżejjed oqtlu u taħlix iżjed flus fuqu, bl-istess mod li meta tlesti xi ħaġa tkomplix taħli ħin fuqha.
Il-borma ma ssirx mingħajr nar, lanqas l-art tagħti mingħajr bżar.
Jeħtieġ li l-ħamrija tiddemmel sew biex il-frott u l-ħaxix joħorġu sbieħ. Bżar tfisser demel.
Il-bidwi sormu jikwi.
Ix-xogħol tal-bdiewa huwa diffiċli immens, speċjalment fix-xmux.
Il-bidwi jew ir-ragħaj l-ewwel għana tad-dinja.
Xogħol il-bidwi u r-ragħaj huma fost l-ewwel xogħlijiet li bdew jeżistu għall-għajxien tal-bniedem.
Il-bhima tar-refgħa hija nofs il-merħla.
Il-merħla tmur tajjeb skont ir-razza u s-saħħa tal-bhima tar-refgħa (dik li tgħammar).
Il-bhima biex tiflaħ tiġri trid tkun qiegħda għall-mergħa u għall-moxt.
Biex tikkompeti fit-tiġrija tal-bhejjem trid tieħu ħsiebhom sew: titmagħhom u tomxtilhom.
Il-baqra tneħħi l-madmad minn għonqha għax ma tridx taħrat.
Ċerti nies ma tikkontrollahom b'xejn.
Il-baqra ma tbigħx tiben.
Ħadd ma jagħtik dak li għalih huwa importanti ħafna.
Il-baqra kollha tinbiegħ.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Il-bajda tal-lum il-kbira.
Il-kwantità rebħet fuq il-kwalità.
Il-bajda li kellha l-widnejn kienu jerfgħuha tnejn.
Biċċa xogħol issir tajjeb imqar bi ftit għajnuna mingħand kulħadd.
Il-bagħal issemmnu jagħtik bis-sieq.
Tagħmel il-ġid ma' xi ħadd u minflok jibqa' jafhulek, jagħmillek il-ħsara.
Aktar rabbata minn ħassada.
Aktar hemm min qed iħares milli jaħdem. Rabbata kienu dawk li jorbtu l-qatet u l-ħassada kienu dawk li jaħsdu.
Iderri d-dqiq u jiġbor in-nuħħala.
Jagħti aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u jinsa ħaġa oħra iżjed importanti. Iderri tfisser ixerred.
Id-dinja hekk magħmula, nofsha raba’ u nofsha ħbula.
Kull kultura għandha t-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħha.
Id-dielja tiltewa meta tkun żarġuna.
Il-karattru jissawwar fit-tfulija, bħal meta fergħa żgħira (żarġuna) tad-dielja tkun għadha tista' tiltewa.
Ħuta f’waqtha, u mhux fil-borma mlaqqta.
Il-ħut kulu eżatt kif issajru għax wara ma jibqax tajjeb.
Ħut ta’ bla rjus fis-suq iġib il-flus.
Fl-istaġun tal-lampuki (jiġifieri f'Settembru u Ottubru) il-ħut iż-żgħir ikun imfittex u jġib il-flus.
Ħrit bil-ħmar ma jagħtix sandar, ħrit bil-baqra jimla l-andar.
Meta l-bidwi jaħdem l-għalqa bil-baqra jaqla' iżjed flus milli meta jaħdimha bil-ħmar, għax il-baqra iżjed b'saħħitha.
Ħarġa middija sbula middija.
Il-qamħ jieħu pjaċir meta tagħmel in-nida. F'dan il-każ, ħarġa tfisser xkaffa u middija tfisser bin-nida.
Għaż-żrigħ bikri tikri; għall-imwaħħar ikollok tbaħħar.
Jekk tiżra' wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Għall-imwaħħar jeħtieġ tbaħħar.
Jekk tiżra' wisq tard fl-istaġun ikollok bżonn miraklu biex tieħu xi ħaġa. Imwaħħar tfisser tard. Tbaħħar jiġifieri tkeċċi l-ispirti l-ħżiena.
Għadu l-masri fil-biedja u nissieġ diġà tħajjar għalih.
Kien hemm żmien fejn id-domanda għall-qoton tant kienet kbira li n-nissieġ kien saħansitra jixtrih meta jkun għadu fl-għalqa. Il-masri huwa l-qoton.
Gendus rasu sewda żomm miegħu.
Ir-razza tal-gendus rasu sewda hija razza tajba.
Ġnien taż-żahar aħjar minn mifwaħ tal-ward.
Il-fjuri sbieħ, iżda s-siġar taċ-ċitru huma iżjed importanti. Mifwaħ huwa ġnien b'riħa tfuħ.
Ġabar in-nuħħala u xerred id-dqiq.
Ta aktar kas ta’ xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Frott tajjeb, suq ħażin.
Aktar kemm jagħmel frott u jkun tajjeb, inqas iddaħħal flus tiegħu.
Fix-xagħra xejn ma jeħxien u kollox xagħar joħroġ.
Fir-raba' xagħri ma tista' tkabbar xejn.
Fis-sajd lil min għarusa u lil min għaġuża.
Is-sajjied daqqa xortih tajba u daqqa xortih ħażina. Għarusa tirreferi għal tfajla mentri għaġuża tirreferi għal mara xiħa.
Fir-raba’ ħamri iżra’ kmieni u mwaħħar fil-bajjad.
Iżra' l-ħamrija ħamra kmieni u iżra' l-ħamrija ġeblija tard.
Fi żmien il-ħaruf il-patata tibda tħuf.
Kulħadd jiekol iżjed patata mal-ħaruf fi żmien l-Għid.
Fenka mgħammra tagħtik għal fuq il-ġamra.
Il-fniek ikollhom boton żrameġ kbir u għalhekk ikollok x'tiekol.
Fenek fil-platt, mhux Għid għal nhar il-Ħadd.
Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, agħmilha issa mhux wara. Dari l-fenek kienu jistennew biex isajruh fl-Għid u fil-festi biss.
Fejn tnibbet il-bagħla ma tifraħx żahra.
Min xi ħaġa ħażina qatt ma toħroġ oħra tajba. Il-bagħla hija rimja minn siġra taċ-ċitru li ma tagħmilx frott.
Fardgħalla għoli f’xogħlu.
Ir-raba' b'wiċċ wieħed biss fis-sena (= fardgħalla) ma ddaħħalx flus minnu.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Fart li jiekol il-widna jagħmel il-laħam bil-wiżna.
Il-bhejjem tal-ifrat li jieklu l-widna (tip ta' ħaxixa selvaġġa) jagħmlu ħafna laħam għax malajr jismnu.
F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul.
Min ma tantx għandu biex jgħaddi m'intix se ssiblu lussu.
F’kollox issib il-karfa.
F'kull ħaġa ssib difett, xejn mhu perfett. Il-karfa tfisser il-frak tat-tiben.
F’għalqa waħda jikbru l-qamħ u s-sikrana.
Għal kull ħaġa tajba ssib waħda ħażina, u bil-kontra.
Dik il-ġezza ma tiġix minn dik il-mogħża.
Ħadd ma jagħmel xogħol bla ħlas.
Derra d-dqiq u ġabar in-nuħħala.
Ta aktar kas ta' xi ħaġa li mhix importanti u nesa ħaġa oħra iżjed importanti.
Dak li tiżra’ taħsad.
L-azzjonijiet tiegħek jiddeterminaw ir-riżultat.
Brunġiela fi żmienha, għas-suq qatt ma tkun wisq għammiela.
Aktar ma jkun hemm abbundanza ta' brunġiel fi żmienu, inqas ikun sabiħ u għalhekk ma jibqax jiswa daqstant.
B’li fiha u b’li timla jinbiegħ bil-bixkilla.
Il-patata dari kienu jixtruha bil-ħamrija u l-bixkilla b'kollox.
Bis-sagħtar u l-ħatar, u l-ħin kollu jitmatar.
Ir-ragħaj m'għandux xogħlu impenjattiv ħafna meta tqabbel ma' xogħlijiet oħra.
Biex trabbi l-flieles trid it-tlieles.
Biex trabbi t-tjur trid ħafna flus. Tlieles huma xkejjer kbar.
Biex taqbad il-ħut trid tqum kmieni.
Hemm bżonn tbakkar biex ittella' x-xogħol.
Baqra tidres fuq l-andar, ġid fuq ġid.
Il-baqra li tintuża għad-dris f'għalqa tagħmel ħafna ġid.
Bajda tas-sultan titħallas b’dundjan.
Akbar ma jkun l-obbligu li jkollok lejn xi ħadd, aktar se jkollok xi trodd lura.
Bajda ta’ serduq naqra naqra leħinha jsir maħnuq.
Meta l-bajd taħt il-qroqqa jibda jiżviluppa fi flieles, jibda jitlef il-kulur.
Aktar alka milli ħut.
Ħaġa jaf tkun ta' inqas sustanza milli ħsibt.
Aħjar sbula minn għenba.
L-isbula tirreferi għall-ħobż u l-għenba tirreferi għall-inbid; l-ewwel ħu ħsieb l-essenzjali, imbagħad il-pjaċiri l-oħrajn.
Aħjar ponn ta’ bettieħa tajba minn waħda kbira u ħażina.
Il-kwalità għandha dejjem tiġi qabel il-kwantità.
Aħjar żbiba minn għenba.
Aħjar tinvesti f'xi ħaġa dejjiema minn xi ħaġa li tiġi u tmur malajr.
Bajda bit-tebgħa ħamra tkun għaddiet mill-wied tan-namra.
Meta l-bajda jkollha tebgħa ħamra jkun ifisser li t-tiġieġa kellha x'taqsam mas-serduq.
Aktar ma jkun ikkultivat, aktar ikun abbandunat.
Bl-istess mod li d-dielja tikber aħjar fuq il-blat milli fir-raba' saqwi, aktar ma tagħti kas ta' persuna aktar dik il-persuna ma tagħtix kasek.
Aħjar kromba bagħlija minn mija saqwija.
Il-kaboċċa li tikber f'ħamrija bagħlija aħjar minn ħafna li jikbru f'ħamrija saqwija.