Dari l-bigilla kienet tibda tinbiegħ għall-ħabta ta’ Ottubru, u f’dan il-perjodu tkun bdiet sew is-sena tal-biedja.
Kategorija: Ottubru
Ħut ta’ bla rjus fis-suq iġib il-flus.
Fl-istaġun tal-lampuki (jiġifieri f’Settembru u Ottubru) il-ħut iż-żgħir ikun imfittex u jġib il-flus.
F’San Xmun iżra’ fin-niexef u fil-miblul.
Iż-żara’ għandha ssir sal-aħħar ta’ Ottubru, f’kull tip ta’ ħamrija. San Xmun jiġi fit-28 ta’ Ottubru.
F’San Luqa ż-żara’ tinħeba fih l-għattuqa.
Jekk l-għattuqa jirnexxilha tistaħba wara l-qamħ, mela jkun kiber sew. San Luqa jiġi fit-18 ta’ Ottubru.
Santa Tereża, il-bidwi jsuq il-ħmar bin-niggieża.
F’Ottubru l-bidwi għandu jaħrat l-għalqa kemm jiflaħ biex ir-raba’ jrendi. Santa Tereża tiġi fis-16 ta’ Ottubru.
Ottubru jidħol u joħroġ fit-tubru.
F’Ottubru jidlam kmieni mill-bidu sal-aħħar tiegħu. It-tubru jirreferi għat-tebut.
F’Ottubru l-għeneb ġewwa t-tubru jitħassar u jmut.
L-għeneb kollu jitħassar minn Ottubru ʼl hemm.
Fix-xahar tar-rużarju aħrat u tenni biex meta taħsad ikollok biex tgħanni.
F’Ottubru l-bidwi jagħmel sew li jaħrat kemm jiflaħ il-ħamrija, biex meta jiġi biex jaħsad ikun kuntent.