Ir-riħ mit-Tramuntana inixxef il-piżelli fil-miżwed u jgħaqqad il-qara'.
Biex trabbi l-flieles trid it-tlieles.
Il-baqra kollha tinbiegħ.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Il-gabillott duttur, mill-bħajra dejjem żgur.
Il-bidwi li jagħmel xogħlu sew dejjem ikollu prodott tajjeb. Bħajra tfisser bettieħ.
F’kollox issib il-karfa.
F'kull ħaġa ssib difett, xejn mhu perfett. Il-karfa tfisser il-frak tat-tiben.
Fenka mgħammra tagħtik għal fuq il-ġamra.
Il-fniek ikollhom boton żrameġ kbir u għalhekk ikollok x'tiekol.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Ittendi għall-bikri u għall-bikrija għax bħalhom tkun il-bqija.
Meta tiżra' bikri u fil-waqt jirnexxi x-xogħol.
Iz-zalza ogħla mill-ħut.
Dak li qed tipprova tagħmel fih wisq spejjeż u ma jaqbillekx tagħmlu.
In-nemus fuq il-qamħ sinjal li dan ikun qed jisħon.
Meta tara n-nemus fuq il-qamħ tista' tibda taħsad għax tkun waslet is-sħana.
Aħjar kromba bagħlija minn mija saqwija.
Il-kaboċċa li tikber f'ħamrija bagħlija aħjar minn ħafna li jikbru f'ħamrija saqwija.
L-użu tal-fies jiswa biex titma’ u tlibbes in-nies.
Jeħtieġ taħdem u tistinka għall-ġid tal-familja.
Iz-zalza ogħla mill-ħut.
Dak li qed tipprova tagħmel fih wisq spejjeż u ma jaqbillekx tagħmlu.
L-għana mill-għanem u l-għanem iġib il-għana, jgħid ir-raħħal.
Il-flus (= għana) jiġu mill-merħla (= għanem) u tkanta bil-ferħ (= is-sens l-ieħor ta' għana) bis-saħħa tal-merħla, skont ir-raħħala.
F’għalqa waħda jikbru l-qamħ u s-sikrana.
Għal kull ħaġa tajba ssib waħda ħażina, u bil-kontra.
Kull għasfur imur mar-riħ, biss il-bies imur kontrih.
L-għasafar kollha jmorru fid-direzzjoni tar-riħ minbarra l-bies.
Ħuta f’waqtha, u mhux fil-borma mlaqqta.
Il-ħut kulu eżatt kif issajru għax wara ma jibqax tajjeb.
Fir-raba’ ħamri iżra’ kmieni u mwaħħar fil-bajjad.
Iżra' l-ħamrija ħamra kmieni u iżra' l-ħamrija ġeblija tard.
Fix-xagħra xejn ma jeħxien u kollox xagħar joħroġ.
Fir-raba' xagħri ma tista' tkabbar xejn.
Is-sahra twila għax spiċċat il-qargħa twila.
Il-bdiewa għandhom ġranet tax-xogħol twal ħafna fis-sajf, żmien fejn ma tikbirx il-qargħa twila. Għalhekk jagħmlu s-sahra.
Il-baqra tneħħi l-madmad minn għonqha għax ma tridx taħrat.
Ċerti nies ma tikkontrollahom b'xejn.
Iżra’ tajjeb u fil-waqt biex ma jibdielek qatt.
Agħmel kollox fil-ħin jew fiż-żmien opportun biex qatt ma jiddispjaċik, bħalma tiżra' skont l-istaġuni.