il-karattru u l-vizzji
Bejn il-vizzju u r-rieda.
“Jaħraq dinha l-għaġla,” qalet il-fekruna xħin telgħet tarġa u waqgħet tnejn.
Il-fekruna tagħmel li għandha tagħmel minkejja kollox, u bl-istess mod il-bniedem għandu jaħdem u ma jitgħażżinx.
Aħjar qalb tajba minn wiċċ sabiħ.
Aħjar tkun twajjeb milli sabiħ fiżikament.
Anġlu man-nies, xitan id-dar.
Quddiem in-nies iġib ruħu sew imma d-dar iġib ruħu ħażin.
Aqqal sirt minn blis, kulma trid tridu fis.
Hemm min irid kollox fil-pront.
Arani u la tmissnix.
L-apparenza ta’ persuna jaf tkun sabiħa, iżda l-karattru ma jkunx sabiħ għax tkun imkabbra biha nfisha.
Bi ħwejjeġ ħaddieħor kulħadd galantom.
Kulħadd jaf jiffanfra bl-affarijiet ta’ ħaddieħor.
Biex tiskonġra trid tkun pur.
Ara li jekk ser tikkritika lil ħaddieħor fuq xi difett ma jkollokx inti stess l-istess difett. Tiskonġra tfisser teżorċizza.
Billi tagħli ma ġġib xejn.
Billi toqgħod tirrabja ma tasal imkien.
Bin is-sengħa għandu nofsha.
L-ulied jirtu ħafna aspetti tal-karattru mill-ġenituri tagħhom.
Bis-saħħa tal-għarusa tiżfen il-qattusa.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni.
Bniedem bla ħila ma jiswiex tebaq fwiedu.
Bniedem jintgħażel mill-oħrajn skont il-ħiliet u l-kuraġġ tiegħu.
Bniedem dagħaj ftit idum ħaj.
Bniedem li għandu l-vizzju tad-dagħa jġib is-saħta fuqu nnifsu u jgħix ftit.
Bniedem għaqli ma jdurx ma kull riħ.
M’għandekx tafda lil min moħħu biex iħawwad u jdawwar.
Dak li jistenna li l-bajtar jaqa’ f’ħalqu, jibqa’ bil-ġuħ.
Irid ikollok sens ta’ inizjattiva, inkella qatt ma jsir xejn.
Dak li jwiegħed wisq ma jagħti xejn.
Min jagħmillek ħafna wegħdiet ibża’ minnu għax kollha fil-vojt.
Dak li ma jidħolx fi mnieħrek ħa jidħol fi mnieħer nannuk.
Ħu ħsieb tal-affarijiet tiegħek u tilħaqx salib ħaddieħor.
Dak li ma qattax bi snienu qattgħu bi lsienu.
Minflok ħadem, qagħad jgħid fuq in-nies minn wara daharhom.
Dak tiegħu tiegħu u tan-nies tiegħu wkoll.
Il-bniedem egoist irid kollox, anke ta’ ħaddieħor.
Daqqa fuq iċ-ċirku u oħra fuq il-bettija.
Bniedem li jġib ruħu ħażin u bis-salvaġiżmu wara jpattilu bil-ħlewwa u l-ġentilezza.
Dara jerda’ miż-żejża; ħalli naraw meta tmur Trejża.
Bniedem li jiddependi l-ħin kollu fuq ħaddieħor isibha diffiċli xħin ikollu jagħmel xi ħaġa waħdu.
Din ħażin, ħażin jibqa’.
Il-bniedem diffiċli jeħles mill-vizzji, wisq probabbli bihom jibqa’.
Doqq lill-qattusa biex tiżfen l-għarusa.
Għamel xi ħaġa biex tidher mod, meta l-intenzjonijiet tiegħu kienu mod ieħor.
Ebda saba’ ma jixbah lill-ieħor.
Kulħadd għandu karattru u opinjonijiet differenti.
Faħħru u itfgħu fin-nar.
Min jieħu wisq pjaċir b’min ifaħħru faċilment timmanipulah.
Fejn jidħlu l-interessi m’hemmx permessi.
Kulħadd fih innifsu jaħseb.
Fil-logħob min jitlef jitlef, iżda min jirbaħ jitlef ukoll.
Fil-logħob tal-azzard qatt ma tirbaħ tassew għax il-vizzju tal-logħob huwa ikrah u jwassal għal ħafna inkwiet.
Fis-suq kollox jinbiegħ barra minn fomm sieket u l-ġieħ.
L-integrità tal-bniedem ma tinxtarax.
Forn li biebu ma jingħalaqx, ħobżu ma jissajjarx.
Min hu ħalqu kbir jaqbad ipatpat mingħajr ma jaħseb fil-konsegwenzi.
Friex, żibel u ġieħ fittex wittih.
Tħallix lil min jipprova jħammiġlek ismek.
Ful ta’ Ġirba u ful tal-miżwed kollu wieħed.
Għalih jgħaddi kollox.
Fuq ġebla waħda jibni sur.
Qed jgħid affarijiet wisq esaġerati biex jitwemmnu.
Ġebbed għonqu biex qassar saqajh.
Min hu bla moħħ tistenniex li jagħmel affarijiet intelliġenti.
Ġebla samma ma tintaġarx.
Bniedem li għandu karattru diffiċli jew ħażin ma jitranġa qatt. Samma tfisser iebsa u ma tintaġarx tfisser ma titranġax.
Ġebla titgerbeb ma trabbix ħaxix.
Hemm min m’għandux kwiet, il-ħin kollu jibdel u jbiddel. Ma ssibx stabbiltà u trankwillità hekk.
Għal kull għadma hawn il-marlozz.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek. Il-marlozz (= merluzz) huwa tip ta’ ħuta.
Għal kull ħatba hawn mannara.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek.
Għal kull ħatba hemm mannaritha.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek.
Għal kull ħuta hawn il-lixka tagħha.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek.
Għal kull nittiena hemm żmienha.
Bniedem ħażin xi darba jeħodha wkoll il-lezzjoni.
Għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha, għax min irid rasha u min irid denbha.
Kulħadd bil-fehmiet u l-gosti tiegħu, dak li hu bla valur għal xi ħadd jista’ jkun ta’ preġju f’għajnejn xi ħaddieħor.
Għalija ċinkwina ħames ħabbiet.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza.
Għalija kull imdawwar qagħaq.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza.
Għidli ma’ min tagħmilha u ngħidlek min int.
Il-karattru tiegħek jissawwar skont il-kumpanija li tagħmilha magħha.
Giddieb darba, giddieb dejjem.
Min jinqabad fil-gideb imqar darba jieħu l-fama ta’ giddieb u ħadd ma jemmnu iżjed.
Ġurdien qluqi qatt ma jsir far.
Hemm min m’għandux kwiet, il-ħin kollu jibdel u jbiddel. Ma ssibx stabbiltà u trankwillità hekk. Qluqi tfisser imferfex.
Ħadd ma jara ħotobtu għax jaqa’ u jmut zoptu.
Tidħaqx bid-difetti ta’ ħaddieħor għax id-difetti tiegħek huma ferm akbar.
Ħadd ma jara n-nuqqasijiet tiegħu.
Ħadd ma jħares lejn id-difetti tiegħu.
Ħadd ma jara xturu.
Ħadd ma jħares lejn id-difetti tiegħu.
Ħadd mhu bħal ħaddieħor.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Ħafna ftaħir imbagħad tfittex u ma ssib xejn.
Min ikun irid jimpressjona ma jkollux tassew biex.
Ħaġa wieħed ikun jaf biha meta juriha.
Uri l-ħiliet tiegħek biex ħaddieħor ikun jaf x’inti kapaċi tagħmel.
Ħalli ’l ħaddieħor ifaħħrek.
Kun umli u tiftaħarx, ħalli lil ħaddieħor ifaħħrek minn jeddu.
Ħalli ’l kulħadd jerfa’ salibu.
Tindaħalx fl-affarijiet ta’ ħaddieħor.
Ħamiema bla ħjiena s-seqer itemmha.
Min hu wisq twajjeb u jafda żżejjed jispiċċa mmanipulat minn ħaddieħor. Ħjiena tfisser ħażen.
Ħanżir dak li jistaħam f’kull għadira.
Min m’għandux prinċipji jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jinzerta. Jistaħam tfisser iċaflas jew jgħaffeġ.
Ħanżir taqtagħlu denbu ħanżir jibqa’.
Il-bidliet superfiċjali ma jibdlux in-natural ta’ dak li jkun.
Ħatab wisq għan-nar tajjeb.
Min ikun twil iżda jibża’ minn kollox, xorta mhu tajjeb għal xejn.
Hemm il-wieħed u hemm l-ieħor.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Hemm min hu tqil biex jgħid kelma u ħafif biex jaqla’ bħalha.
Ġieli jkunu dawk li taħseb huma kwieti li jaqilgħu l-qlajjiet.
Hemm min jitkellem u hemm min iqarar.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Ħsieb il-buttar fejn se jqiegħed iċ-ċirku.
Kulħadd l-interessi tiegħu jara.
Ħu l-fama u mur orqod.
Ħu ħsieb tar-reputazzjoni tiegħek għax darba titlifha.
Ħuġġieġa tat-tiben fis-siegħa u l-ħin tintefa.
Bniedem li taqbiżlu malajr jagħmel ħafna kjass, iżda ma jdumx ma jgħaddilu.
Ibża’ mill-immankat.
Oqgħod attent minn min ikollu xi tip ta’ żvantaġġ, għax jaf ikun webbes qalbu.
Ibża’ minn dak li għandu għonqu mgħawweġ.
Oqgħod attent minn min ikollu xi tip ta’ żvantaġġ, għax jaf ikun webbes qalbu.
Ibża’ minn min għandu ħuġbejh kbar.
Oqgħod attent minn min ikollu xi tip ta’ żvantaġġ, għax jaf ikun webbes qalbu.
Id-dawran ta’ billejl qatt ma jġib ġid.
Min joħroġ jiġġerra billejl mhux tal-affari tiegħu.
Iddur kemm iddur in-naħla lejn l-għasel tmur.
Kulħadd l-interessi tiegħu jara.
Il-bniedem azzjonitu għandu.
Mill-azzjonijiet tiegħu tkun taf x’inhu bniedem.
Il-bniedem ma tafux qabel iġġarrbu.
Issir taf lil xi ħadd tassew meta tagħmilha miegħu.
Il-bniedem ma tafux qabel ma tkun kilt modd melħ miegħu.
Issir taf lil xi ħadd tassew meta tagħmilha miegħu. Modd huwa kejl.
Il-bniedem trid tmurlu għal xejrtu.
Biex tieħu xi ħaġa mingħand xi ħadd, trid tkun taf x’għandek tagħmel biex togħġbu.
Il-borża tal-beżżiegħ la timtela u lanqas tifriegħ.
Min jibża’ jispiċċa qatt ma jagħmel xejn fid-dinja. Tifriegħ tfisser titbattal.
Il-faħħar ir-rix barra jarmih.
Ma jagħmillekx ġieħ toqgħod tiftaħar.
Il-far fejn ma jilħaqx bi lsienu jilħaq b’denbu.
Min iħaddem rasu jkun jaf minn fejn għandu jgħaddi biex jikseb li jrid.
Il-fartas tmisslux il-barjola.
Jekk bniedem għandu difett tgħajrux bih. Barjola hija beritta żgħira.
Il-forn li jara ħotobtu ma jsajjarx ħobżu.
Tidħaqx bid-difetti ta’ ħaddieħor għax id-difetti tiegħek huma ferm akbar.
Il-ftaħir qatt ma għamel nies.
Imbilli tiftaħar ma jfissirx li inti rispettabbli.
Il-ġahri għalxejn tgħidlu jħares sewwa għax ħażin jibqa’ jħares.
Il-karattru ta’ xi ħadd diffiċli ħafna tbiddlu. Ġahri tfisser werċ.
Il-ġebla s-samma ma tintaġarx.
Min għandu karattru diffiċli ma jinbidel qatt. Samma tfisser qawwija.
Il-gost tal-pipa fiċ-ċekċika.
Ħu gost bil-kapriċċi li tagħmel.
Il-ħalf iġib is-seħta.
Min jaħlef fil-vojt iġib ħafna inkwiet.
Il-ħalliel għomru qasir.
Min jisraq ma jdumx ma jinqabad.
Il-ħalliel jgħajrek qabel ma tgħajru int.
Biex ma jinqabadx, il-ħalliel iwaħħal fik qabel twaħħal inti fih.
Il-ħanżir jistaħam f’kull għadira.
Min m’għandux prinċipji jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jinzerta. Jistaħam tfisser iċaflas jew jgħaffeġ.
Il-ħarir u l-imsielaħ iħaxwxu.
Min jilbes biex mingħalih jimpressjona jiġbed l-istess attenzjoni ta’ xkupa (= imselħa, pl. imsielaħ) tħaxwex.
Il-ħarsa ġġib il-kelma u r-ruħ taqa’.
L-attrazzjoni sesswali tibda b’ħarsa, tkompli b’kelma, u fl-aħħar taqa’ fit-tentazzjoni.
Il-ħmar denbu warajh u tiegħu ħadd ma jarah.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Il-ħmar iwaħħal f’denbu.
Qed jgħajjar lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu stess.
Il-kappell tiegħu ma jiġinix.
Il-karattru ta’ dak il-bniedem idejjaqni u ma rridx affari miegħu.
Il-karità qatt ma faqqret nies.
Att ta’ karità ġid biss jista’ jagħmel.
Il-katuba, li tagħmel ħafna ħoss, m’hemm xejn fiha ħlief arja.
Jitlagħlu malajr iżda jgħaddilu malajr ukoll.
Il-kavallier irejjex fuq is-swar u l-qaħba minn ġol-loġġ tixgħel in-nar.
Il-kavallieri xorta kienu jgħixu ħajja ta’ promiskwità, minkejja l-vot ta’ kastità li kienu jieħdu. Irejjex tfisser jistad, li f’dan il-każ tfisser imur ifittex il-pjaċiri sesswali.
Il-kburija titkeċċa bl-umiltà.
Min jaħseb li hu xi ħaġa jeħtieġ li jitgħallem japprezza l-valur tal-umiltà.
Il-kelb il-mutu ibża’ minnu.
Oqgħod attent minn min jidher kwiet, iżda jkollu intenzjonijiet ħżiena.
Il-kelb in-nebbieħ ma jigdimx.
Jitlagħlu malajr u jagħmel ħafna storbju, iżda ma jagħmillekx ħsara.
Il-korla ta’ filgħaxija ħalliha għal filgħodu.
Tiħux deċiżjonijiet mgħaġġla meta tkun irrabjat, stenna sakemm tikkalma.
Il-lagħab dejjem tellief.
Min ikollu l-vizzju tal-logħob jispiċċa jitlef ħafna flus, anke meta jirbaħ, għax jerġa’ jilgħabhom.
Il-logħob jilagħbek hu.
Min ikollu l-vizzju tal-logħob jispiċċa jitqarraq u jitlef ħafna flus.
Illum baram lil wieħed, għada jiftel lill-ieħor.
Qatt m’għandek tafda bniedem ħażin. Jiftel hawn tfisser iqarraq.
Illum ma baqax ħmir.
Daż-żmien in-nies saru jafu minn fejn għandhom jgħaddu biex jiksbu li jridu.
Il-lupu jbiddel sufu u mhux għemilu.
Bniedem ħażin jipprova jagħtik x’tifhem li nbidel, iżda fil-fond ta’ qalbu ħażin jibqa’.
Il-Malti tikrilux b’żewġ sulari għax minn hemm fuq jaf jobżoqlok.
Il-Malti ma jurix apprezzament għal li tagħmel miegħu.
Il-midjun u d-dejjien ftit jaqblu flimkien.
In-nies li għandhom interessi opposti ftit li xejn jistgħu jaqblu.
Il-miżbla qatt ma tkun tfuħ.
Mingħand xi ħadd ta’ intern ħażin tistenniex it-tajjeb.
Il-paraguni dejjem odjużi.
Toqgħodx tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor għax tgħix indannat.
Il-pipa rġulija, il-magħda ħniżrija u t-tabakk qżiżija.
Dari min kien ipejjep il-pipa kien jitqies ta’ klassi, mhux bħal min kien ipejjep is-sigaretti jew jomgħod il-magħda (= chewing tobacco).
Il-qaħba milli jkollha ttik.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta’ karattru, qisu ta’ li hu u tistenniex imġiba differenti.
Il-qaħba tgħajjar lil ħaddieħor qaħba.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess.
Il-qalb ħanina tmut miskina.
Min ikun wisq qalbu tajba jbati, għax in-nies jagħmlu bih li jridu.
Il-qamar bil-pipa f’ħalqu u kulħadd kif Alla ħalqu.
Il-karattru tal-bniedem diffiċli jinbidel, għax hekk maħluq.
Il-qanfud, qanfud ieħor missieru.
Nirtu l-karattru tagħna mill-ġenituri tagħna, m’hemmx mod ieħor.
Il-qardiniet f’għajnejn sidu jidhru ġawhriet.
Xi nies jonfħu dak li hu tagħhom biex jippruvaw juru li huma aħjar minn ħaddieħor. Qardiniet huwa l-plural ta’ qardiena, li hija kollox barra ġawhra.
Il-qassis temmnux ħlief fil-quddiesa.
Bħalma qassis jista’ jġib ruħu mod ieħor minn dak li jippritkalek waqt il-quddiesa, hekk ukoll in-nies l-oħra.
Il-qattus aħrax isib il-qattus dgħajjef.
Hemm min jagħmel l-arja ma’ min hu aktar dgħajjef minnu.
Il-qtates għomja u l-ġrieden imeximxu.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni, bħall-ħaddiema li jillaxkaw malli jwarrab ta’ fuqhom.
Il-wiċċ iqarraq.
Wiċċ il-bniedem mhux biżżejjed biex nagħrfu x’tip ta’ karattru għandu.
Il-wiċċ mera tar-ruħ.
Wiċċ il-bniedem juri dak li hemm f’qalbu.
Inbid fl-ilma jitlef kilma, inbid pur jitlef l-unur. Titfgħu f’żaqqek jitla’ f’rasek, tratti tagħmel ta’ miġnun.
Tixrobx iżżejjed għax ix-xorb iġiegħlek iġġib ruħek ta’ miġnun. Jitlef kilma tfisser jitlef togħmtu.
Inbid ġewwa, irqad barra.
Meta tixrob u tisker, aħjar tiġi f’sensik qabel ma tmur lura d-dar.
Inbid inbidejn minn raġel jagħmel tnejn.
Meta jieħdok ix-xorb, l-affarijiet ma tibqax tarahom sew. Inbidejn tfisser żewġ tazzi nbid (u aktar).
Inkejt inkejja daret b’widnejja, inkejt ’l ommi qlajt għajnejja.
Tkunx inkejjuż għax f’wiċċek jibqa’.
In-nies ma tixxibahx u kulħadd fehmtu.
Kulħadd bil-fehmiet u l-gosti tiegħu.
In-nies ta’ daż-żmien huma nies tal-isem.
Ħadd m’għadu jġib ruħu ta’ nies daż-żmien, ma tista’ tafda lil ħadd.
Ir-rebbieħ għandu libsa tax-xibka, aħseb u ara t-tellief.
Min jirbaħ fil-logħob tal-azzard ikun qed jissogra ħafna, aħseb u ara min jitlef.
Ir-ross jittiekel biċ-ċappa mhux bil-labra.
Uża moħħok u tħallix min jidħaq bik.
Islifni wiċċek ħa naħmi bih.
Qed titlobni ħafna, tkunx wiċċek tost.
Isqini u wara staqsini.
Min jixrob jispiċċa jikxef dak li ma jixtieqx.
Is-supperv injorant.
Min hu supperv ma jkunx lest jitgħallem, u jibqa’ injorant.
Is-supperv mibgħud minn kulħadd.
Ħadd ma jrid ikollu x’jaqsam man-nies suppervi.
Is-supperv qatt ma rrenja.
Min hu supperv ma jkampax, għax x’aktarx ma jkollux raġun.
Is-swaba’ tal-id mhumiex kollha ndaqs.
Kulħadd għandu karattru u status soċjali differenti.
It-talb iġib il-barka u d-dagħa jġib is-saħta.
It-talb iqarribna lejn Alla, mentri d-dagħa jbegħedna minnu u jqanqal stmerrija.
It-tbajja’ li nitwieldu bihom ma jmorru qatt.
Il-vizzji li nitwieldu bihom diffiċli ħafna neħilsu minnhom għalkollox.
It-tebqat tal-ħorġa jintefgħu wara d-dahar.
Faċli ħafna tara d-difetti ta’ ħaddieħor minflok tiegħek.
It-twal tajbin għall-ħatab.
Nies twal u mibnija ġieli jkollhom karattru fjakk, u għalhekk ma jservu għal xejn.
Ixbah l-arloġġ tar-raħal fil-ħin imma le fil-qniepen.
Asal fil-ħin meta tiftiehem, iżda toqgħodx tiftaħar.
Ix-xellejjin mibgħuda ħajjin u mejtin.
Min imur jgħid kulma jisma’ kulħadd ikun jobogħdu.
Ix-xemx minn filgħodu turik x’ġej.
Minn filgħodu tinduna x’tip ta’ ġurnata se tkun. Bl-istess mod, it-tfal minn ċkunithom juruk x’karattru għandhom.
Iż-żaqq aktar ma tagħtiha aktar trid.
Aktar ma tiekol, aktar jagħtik aptit li tkompli tiekol, għalhekk importanti l-moderazzjoni.
Jagħmilha ta’ ħmar biex ma jħallasx dwana.
Hemm min jilgħabha tal-iblah biex jipprova jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ ajkla.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ seqer.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Jekk ma tħattarx, ma tinħatarx.
Jekk ma tagħmilx wiċċek, qatt ma tieħu xejn. Tħattar tfisser tagħmel sforz u tinħatar tfisser tintgħażel.
Jekk tiġi ċatta pala, jekk tiġi tonda seffud.
Imur l-aħjar min jieħu l-ħajja kif tiġi.
Jew jilgħab jew ikeskes.
Bniedem manipulattiv, jew jimmanipula hu jew jipprova jdawwar lil ħaddieħor għall-iskopijiet ta’ moħħu.
Jien bħas-sellum taż-żina, la ma teħtiġux tarmih fil-kantina.
Hemm nies li jkellmuk biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa mingħandek jew biex jinqdew bik. Iż-żina f’dan il-każ tfisser il-festa.
Jien bin ommi, ta’ żaqqi f’fommi.
Hemm nies li ma jomogħduhiex, li jħossu jgħidu.
Kajman u kutu iżda qrunu dejjem f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Kelb ħiemed ibża’ minnu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik. Ħiemed tfisser kwiet.
Kelb li jinbaħ ma jigdimx.
Hemm min taqbiżlu u jaqbad jgħajjat, iżjed ma jdumx ma jgħaddilu.
Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil-borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista’ għalih.
Kieku l-forn jara ħotobtu, ma kienx jaħmi ħobżu.
Tidħaqx bid-difetti ta’ ħaddieħor għax id-difetti tiegħek huma ferm akbar.
Kif trabbi fiċ-ċkunija, issibu fix-xjuħija.
Dak li tkun drajt bih minn ċkunitek jibqa’ miegħek ħajtek kollha.
Kliem wisq, fejda ftit.
Dawk li jiftaħru u jparlaw ħafna jkollhom ftit xogħol x’juru fil-verità.
Kulħadd b’xi lula, sal-qamar ta’ belula.
Kollha kemm aħna għandna xi difett (= lula), mill-iżjed bniedem intelliġenti sal-aktar wieħed baħnan (= il-qamar ta’ belula).
Kulħadd għandu minn tal-ħmar.
Kulħadd jagħmel xi waħda minn tiegħu.
Kulħadd għandu xi jekk.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Kulħadd għandu xi mela.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Kulħadd gostih.
Il-gosti jvarjaw skont il-persuna.
Kulħadd ifittex isammar musmaru.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Kulħadd iħokk fejn jieklu.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Kulħadd ikollu xi gwaj.
Kulħadd għandu l-problemi tiegħu.
Kulħadd ikollu xi imma.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares. Xawwatu jfisser dak li dak li jkun qed ixawwat/isajjar.
Kulħadd jara bin-nuċċali tiegħu.
Kulħadd jara l-affarijiet mill-perspettiva tiegħu.
Kulħadd jixħet it-tebqa tal-ħorġ wara dahru.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Kulħadd kif inhu magħġun.
Kulħadd bil-karattru tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin b’kollox.
Kulħadd milli għandu jagħti.
Tistenniex affarijiet mingħand min taf li ma jistax jagħtihomlok.
Kulħadd żommu ta’ li hu.
Qis lil kulħadd skont il-karattru tiegħu u kif iġib ruħu.
Kull għasfur jiftaħar b’rixu.
Kulħadd jiftaħar b’dak li għandu.
Kull għuda għandha duħħanha.
Kulħadd għandu xi difett. Għuda tfisser injama.
Kull għuda għandha susitha.
Kulħadd għandu xi difett. Għuda tfisser injama, u susitha tfisser is-susa tagħha.
Kull ħmar iħobb jisma’ lilu nnifsu jinħaq.
Min jaħseb li hu xi ħaġa, ikun mingħalih li dejjem għandu raġun u ma jagħti kas ta’ ħadd.
Kull ħmar jidhirlu li għandu joqgħod maż-żwiemel tar-re.
Kulħadd jaħseb li ħaqqu l-aħjar.
Kull kalanka port.
F’sitwazzjoni diffiċli kull rifuġju tajjeb. Kalanka tirreferi għal daħla dejqa fuq il-baħar.
Kull min jerfa’ abtu jsib xi jxomm.
Kulħadd għandu xi difett x’jaħbi.
Kull min jiekol il-ħobż għad mhux qaddis.
Anke l-iżjed nies twajba xi darba jagħmlu żball.
Kull tajra tifraħ b’rixa.
Kulħadd jiftaħar b’dak li għandu.
Kull wild hu għaġbu.
Kulħadd għandu l-karattru tiegħu, kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta’ familja.
Kutu kutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
La taħrax fejn ixommuh in-nies.
Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
La tħammiġx fejn ixommuh in-nies.
Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
L-aħjar ħut jgħum f’qiegħ il-baħar.
Min jagħmel xogħlu sew u bil-għaqal ma jkunx iħobb jidher.
L-akbar raġel dak li jegħleb demmu.
Min kapaċi jitrażżan għandu karattru sod ħafna u ta’ min jammirah.
L-akbar trux min ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma’ jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
Lanqas il-bajtar m’għadu jagħmel irġiel.
Daż-żmien m’għadekx issib raġel fuq l-irġiel u mara fuq in-nisa.
L-essenza fil-fliexken iż-żgħar.
In-nies ta’ statura żgħira ipattulu b’modi oħra: il-karattru, l-intelliġenza, il-ħiliet, l-ambizzjoni, eċċ.
L-ewwel tidrobni, imbagħad iddewwini.
Min hu wiċċ b’ieħor l-ewwel jagħmillek il-ħsara, imbagħad jipprova jintgħoġob.
L-għabra tgħajjar liż-żagħruna.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess. Għabra tfisser trab u ż-żagħruna hija tip ta’ pjanta (Crataegus monogyna).
L-għada li titwieled biha l-kefen biss ineħħiha.
Id-drawwiet tiegħek - tajbin u ħżiena - sa mewtek tibqa’ bihom. Għada tfisser drawwa u l-kefen huwa t-tebut.
L-għajb jgħajjeb u l-għar jgħajjar.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess. Għajb u għar it-tnejn ifissru diżunur.
L-għajjur bil-ġuħ imut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
L-għajjur bil-weġgħa jmut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
L-għajnejn huma t-twieqi tal-qalb.
L-għajnejn espressivi u juru x’hemm f’qalb persuna.
L-għażż missier il-vizzji.
L-għażż iwaqqgħek iżjed fit-tentazzjoni tal-vizzju.
L-għażżien dejjem għarwien.
L-għażżien ma jaħdem għalxejn u allura qatt m’għandu xejn.
L-għażżien jieklu l-qamel.
L-għażżien mhux bniedem nadif.
L-għira ddur mad-dwejra.
Min jgħir għalik il-ħin kollu għassa tiegħek ħalli jara x’inti tagħmel.
L-għira tan-nies iġġib mibegħda bla qies.
L-għira hija sors ta’ mibegħda bejn in-nies.
L-ikrah għandu mankament wieħed iżda s-sabiħ għandu ħafna.
Id-difetti fuq min hu ikrah jidhru ħafna iżjed minn dawk fuq min hu sabiħ; min hu sabiħ imbagħad ikollu ħafna iżjed difetti x’jaħbi.
L-ikrah jagħmel x’jagħmel ma jsirx sabiħ.
Min għandu karattru ikrah hekk jibqa’, minkejja li jibdel l-apparenza jew il-ħabtiet tiegħu.
Lil min tafu tistaqsix għalih.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta’ karattru, qisu ta’ li hu.
Lil min tħobbu u tamah, dak li jagħmel ma tarahx.
Ġeneralment ma narawx id-difetti ta’ min inkunu nħobbu. Tamah huwa sinonimu ta’ tħobbu.
L-ilbies qatt ma għamel nies.
L-ilbies sabiħ ma jgħattix id-difetti u l-karattri ħżiena.
L-imgħajjar jgħajjar.
Jgħajjar lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu stess.
L-imżużi ma fih ebda ħajr.
Tippruvax tikkuntenta lil minn qatt ma jkun kuntent. Imżużi tfisser fonqla.
L-iskarpan dejjem b’żarbun imqatta’.
Tant tkun moħħok biex taqdi jew tikkuntenta lill-oħrajn li tispiċċa tinsa lilek innifsek.
L-ispiżjar milli jkollu jtik.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta’ karattru, qisu ta’ li hu u tistenniex imġiba differenti.
Ma’ min rajtek xebbahtek.
Il-karattru tal-kumpanija li tagħmilha magħha jirrifletti l-karattru tiegħek stess.
Ma tistax togħġob lil kulħadd.
Agħmel dak li inti taħseb hu tajjeb u ħallik minn x’jaħseb ħaddieħor.
Meta jidħol l-inbid joħroġ l-għaqal.
Meta tisker, ma tibqax f’sensik.
M’għaddiex mill-bieb, daħal mit-tieqa.
Min ikun determinat jagħmel minn kollox biex jasal fejn irid.
Mgħallem f’idejh bħan-nies taż-żmien, jew kien hu miktub max-xwieni jew jinsab baħri mal-iġfien.
In-nies ta’ klassi baxxa tikbrilhom rashom meta jkunu xortihom tajba. Mgħallem f’idejh tfisser li jkollu t-tpinġija fuq idejh (dari kienet titqies tan-nies ta’ klassi baxxa), u dawn jixbhu lin-nies tal-antik (=in-nies taż-żmien) tal-istess kwalità, jiġifieri...
M’hemmx għama aktar minn dak li ma jridx jara, u trux aktar minn dak li ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma’ jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
Mhux dik li tikxef id-dublett biss tissejjaħ qaħba.
In-nies diżonesti kullimkien issibhom, anke min mingħalik mhux t’hekk.
Mhux il-libsa li tagħmel ir-raħeb.
L-apparenza tqarraq bik. Raħeb tfisser patri jew eremita.
Mhux kulħadd xorta.
Kulħadd għandu l-karattru u l-gosti tiegħu.
Mhux kull min jaħsel wiċċu jsir sabiħ.
Bniedem li għandu karattru diffiċli jew ħażin ma jitranġa qatt.
Mhux l-ilbies jagħmel in-nies.
Mhux kif tidher minn barra b’dak li tilbes li jgħodd, iżda l-karattru.
Mhux l-imġienen kollha jinsabu ta’ Frankuni.
Hawn ħafna nies imġienen madwarna u lanqas biss nafu. Frankuni tfisser Villa Franconi, bini residenzjali li ntuża bħala sptar mentali mill-1835 sal-1861.
Mill-għira taħbel il-ħanżira.
L-għira tant hi qawwija li ġġegħelna naħsbu u naraw affarijiet li ma jkunux veri.
Min għandu l-għali jbigħu.
Min jgħir ma jkunx jiflaħ jara lil ħaddieħor aħjar minnu; problema tiegħu mhux tiegħek.
Min għandu l-għali jkompli jżidu.
Min jgħir ma jkunx jiflaħ jara lil ħaddieħor aħjar minnu; problema tiegħu mhux tiegħek.
Min għandu wiċċu għandu lil żewġu.
Min ma jistħix u jagħmel wiċċu jieħu li jrid.
Min hu mgħammed bis-snien trid tibża’ minnu.
Diffiċli ħafna wieħed jinbidel għall-aħjar iktar tard fil-ħajja, bħal min jitgħammed kbir.
Min hu tajjeb minn qaddisu jibkih sal-ġebel ta’ pajjiżu.
Bniedem qalbu tajba jkun maħbub ħafna minn kulħadd.
Min idarri jħarri.
Jekk ma tgħinx lil ħaddieħor jegħleb il-vizzji tiegħu, tkun qed tkun kompliċi mad-deni li jagħmel lilu nnifsu. Iħarri tfisser iħassar.
Min iħalli leħitu f’idejn it-tfal inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb ma’ wliedu, jagħmlu li jridu bih.
Min iħalli leħitu f’idejn in-nies inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb man-nies, kulħadd jagħmel li jrid bih.
Min iħammel id-demel jitħammeġ bih.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Min iħobb it-tibkir raġel isir.
Min ibakkar (= iqum kmieni) għax-xogħol isir bniedem iddixxiplinat.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Min imiss iż-żift jiċċappas.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Min iqalleb jitqalleb.
Min il-ħin kollu jdawwar fehmtu għax ma jkollux l-ideat ċari, jispiċċa joħloq l-inkwiet.
Min iraqqad miegħu l-klieb, lill-briegħed jiftħilhom il-bieb.
It-tip ta’ kumpanija li tagħmilha magħha tinfluwenzak ħafna.
Min jagħmilha man-nuħħala t-tiġieġa tgerfxu.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin jitħawwad.
Min jagħmilha maz-zopp, għeluq is-sena jsir zopp bħalu.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Min jagħmilhielek darba, jagħmilhielek mitt darba.
Min jagħmillek azzjoni ħażina darba, jerġa’ jagħmilhielek darb’oħra; mela warrbu u tafdahx.
Min jaħlef wisq ftit hu mwennes.
Min għandu vizzju jaħlef huwa mistmerr.
Min jehreż bil-mehrież tan-nisa u tal-logħob bil-liega f’idu jibqa’.
Min jgħix ħajja promiskwa u jkollu l-vizzju tal-logħob tal-azzard (= logħob bil-liega) għad jispiċċa f’ħafna inkwiet.
Min jerfa’ għalik, jerfa’ għal ħaddieħor.
Min jagħti fastidju sesswali (= jerfa’) lilek, ibqa’ ċert li jagħtih lil ħaddieħor ukoll.
Min jersaq ħada l-ġmied jiġġemmed.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom. Ħada tfisser ħdejn.
Min jgħammar qalb il-ħadid jiċċappas bis-sadid.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Min jgħid li ma jarrax, jarra dak il-ħin.
Min mingħalih perfett u ma jiħux żbalji (= ma jarrax), il-ħajja malajr tqiegħdu f’postu u turih li mhux veru.
Min jibża’ ma jagħmilx flus.
Min jibża’ ma jasal imkien għax mhu kapaċi għal xejn.
Min jibża’, jidħol taħt is-sodda.
Min jibża’ ma jasal imkien għax mhu kapaċi għal xejn.
Min jiftaħar b’rixu ma jtirx.
Min jiftaħar ma jfissirx li dak li qed jiftaħar bih huwa veru.
Min jiftaħar jaqa’ l-baħar.
Min jiftaħar jaqa’ għaċ-ċajt.
Min jigdeb u jobgħod, jagħmel deni lilu nnifsu u lil min jemmnu.
Min jigdeb u jaqla’ l-qlajjiet jagħmel ħsara kbira lilu nnifsu u lil ta’ madwaru.
Min jimxi max-xenguli wara erbgħin pass jixxengel bħalu.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Min jiskonġra jrid ikun pur.
Ara li jekk ser tikkritika lil ħaddieħor fuq xi difett ma jkollokx inti stess l-istess difett. Tiskonġra tfisser teżorċizza.
Min jitgħammed bis-snien jerġa’ għal fejn kien.
Diffiċli ħafna wieħed jinbidel għall-aħjar iktar tard fil-ħajja, bħal min jitgħammed kbir.
Min jitħallat man-nuħħala t-tiġieġa tgerfxu.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin jitħawwad.
Min jitkaża jaqa’ fil-każa.
Min jitkaża bl-iżbalji ta’ ħaddieħor, jispiċċa jagħmel l-istess żball huwa stess.
Min jitwieled tond ma jmutx kwadru.
Il-karattru tal-bniedem ma jinbidel qatt.
Min jixrob bewlu jieħu lewnu.
Min jagħmilha ma’ kumpanija ħażina, jieħu l-influwenzi ħżiena kollha.
Min joqgħod moxxu jaqa’ taħt dwiefer l-oħrajn.
Min joqgħod għal kollox u ma jiddefendix ruħu, jagħmlu li jridu bih l-oħrajn.
Min ma jbossx jifsa.
Hemm min jagħmel xi ħaġa ħażina u jaraha kulħadd, u hemm min jagħmel ħafna agħar minn taħt bla ma jarah ħadd.
Min ma jiflaħx ratal ma jiflaħx wiċna.
Min ma jiflaħx għal ftit żgur li mhux kapaċi jiflaħ għal ħafna. Wiċna tirreferi għall-ħsad tal-uċuħ tar-raba’.
Min ma jirranġax it-toqba ż-żgħira jkollu jirranġa l-kbira.
Għandek tegħleb il-vizzji tiegħek u tirranġa d-dgħufijiet tal-karattru tiegħek mill-aktar fis possibbli, għax wara ssibha ħafna iżjed diffiċli.
Min ma joħroġx mill-bieb joħroġ mit-tieqa.
Min jilħaqlu moħħu jirnexxilu joħroġ minn sitwazzjoni skomda jew jasal fejn irid.
Min titrabba miegħu tkun taf l-għada tiegħu.
Meta titrabba ma’ xi ħadd, il-karattru tiegħu tkun tafu sew. Għada tfisser drawwa.
Min xammha għammha.
Dak li joqgħod iġib ħafna skużi biex ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu, huwa ħati. Għammha tfisser zijuha.
Minn bassa jogħxa u minn fiswa miet.
Bniedem ta’ karattru dgħajjef jibża’ minn kollox u ma jagħmilx kuraġġ.
Minn ġild il-bagħal mejjet tbiegħed u aktar u aktar jekk hu ħaj.
In-nies pezzakustjoni qis li taħrabhom.
Mitt bniedem mitt fehma.
Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu.
Mix-xħiħ tlaqqat xi ħaġa, mill-ħali ma tlaqqat xejn.
Min iberbaq il-flus ikun qed jagħmel iżjed ħsara minn min hu xħiħ.
Miżbla qatt ma fieħet.
Tistenniex ġid mingħand persuna ħażina jew mimlija vizzji.
Musmar imsaddad trid taqla’ l-ħajt biex taqilgħu.
Diffiċli ħafna teqred vizzju ladarba taqbdu.
Musmar qadim maqlugħ iħalli s-sadid warajh.
Il-vizzju tant għandu saħħa li ma jistax jingħeleb għalkollox.
Mutu mutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Nieqes f’tulu, żejjed f’qandulu.
Din il-persuna tassew arroganti, minkejja li qasira.
Nies ta’ bla fehma ħajrhom saħta u reħma.
Min irid kollox kif irid hu, jew tgħaddi tiegħu jew jeħodha kontra l-oħrajn u joqgħod jitħassar lilu nnifsu. Reħma tfisser mogħdrija.
Nies tal-għatba u t-taraġ ma fihomx faraġ.
Evita lil min jipprova jissendika biex ma jsibx xi jgħid fuqek man-nies.
Qatt tidħaq bil-mankament ta’ ħaddieħor.
Tidħaqx bid-difetti ta’ ħaddieħor.
Qattus u ġurdien qatt ma nstabu flimkien.
Nies b’natural u karattru differenti ħafna ma jaqblu qatt.
Qis it-travu f’għajnek, mhux it-tibna f’għajn l-oħrajn.
Jekk se toqgħod issib id-difetti f’ħaddieħor, tinsiex li inti għandek id-difetti wkoll, saħansitra ikbar minn tagħhom.
Rożanna tarma s-sodda bit-tornalett u mhux ħlief trejjex għal La Valette.
Il‑Kavallieri ta’ San Ġwann xorta kienu jgħixu ħajja ta’ promiskwità, minkejja l‑vot ta’ kastità li kienu jieħdu. Trejjex tfisser tistad, li f’dan il‑każ tfisser imur ifittex il‑pjaċiri sesswali.
Sawt il-bniedem irid ikun minn ġildu.
Biex bniedem jegħleb il-vizzju, għandu jiġi minnu u jkollu r-rieda. Sawt tfisser frosta.
Skont l-arma l-konslu.
Il-karattru tal-bniedem jidher mill-mod kif iġib ruħu u jitkellem.
Sqalli tajjeb aħarqu aħseb u ara ħażin.
L-Isqallin makakki u m’għandekx tafdahom għax jiddispjaċik.
Tagħmilhiex mal-karfa.
Tagħmilhiex mal-kumpanija ħażina (= il-karfa) għax tiġi influwenzat ħażin.
Tagħmilhiex mal‑marmalja.
Tagħmilhiex mal‑kumpanija ħażina (= il‑karfa) għax tiġi influwenzat ħażin.
Tagħtix ħatar biex isawtuk bih.
Turix u tgħidx id-difetti tiegħek lil ħaddieħor, biex ma jintużawx kontrik.
Taqbiżx għax tinżillek is-sorra.
Agħti kas u ħu ħsieb l‑affarijiet tiegħek, għax ħadd mhu se jagħti kas daqsek.
Taqla’ fuq wiċċek u tkanta vittorja.
Hawn min tant hu iblah li, meta tiġrilu xi ħaġa ħażina, jemmen tassew li ġratlu xi ħaġa tajba.
Tarġa tarġa tasal fuq iżda tgħawwed jekk idduq.
Drawwa, tajba jew ħażina, aktar kemm tirrepetiha aktar tidraha u ssir normali. Tgħawwed tfisser tirrepeti.
Tarġa tarġa titla’ fuq iżda tgħawwed jekk idduq.
Drawwa, tajba jew ħażina, aktar kemm tirrepetiha aktar tidraha u ssir normali. Tgħawwed tfisser tirrepeti.
Tebgħa taż-żejt bix-xaħam tmur.
It-tbajja’ tat-twelid (birthmarks) li jkollna ma jitilqu b’xejn (għax ix-xaħam mhux veru jneħħihom), bl-istess mod l-karattru ta’ ċerti nies ma jinbidel qatt.
Tgħidx fuq ta’ ħdejk għax iżżid fuq spallejk.
Toqgħodx tgħid fuq in-nies għax tkun qed iżżid mal-azzjonijiet ħżiena u l-ħtija tiegħek.
Tħallix ir-riħ jimliek.
Toqgħodx tagħmel l-arja.
Tħallix ix-xtur tiegħek biex tara ta’ ħaddieħor.
Jekk se toqgħod issib id‑difetti f’ħaddieħor, tinsiex li inti għandek id‑difetti wkoll. Xtur huma difetti.
Tifel borqmi, biż-żmien fuq il-kanun ikun mormi.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil‑borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista’ għalih.
Tiftaħarx bik innifsek; ħa jiftaħru bik in-nies.
Jekk tiftaħar bik innifsek, in-nies tqanqlilhom disprezz. Meta l-oħrajn jiftaħru bik, in-nies jieħdu interess u japprezzawk.
Tinżel fejn tinżel jaqbilli kull minżel.
Għalija kollox xorta. Minżel tfisser niżla jew kwalunkwe nżul.
Tinżilli fejn tinżilli kull minżel jaqbilli.
Għalija kollox xorta. Minżel tfisser niżla jew kwalunkwe nżul.
Tkun ħelu jikluk, tkun imqit jobogħduk.
Qatt ma ġġibha tajba fid-dinja. Jekk tkun qalbek tajba wisq jagħmlu bik li jridu, u jekk tkun żorr wisq jistmerruk u jobogħduk.
Tqisx x’kont, qis x’inti llum.
Il-passat tiegħek insieh, u ffoka fuq min inti llum il-ġurnata.
Turi d-debba u tqabbeż il-ħmara.
L-ewwel tgħid li se tagħmel ħaġa, imbagħad tagħmel xi ħaġa oħra.
Warda bla fwieħa ma fihiex xi xxomm.
Persuna li ma tkunx rasha fuq għonqha ma tagħmel xejn sew u ma tkun tiswa xejn.
Warrab il-ħajjen fil-ġid u fid-deni.
Lin-nies ħżiena u makakki warrbilhom f’kull sitwazzjoni. Il-ħajjen huwa l-bniedem malizzjuż.
Warrab minn fqir kburi, minn għani xiħ u minn xiħ żieni.
Warrab lil min m’għandu xejn u supperv, lil min hu xiħ b’ħafna flus u lil min hu xiħ iżda moħħu fis-sess.
Wiċċ is-sefqa ma jmutx imkemmex.
Min ma jistħix jagħmel wiċċu, jieħu li jrid fil-ħajja u ma jmur qatt minn taħt. Wiċċ is-sefqa tfisser li tagħmel wiċċek: peress li l-verb seffaq ifisser ħaxxen, meta tħaxxen wiċċek ma jitkemmixlekx.
Wiċċ li jduq it-triq minn hemm jidra sfiq.
Min jagħmilha man-nies tat-triq jidra jagħmel wiċċu u ma jkunx jaf x’inhi l-mistħija.
Wieħed għandu wited għali u l-ieħor għarbiel ġdid.
Dawn in-nies għandhom karattru differenti ħafna u diffiċli jilħqu xi tip ta’ qbil bejniethom. Wited tfisser labra tal-injam.
Wiri b’ieħor agħar miż-żorja.
Li turi wiċċ b’ieħor hija ħafna agħar milli tipprova tagħti t-tort lil ħaddieħor. Żorja tfisser twaħħal f’xi ħadd.
Xebba fit-tieqa ma turikx għamieqha.
Tfajla li tipprova timpressjona għandha ħafna difetti oħrajn moħbija. Għamieqha tfisser tulha.
Xi wħud jaraw tibna f’għajnejn ħaddieħor u ma jarawx travu f’għajnejhom.
Jekk se toqgħod issib id‑difetti f’ħaddieħor, tinsiex li inti għandek id‑difetti wkoll, saħansitra ikbar minn tagħhom.
Xufftejn li jpespsu mat-triq ibża’ u erġa’ ibża’ minnhom għax jafu jaħdmulek irqiq.
Attent minn min jiġi joqgħod iqasqas miegħek fuq dak u fuq l-ieħor peress li jkollu intenzjonijiet ħżiena f’moħħu. Jaħdimlek irqiq tfisser jidħollok fin fin.
Zopp di natura, aħmar għadsi u għawar faqsi, xejn għalihom issaqsi.
Dawk li għandhom karattru ħażin, bħat-tlieta deskritti, warrbilhom. Għawar tfisser werċ u faqsi tfisser xagħru aħmar. Dari dawk xagħarhom aħmar kienu jitieqsu ġellieda u kollhom vizzji.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.