Min jieħu lil ommna jsir għammna.

Napprezzaw lil dak ir-raġel li jiżżewweġ (= jieħu) lil ommna armla u jsir missierna tar-rispett (= għammna), għax jgħinna fil-flus. Dari n-nisa romol kienu jbatu ħafna meta jormlu.

Is-slejjef jisiltu s-swejjef.

Fil-familji jaf jinħoloq ġlied kbir. Slejjef huwa l-plural ta' silf, jiġifieri r-raġel t'oħt il-mara. Swejjef huwa l-plural ta' sejf.

Il-qmis eqreb miċ-ċeppun.

Għandek tgħin lil qrabatek qabel ma tgħin lill-barranin. Ċeppun tip ta' sidrija, li tintlibes fuq il-qmis.

Il-qamar mimli imma le jsellimli.

Meta l-mara ma tarax demm mestruwali, dan huwa sinjal li rnexxielha tinqabad tqila. Il-qamar mimli jirreferi għall-fatt li jkun għadda xahar.

Il-qabla tgħajjat u l-muluda siekta.

Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tibqa' siekta u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tgħajjat.

Il-muluda stabret u l-qabla ħterqet.

Kollox ta' taħt fuq, bħall-omm li qed tiled (= il-muluda) li minflok tgħajjat bl-uġigħ tikkalma u l-qabla (= il-majjistra) li minflok iżżomm il-kalma taqbad tistressja (= ħterqet).

Il-labra fiha l-ġabra.

Dari min kien jaf iħit kellu xorti, għax kien ilibbes il-familja mingħajr ma jonfoq ħafna flus.

Id-demm qatt ma jsir semm.

Minkejja li ma' tal-familja mhux dejjem immorru tajjeb, xorta naqbżu għalihom ma' ħaddieħor. Semm huwa velenu.

Li kont ħabbejtni, kieku mill-bajda raddajtni.

Jeħtieġ li t-tfal tikkoreġihom minn ċkunithom. F’dan il-qawl, il-ħalliel adult qed iċanfar lil wieħed mill-ġenituri tiegħu talli m’għamilx dan. Raddajtni tfisser begħidtni.

Pin It on Pinterest