M'hemmx aħjar mill-kenn ta' darek, fejn la tara u lanqas tisma'.
Kategorija: id-dar
Min joqgħod id-dar la jara u la jieħu aħbar.
M'hemmx aħjar mill-kenn ta' darek, fejn la tara u lanqas tisma'.
Min jiftaħ biebu, jitlef lil uliedu.
Meta wliedek jibdew joħorġu mid-dar titlifhom, għax jibdew jagħmluha ma' kumpanija ħażina.
Min jieħu lil ommna jsir għammna.
Napprezzaw lil dak ir-raġel li jiżżewweġ (= jieħu) lil ommna armla u jsir missierna tar-rispett (= għammna), għax jgħinna fil-flus. Dari n-nisa romol kienu jbatu ħafna meta jormlu.
Min jibża’ mill-kera jmut fl-għera.
Min ma jonfoqx flus fil-kera jew fil-bini ma jkollu mkien sura fejn joqgħod.
Min jagħti ġidu f’ħajtu jaqla’ bil-mazza ta’ Kalabrajtu.
Min f'ħajtu jagħti ġidu kollu lil uliedu għandu jkun lest għal diżappunti kbar, għax uliedu jkunu ħadu li riedu u jinsewh.
Min jagħmel daru fi xjuħitu jħalli lħitu.
Meta jiżżewweġ kbir ikollu iżjed problemi fiż-żwieġ, probabbilment għax ikollu iżjed esperjenza tal-ħajja.
Minħabba l-vava tithejjem il-mamma.
Ir-rikonoxximent ta' xi ħaġa ħadu ħaddieħor flok min kien ħaqqu.
Min għandu l-ulied għandu l-hena bil-wied.
Min ikollu t-tfal ikollu ħafna ferħ.
Min għandu l-ulied għandu l-hemm bil-wied.
Min ikollu t-tfal ikollu ħafna inkwiet.
Midd friexek u orqom darek, mhux jiġi jżurek minn qatt ma żarek.
Qis li jkollok l-ordni f'darek u żżommha nadifa, biex min jiġi jżurek għal għarrieda ma jitkażax bik.
Mhux fejn kull dwejra ssib siġra tal-ħummejra.
Mhux kull familja għandha l-paċi u l-hena. Ħummejra hija petunja (Petunia axillaris).
Mhux billi twaħħal l-ixkaffa, trid tqiegħed il-ħobż fuqha wkoll.
Għall-għamara u t-tiżjin fid-dar ukoll irid ikollok il-flus.
Meta titwieled tifla, l-ixkupa tieħu qatgħa.
Fl-antik it-tfajliet u n-nisa kienu ddestinati għal ħajja ta' xogħol tad-dar.
Meta l-qalziet tal-missier jiġi lill-iben, il-missier jista’ jmur jindifen.
Meta jikbru t-tfal, il-ġenituri ma jibqgħux ikollhom awtorità fuqhom.
Meta l-missier jagħmel Karnival, l-ulied jagħmlu r-Randan.
Meta l-missier ma jkunx bil-għaqal fil-flus, tbati l-familja kollha.
Meta l-mara tiżżewweġ tidħol f’darha u l-mewt biss taqlagħha minn hemm.
Dari n-nisa li kienu jiżżewġu kienu jibqgħu d-dar u l-mewt biss teħlishom minn dik il-ħajja.
Ma’ min qiegħed tgħix, la tgħabbihx.
Tqarraqx b'dawk li tkun tgħix magħhom.
Ma jistrieħx il-bniedem ħlief f’daru.
Kulħadd ifittex il-kumdità ta' daru biex jistrieħ.
Loqma għalenija tiswa mija.
L-għaqda u l-paċi fid-dar huma ta' preġju kbir. Għalenija tfisser flimkien, magħqudin.
La titlef ir-raġel ikollok tbakkar u tagħġen.
In-nisa romol kienu jbati ħafna fl-antik biex irabbu familja.
La mara u lanqas tfal, u la kera u lanqas dar.
Raġel li ma jiżżewwiġx ma jkollux inkwiet.
Kull għasfur għandu l-bejta tiegħu.
Kulħadd ifittex lil daru u jaraha sabiħa.
Kull dar fiha l-imrar.
F'kull familja ssib il-problemi.
Kulħadd daru jfittex.
Il-paċi u l-kumdità ta' darek ma ssibhom imkien ieħor.
Kelli wieħed, kelli tnejn, bla tbatija ma ġibt xejn.
It-trobbija tat-tfal dejjem diffiċli, ikollok kemm ikollok.
Kafè fin-nar wisa’ lill-far.
Dari kienu jemmnu li l-kafè kien iġib il-fell (ir-risq ħażin) fid-dar, bħall-far.
Jitħaxxen il-ħajt, tidjieq l-għorfa.
Ħaġa tmur tajjeb u l-oħra ħażin.
Jien insib it-toqba u int iġġib il-wited.
Fid-dar dejjem għandu jkun hemm post (= it-toqba) fejn terfa' l-ħwejjeġ. Wited tfisser feles.
Jekk l-omm tkun żimlija, il-bint tkun imdorrija.
L-omm tinfluwenza ħafna lil bintha bl-eżempju li tagħti. Żimlija tfisser li tipprostitwixxi ruħha.
Jekk it-tfal tagħtihom il-lala, jitilgħu fuq rasek.
It-tfal jagħmlu li jridu bik jekk ma żżommilhomx ir-riedni.
Jekk il-qamar tħuf, issaħħan il-ġuf.
Dari kienu jemmnu li jekk mara timxi fid-dawl tal-qamar issir iżjed fertili.
Iż-żgħir kulma jagħmel jintgħoġob.
L-iżgħar membru tal-familja dejjem jiggustawh u jfissduh.
Iż-żgħar ħobż u xuwa, il-kbar ħobż u duwa.
Meta jkollok it-tfal, ikollok isseffaq wiċċek mal-problemi tagħhom ħajtek kollha. Xuwa hija xi ħaġa pjaċevoli u duwa hija mediċina.
Iż-żaqq bil-ħobż timtela.
Il-familja titmagħha bil-ħobż u l-ikel tajjeb, għalhekk jeħtieġ li tkun bil-għaqal u ma tberbaqx flusek.
It-twissija tal-omm tibqa’ tinfirex bil-fomm.
Il-pariri tal-ġenituri jibqgħu jgħoddu bejn il-ġenerazzjonijiet, għax ħadd ma jixtiqilna ġid daqshom.
Is-slejjef jisiltu s-swejjef.
Fil-familji jaf jinħoloq ġlied kbir. Slejjef huwa l-plural ta' silf, jiġifieri r-raġel t'oħt il-mara. Swejjef huwa l-plural ta' sejf.
Issemmi kemm issemmi dejjem ismek ittenni.
It-tfal tagħtihom ismijiet differenti iżda kollha kunjomok jieħdu.
Is-sawt ħareġ mill-ġenna u min iduqu jithenna.
Dari s-swat kien jitqies metodu ta' dixxiplina li jsaħħaħ il-karattru tat-tfal. Sawt huwa kastig.
Ir-rokon tad-dar ma jagħmlux għar.
Il-mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tħossha inqas minn ħaddieħor, għaliex xorta xogħol tagħmel. Għar tfisser diżunur.
Inbid ġewwa, irqad barra.
Meta tixrob u tisker, aħjar tiġi f'sensik qabel ma tmur lura d-dar.
In-nemla mara bieżla u n-naħla raġel għaqli.
Jekk il-mara tkun bieżla daqs nemla u r-raġel ikun għaqli daqs naħla, il-familja tkampa sew.
Imsejkna dik it-tajra li tfaqqas f’bejta ħażina.
Min jitwieled f'ambjent familjari ħażin ikollu xortih ħażina.
Il-qgħad id-dar ma fihx għar.
Mara tad-dar m'għandhiex għalfejn tistħi għax li tagħmel xorta xogħol. Għar tfisser mistħija jew għajb.
Il-musrana barranija fiż-żaqq tidħol milwija.
Ta' ġewwa juruk iżjed rispett mill-barranin.
Il-labra fiha l-ġabra.
Dari min kien jaf iħit kellu xorti, għax kien ilibbes il-familja mingħajr ma jonfoq ħafna flus.
Il-kokka lil uliedha tara l-isbaħ.
Il-ġenituri dejjem jaraw lil uliedhom bħala aħjar u isbaħ minn ulied ħaddieħor.
Il-karità l-ewwel id-dar.
Għandek l-ewwel turi mħabba u rispett lil tal-familja, qabel turihom lill-barranin.
Il-ħwejjeġ maħmuġin jinħaslu d-dar.
Il-ħażin li jiġri d-dar tmurx tgħidu lil ħaddieħor.
Il-ħela u x-xorb ifaqqru d-dar.
Min jaħli u jonfoq il-flus fix-xorb ikun qiegħed ipoġġi l-familja f'qagħda skomda.
Il-ħajja tal-bnejta bħal mindil fil-bejta.
Dari t-tfajliet kienu ddestinati li jbatu bix-xogħol tad-dar. Bnejta tfisser tfajla u mindil tfisser sarvetta.
Il-ġewwieni jaħlik u l-barrani jisbik.
Il-barranin jeħdulek saħħtek imma tal-familja jeħduhielek ħafna iżjed għax tħossok obbligat. Jisbik tfisser iġibek skjav.
Il-bint għandha tiskot, toqgħod fir-rokon, tilbes il-għoqod u tiekol il-loqom.
Dari n-nisa kienu ddestinati għax-xogħol tad-dar u għal ħajja li ftit li xejn kienet ta' sodisfazzjon.
Il-barrani jixwik u jieklok, ta’ ġewwa jixwik u ma jiklokx.
Tal-familja ma jaslux jagħmlulek il-ħsara li jaslu jagħmlulek il-barranin.
Il-barrani jaħlik imma l-ġewwieni jisbik.
Il-barranin jeħdulek saħħtek imma tal-familja jeħduhielek ħafna iżjed għax tħossok obbligat. Jisbik tfisser iġibek skjav.
Iftaħ biebek u ftaħar jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tiftaħar ara li jkollok biex, għax taqa' għaċ-ċajt.
Ifrex soddtok u orqom darek, għax jiġi jżurek min qatt ma żarek.
Tajjeb li dejjem ikollok l-indafa fid-dar, forsi jiġi xi ħadd mhux mistenni li jkollok tilqgħu.
Id-dar żgħira u l-qalb kbira.
Min m'għandux ħafna flus ikun umli u jkollu qalbu tajba.
Id-dar taħbi l-għawar.
Il-ħażin li jiġri d-dar tmurx tgħidu lil ħaddieħor. Għawar tfisser difetti.
Id-dar il-kbira aħjar mill-għalqa kbira.
Il-valur ta' dar ogħla mill-valur ta' għalqa.
Id-dar bħall-knisja, dejjem jonqosha.
Biex jinżammu fi stat tajjeb, id-djar u l-knejjes jeħtieġu ħafna flus.
Ħwejjeġ maħmuġin taħsilhomx barra.
Il-ħażin li jiġri d-dar tmurx tgħidu lil ħaddieħor.
Ħu xi ħaġa fl-ewwel żjara li ġejt, biex ma jidħollix il-far.
Superstizzjoni: dari kienu jemmnu li meta tistieden lil xi ħadd għall-ewwel darba f'darek, jeħtieġ toffrilu l-ikel u dan għandu jaċċettah għax jekk le, jidħol spirtu ħażin f'għamla ta' far fid-dar u jġib il-fell (risq ħażin).
Ħaġa li ma tixraqx tagħmilhiex u kelma li tisma’ d-dar la ttennihiex.
Ġib ruħek tajjeb u qis kliemek, tikxifx dak li jingħad id-dar.
Ħadd ma joqgħod ma’ ħadd.
Kulħadd daru jfittex.
Ħadd ma jara isbaħ minn uliedu.
Il-ġenituri dejjem jaħsbu li wliedhom huma aħjar minn ta' ħaddieħor.
Għal ħafna subien lesti l-bsaten u t-tmien, għal ħafna bniet lesti ċ-ċraret u l-biċċiet.
Dari s-subien biss kellhom opportunità għal karriera, il-bniet kienu jagħmlu biss ix-xogħol tad-dar. Tmien huma kpiepel.
Ġaħan beda minn qrabatu.
L-ewwel tagħlim dwar x'inhu tajjeb u ħażin mid-dar tieħdu.
Fuq il-binnija jidden is-serduq.
Il-kumdità u s-serħan ta' darek ma ssibhom imkien iżjed. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
Fortuna fit-treġija tad-dar, l-aħjar fortuna.
Min isib lil xi ħadd li kapaċi jmexxi d-dar, ikun xortih tajba ħafna.
Fil-ħarifa l-mara timla l-qaleb bil-ġbejna u tħawwad il-brejma bin-nejna.
Il-mara tad-dar għandha ħafna xogħol kemm fid-dar kif ukoll fit-trobbija tat-tfal. Il-brejma tirreferi għal skutella u n-nejna hija kelma tat-tfal għal ikel.
Id-dar kollox jixtamba, sal-irmied tal-kenur.
M'għandekx tarmi bl-addoċċ għax forsi tiġi bżonnu fil-futur. Jixtamba tfisser li huwa bżonjuż.
Ferħan jew għajjien, tmur id-dar biex tħossok hieni.
L-ebda post mhu sabiħ daqs il-ġabra ta' darek.
F’daru kulħadd sultan.
F'darek għandek id-dritt tkun komdu bla ndħil.
F’daru kulħadd jagħmel li jrid.
F'darek għandek id-dritt tkun komdu bla ndħil.
F’dar in-nies la tiftaħ bieb u la taqra ktieb.
F'dar ħaddieħor ma tistax taqbad u tagħmel li trid.
F’dar il-għażżien kollox jibki.
Min hu għażżien ikollu l-ħmieġ u d-diżorganizzazzjoni f'daru.
Dari dari u darek darek; mieli mieli u mielek mielek.
Kulħadd jieħu ħsieb dak li hu tiegħu u għandu jagħmel l-istess b'ta' ħaddieħor.
Dar żgħira, qalb kbira.
Kemm hi kbira qalbek iżjed importanti minn hi kbira darek.
Dar ta’ ksir il-għonq tħarisx lejha.
Tiżżewwiġx lil min għandu l-inkwiet fil-familja.
Dar il-għażżien tistgħalla l-brimba.
Min hu għażżien u ma jnaddafx ikollu l-ħmieġ fid-dar. Tistgħalla jiġifieri tgawdi.
Dar ħdejn il-baħar trid għaxra r-raħal.
Dar ħdejn il-baħar fiha iżda preġju minn dar li ma tkunx.
Dar ġdida ikriha lill-għadu tiegħek.
Trid ħafna flus biex timla dar ġdida.
Dar b’żewġ nisa maħmuġa.
Id-dar titmexxa minn mara waħda.
Dar bla raġel niexfa bħat-taġen.
Dar mingħajr ir-raġel mhix kompluta.
Dar bla mara ma fihiex x’tara.
Il-mara żżomm id-dar fuq saqajha.
Borom żgħar għandhom widnejn kbar.
Dak kollu li t-tfal jisimgħu jmorru jgħiduh.
Bħal min tisilfu, min iżżiegħel bih titilfu.
Meta żżiegħel wisq bit-tfal titlifhom, bħal meta tislef oġġett.
Bejta li tgħajjex fiha dellilha u sewwiha.
Dejjem għandek tieħu ħsieb darek.
