Min ma jistħix u jagħmel wiċċu jieħu li jrid.
Kategorija: is-sens komun
Min għandu l-qamħ m’għandux xkejjer u min għandu l-ixkejjer m’għandux qamħ.
Fid-dinja dejjem jonqsok xi ħaġa.
Min bdielu xejn ma swielu.
Min qagħad joqgħod jittratieni m’għamel xejn.
Mietet b’uliedha u lanqas ma ħalliet ġliedha.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int. Ġliedha tfisser il-ġilda tagħha.
Midd riġlejk skont friexek.
Qis li tkun tiflaħ tħallas għal xi ħaġa qabel ma tintriga biha.
Mhux kulma jleqq du deheb.
L-apparenza tqarraq bik.
Mhux kull min jiġri jiġi l-ewwel.
Bħal f’xi kompetizzjoni, fil-ħajja tista’ tipprova iżda mhux dejjem tirnexxi.
Mhux kull min iġerri jieħu l-ewwel.
Bħal f’xi kompetizzjoni, fil-ħajja tista’ tipprova iżda mhux dejjem tirnexxi.
Mhux il-libsa li tagħmel ir-raħeb.
L-apparenza tqarraq bik. Raħeb tfisser patri jew eremita.
Meta tuża l-ħajta, qis li tkun tidħol f’ras il-labra.
Ara li tkun tiflaħ għall-ispiża li tkun dieħel fiha; b’mod ġenerali, ara li dak li tkun ser tagħmel tassew kapaċi għalih.
Meta tkun fix-xalata jeħtieġ tiżfen.
Jeħtieġ li tadatta għal kull ċirkostanza fil-ħajja.
Meta titla’ x-xemx jgħibu l-kwiekeb.
Fil-ħajja jeħtieġ li tiffoka fuq dak li huwa tassew importanti; ix-xemx iġġib fix-xejn il-kwiekeb.
Meta tiġik ħudha.
Ħu l-opportunità li ġietek, qabel ikun tard wisq.
Meta tagħti lili u nagħti lilek, la taħraq nar u lanqas seffud.
Meta nagħtu rigal lil xulxin, niġu qisna ma tajna xejn. Seffud huwa virga tal-metall li tintuża fit-tisjir il-forn jew fuq in-nar.
Meta s-sultan iħoss il-far, jiftaħ in-nar.
Kulħadd jiddefendi lilu nnifsu meta jħossu attakkat. Il-far tfisser l-għadu.
Meta r-ras iż-żgħira tkun fil-glorja, ir-ras il-kbira titlef il-memorja.
Il-ġibda sesswali fil-bniedem tant hi qawwija li ma jibqax jirraġuna meta tiġi l-okkażjoni li jkollu x’jaqsam. Ir-ras iż-żgħira tirreferi għall-parti sesswali tar-raġel.
Meta l-ħsieb ikun f’rasek ma jkunx f’saqajk.
Meta tkun mitluf fil-ħsibijiet ma tkunx kapaċi tagħmel affarijiet oħra.
Meta jtir l-għasfur, imbagħad kollox għalxejn.
Ħu l-opportunità li ġietek, qabel ikun tard wisq.
Meta jmissek likkem.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik. Likkem jiġifieri iġbed.
Meta jaqbel qabbel.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik biex tmur minn fuq.
Mal-ħaġra t-tajn.
Taħlix ħin u eħles dak kollu li tista’ teħles f’daqqa.
Ma tistax toħroġ id-demm mill-blat.
Dak li mhux possibbli taħsibx fih.
Ma tagħmilx li trid, tagħmel li tista’.
Agħmel l-almu tiegħek imbagħad jiġri li jrid.
M’hemmx għama aktar minn dak li ma jridx jara, u trux aktar minn dak li ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma’ jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
Ma beżax għal tiegħu, aħseb u ara kemm jibża’ għal tal-oħrajn.
Min mhux kapaċi jibża’ għall-affarijiet tiegħu, ma jibżax għall-affarijiet tal-oħrajn.
Li ma joqtolx isemmen.
Kollox sew sakemm dak li tiekol ma jagħmillekx ħsara.
L-iltim m’għandux bżonn min jgħallmu jibki.
Lil min bata iżjed minnek fil-ħajja tippretendix li ser tgħallmu x’inhi t-tbatija. Iltim jiġifieri orfni.
Lil min tisilfu titilfu, lil min tagħtih iddarrih.
Meta tislef jew tagħti xi ħaġa lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhielek lura.
Lil min jiġbidlek likkimlu.
Aħtaf kull okkażjoni tajba li tiġik. Likkimlu jiġifieri iġbidlu.
L-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa.
Ix-xogħol u l-istudju jiġu qabel kull divertiment. Il-pappa tirreferi għall-ikel fuq il-mejda u l-umpappa tirreferi għad-daqqa li niżfnu u niddevertu magħha.
La tpoġġix il-karettun qabel iż-żiemel.
L-affarijiet agħmilhom bil-galbu waħda wara l-oħra, b’mod ordnat.
La toqgħodx fuq l-għatba u lanqas fuq is-senduq għax minn hemm bla ħsieb iqajmuk.
Jeħtieġ tibża’ għall-affarijiet ta’ ħaddieħor ukoll.
La tkun fiż-żifna jkollok tiżfen.
Jeħtieġ li tadatta għal kull ċirkostanza fil-ħajja.
La tixtrix ħut fil-baħar.
Tħallasx flus qabel ma tara l-oġġett f’idejk.
La tħallix is-sħiħ għar-riħ.
Toqgħodx moħħok fl-irqaqat għax tispiċċa tinsa l-essenzjali.
La tħallix il-qattus għassa mal-ħut.
Tafdax lil min taf li ma tistax toqgħod fuqu.
La tidħolx bejn il-basla u qoxritha għax tibqa’ b’riħitha.
Tindaħalx fejn ma jesgħekx għax inti tmur minn taħt.
La tiddinx qabel ma tarah jisbaħ.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.
La tgħoddx qabel ma jkun fl-ixkora.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.
La tgħoddx il-flieles qabel ifaqqsu.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.
La tgħidx x’jisimha qabel ma tgħammidha.
Biċċa xogħol qis li tlestiha qabel tmur tiftaħar biha.
La tgħidx kulma taħseb u la turix kulma taf.
Tippruvax turi kemm inti għaref għax malajr toħroġ ta’ prużuntuż jew iqabbduk tagħmel xi biċċa xogħol li ma kontx qed tistenna.
La tgħid qatt minn dan l-ilma ma nixrobx.
Titkaża b’ħadd għax għada tkun int li tagħmel dak li qed titkaża bih illum. Bl-istess mod, tiksirha minn ma’ ħadd għax ma tafx min għad tiġi bżonn.
La l-għoqda tasal fil-moxt, jew tinqata’ l-ħajta jew tinkiser is-sinna.
Kull biċċa inkwiet teskala sat-tali punt li l-affarijiet ikollhom jew imorru f’ċerta direzzjoni jew f’oħra.
La kull hemm jhemm u la kull semm isemm.
Il-problemi fil-ħajja huma sors ta’ tagħlim. Hemm tfisser ħsara u jhemm huwa verb li jfisser tagħmel ħsara. Semm tfisser velenu u jsemm huwa verb li jfisser tivvelena. Mela mhux kull ħsara tagħmel ħsara u mhux kull velenu jivvelena.
L-akbar trux min ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma’ jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
L-aħjar triq tan-nofs.
M’hemmx isbaħ mill-moderazzjoni.
L-aħjar toqtol żewġ għasafar bi skartoċċ wieħed.
Aħjar teħles żewġ affarijiet f’daqqa kif tkun fiż-żifna.
La ħablet jeħtiġilha tiled.
Kulma tagħmel għandu l-konsegwenzi tiegħu.
Kulma tagħti n-natura ma jistax jitreġġa’ lura.
In-natura tiddetta kollox hi minn kull aspett – kemm ikollna enerġija u saħħa, inkunux f’saħħitna jew morda, il-kulur tal-għajnejn u x-xagħar, eċċ.
Kull żmien żmienu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Kull waqt waqtu.
Jeħtieġ li tadatta għal kull sitwazzjoni u ċirkostanza.
Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha.
Għal kollox hemm is-soluzzjoni adatta. Soddieda hija tapp; oġġett li jsodd.
Kull reħma għajnuna.
Anke l-iżgħar affarijiet jgħinu biex jimxi x-xogħol jew issir xi ħaġa ikbar. Reħma tfisser mogħdrija.
Kull regola għandha l-eċċezzjoni tagħha.
Qatt ma hemm xejn assolut.
Kull qoffa ssib il-miżbla tagħha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Kull qoffa għandha miżblitha.
Kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Kull laqxa tirfed l-imramma.
Anke l-iżgħar affarijiet jgħinu biex jimxi x-xogħol jew issir xi ħaġa ikbar. L-imramma tfisser ħajt wiesa’.
Kull ilma jaqta’ l-għatx.
F’sitwazzjoni fejn m’għandekx għażla, kollox jgħin.
Kull ħin hu ħinu.
Kollox għandu jsir fil-mument opportun.
Kull ħaġa għandha l-ħtieġa tagħha.
Kollox għandu l-użu tiegħu fil-mument it-tajjeb.
Kull ħaġa f’waqtha.
Kollox għandu jsir fil-mument opportun.
Kull barrani jibża’ minn ta’ qattagħni.
Meta ma nkunux f’post jew sitwazzjoni li mdorrijin fiha, nibżgħu u noqogħdu iżjed attenti.
Kulħadd iridha dik iċ-ċajta kultant.
Ċajta ta’ kultant tagħmillek il-ġid.
Kulħadd iridha dik il-ħlieqa kultant.
Ċajta ta’ kultant tagħmillek il-ġid.
Kulħadd irid il-ħniena u l-Ħniena fit-triq tar-Rabat.
Ħadd ma jħenn għalik fid-dinja. Il-Kappella tal-Ħniena tinsab fit-triq tar-Rabat, Għawdex.
Kulħadd għandu mnieħer biex ixomm.
Ħadd mhu iblah, kulħadd jaf x’għandu jagħmel.
Kulħadd bniedem.
Kulħadd tad-demm u l-laħam u kapaċi jagħmel żball.
Kollox jiġi f’waqtu.
Hemm il-ħin u l-mument it-tajjeb għal kollox.
Kollox duħħan fuq din l-art.
Kollox jasal fi tmiemu fid-dinja.
Kieku waqa’ u kiser siequ.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod taħseb fuq dak li seta’ kien.
Kieku u kien qatt ma nstabu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta’ kien.
Kieku u kien qatt ma ltaqgħu flimkien.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta fuq dak li seta’ kien.
Kelb rieqed la tqajmux.
Tagħmilx dak li taf li ser joħloq ħafna problemi.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta’ ħaddieħor.
Jew tkanta jew terfa’ s-salib.
Ma tistax tleħħaq ma’ kollox f’salt.
Jew tiekol jew issaffar.
Ma tistax tleħħaq ma’ kollox f’salt.
Jew iddoqq jew tiżfen.
Ma tistax tleħħaq ma’ kollox f’salt.
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqta’ int.
Jekk biċċa xogħol diffiċli tridha ssir sew, agħmilha int u tqabbadx lil ħaddieħor.
Jekk trid il-ħut mur is-suq.
Meta tkun trid xi ħaġa, aqbad u mur għaliha.
Jekk trid il-ħaġa ssir mur int, u jekk ma tridx ibgħat.
Trid tieħu inizjattiva inti biex l-affarijiet isiru, inkella qabbad lil xi ħadd kapaċi.
Jekk trid il-ħaġa magħmula sewwa, agħmilha int.
Biex ħaġa ssir skont l-aspettattivi tiegħek, aqbad u agħmilha inti.
Jekk tiġbed wisq tinqata’ l-ħajta.
Tesaġerax u tabbużax għax ikollok tbati l-konsegwenzi.
Jekk mill-ħġieġ magħmula darek, titfax ħaġar lil ta’ ġarek.
Tgħajjarx lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu, għax inti wkoll għandek id-difetti tiegħek.
Jekk ma titlobx ma taqlax.
Toqgħodx lura milli titlob dak li teħtieġ.
Jekk ma tafx saqsi.
Titgħallem billi tistaqsi u tieħu interess.
Jekk ma tafx ħrafet pajjiżek, ħrafet min taf? Ħrafet qaddisek?
Il-Maltin għandhom ikunu jafu l-istorja ta’ Malta (= ħrafet pajjiżhom).
Jekk jaqbel qabbillu.
Uża moħħok biex dejjem tasal għad-deċiżjoni t-tajba.
Jekk int mgħaġġel mur mal-vapur.
Ħu paċenzja u stenna wara min imissek fil-kju, inkella itlaq.
Iż-żejjed kollu żejjed.
Uża l-moderazzjoni f’dak kollu li tagħmel.
Iż-żejjed imbidded.
Uża l-moderazzjoni f’dak kollu li tagħmel. Imbidded tfisser imxerred.
Iż-żejjed ħu n-nieqes.
Uża l-moderazzjoni f’dak kollu li tagħmel.
Iżra’ tajjeb u fil-waqt biex ma jibdielek qatt.
Agħmel kollox fil-ħin jew fiż-żmien opportun biex qatt ma jiddispjaċik, bħalma tiżra’ skont l-istaġuni.
Ix-xejn xejn.
Fid-dinja ħu pjaċir ukoll bl-affarijiet żgħar u tajbin li jiġrulek.
Ixxammarx kmiemek qabel ma jasal żmienek.
Tiftaħarx qabel ma jkollok tassew biex.
It-triq tal-ħmar twasslek id-dar.
Min jagħmel bħal ħaddieħor ftit li xejn jiżgarra.
It-Tork jgħid min iġarrab jagħraf, aħseb u ara xi jgħid in-Nisrani.
It-tiġrib tal-ħajja huwa l-akbar sors ta’ tagħlim.
It-tiġrija sal-barkun biex tintrebaħ.
M’għandek qatt tagħmilha fatta li rbaħt jew li xi ħaġa saret tiegħek, stenna sal-aħħar biex tevita d-diżappunt.
It-tħollija ta’ xi ħaġa mil-lum għall-għada ma tasal qatt.
Il-prokrastinazzjoni ma twasslek imkien – aqbad u agħmel li għandek tagħmel.
Is-siġra ma tagħmilx frott barra minn żmienha.
Fid-dinja kollox f’ħinu u f’waqtu, bħaċ-ċiklu tan-natura.
Is-self wisq drabi jinbidel f’telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Is-self ħu t-telf.
Meta tislef oġġett jew il-flus lil xi ħadd, tistenniex li se jroddhomlok lura malajr jew fl-istess stat tajjeb li tkun slifthulhom int.
Is-self joħroġ jidħaq u jidħol jibki.
L-affarijiet tiegħek tieħu ħsiebhom, iżda meta tislifhom lil ħaddieħor kun af li mhux ser jieħu ħsiebhom bl-istess mod.
Ir-ross jittiekel biċ-ċappa mhux bil-labra.
Uża moħħok u tħallix min jidħaq bik.
Il-logħob tal-idejn ibikki l-għajnejn.
Il-logħob tal-idejn iwassal għall-biki, la jweġġa’ xi ħadd.
Ir-raġġ tal-idejn ibikki l-għajnejn.
Il-logħob tal-idejn iwassal għall-biki, la jweġġa’ xi ħadd.
Trid tgħallem ’l ommok tbennen.
Ma tistax tgħallem lil min għandu iżjed esperjenza minnek f’xi ħaġa.
Imżaqq tajjeb isemmen.
L-ikel (= imżaqq) tajjeb iħaxxen.
Il-wiċċ li jindara bil-ħara jinxtara.
Il-kunfidenza żejda ġġib nuqqas ta’ rispett.
Il-wiċċ li jindara biċ-ċajt jinxtara.
Il-kunfidenza żejda ġġib nuqqas ta’ rispett.
Il-qadim żomm miegħu.
Il-qadim irnexxielu jegħleb l-isfidi matul iż-żmien u allura ta’ min joqgħod fuqu.
Il-paċenzja ma jbigħux minnha l-ispiżjara.
Il-paċenzja trid tara minn fejn se ġġibha inti, għax mhu ser jagħtihielek ħadd.
Il-munxar għana u l-qaduma ħala.
Kun effiċjenti, bħas-serrieq (= munxar) li huwa iżjed effiċjenti mill-mannara (= qaduma).
Il-magħmul tqisu tista’ imma le ssewwih.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta għax ma tistax treġġa’ kollox lura.
Il-lest lest.
Li tkun lestejt m’għandekx iżjed ħsiebu.
Il-lejl għandu wliedu suwed.
Isiru ħafna affarijiet ħżiena billejl, mela oqgħod attent(a).
Il-lejl għal-lpup.
Toħroġx tiġri barra billejl, evita l-periklu. Lpup huwa l-plural ta’ lupu.
Il-kruha hi wisq agħar mill-bluha.
Aħjar tkun iblah milli ikrah, tal-inqas il-bluha ma tidhirx.
Il-ħolm la fih x’torbot u lanqas xi tħoll.
Il-ħolm waħdu ma jwasslek imkien.
Il-ħobż minn ħalqi nieklu.
M’iniex injorant daqs kemm qed taħsibni, naf x’għandi nagħmel.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Il-ħbar hi li l-għasfur tar u l-għoxx baqa’ battal.
Jekk ma taħtafx l-opportunità, wara jkun tard wisq. Ħbar tfisser aħbar u għoxx tfisser bejta tal-għasafar.
Il-ħaġa tkun taf kemm tiswa meta tiġi bżonnha.
Taqbadx u teħles minn xi ħaġa, għax għad jasal il-mument li tiġi bżonnha.
Il-ħaġa f’waqtha tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Il-ħafi għama.
Min ma jiħux il-prekawzjonijiet neċessarji jkollu jbati l-konsegwenzi, bħal min joħroġ ħafi barra.
L-għaqal isbaħ mill-ġmiel.
Aħjar tkun għaqli(ja) milli tkun sabiħ(a).
L-għajn trid sehemha.
Importanti li tattira l-attenzjoni tan-nies fuq xi ħaġa billi tagħmilha attraenti.
Il-ġuħ iġiegħlek tiekol kollox.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.
Il-ġifa qatt ma wera għaqal.
Min jibża’ m’għandux għaqal.
Il-ġdid dejjem sabiħ.
L-affarijiet il-ġodda dejjem iżjed attraenti.
Il-fuħħara li ġġelġel hija mxiegħra.
Trid taċċetta li tagħmel x’tagħmel ser issir il-ħsara. Fuħħara tfisser reċipjent tal-fuħħar u mxiegħra tfisser li tkun ixxaqqet.
Il-ftit tajjeb u jgħallem bħall-wisq.
Jekk il-ftit li tieħu jkun tajjeb, mela xorta tkun moqdi.
Il-ftit ma jxebbax.
Bħal meta tiekol ftit u ma tixbax, hekk ukoll ċerti affarijiet jitolbu iżjed minn ftit sforz biex jirnexxu.
Il-ftira sħuna tajba.
Agħmel li għandek tagħmel mill-ewwel u taħlix żmien.
Il-fartas ma jislifx xagħar.
Dak li m’għandix ma nistax nagħtihulek.
Il-bżonn iħarrek ir-riġlejn.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.
Il-bżonn iġiegħlek tagħmel kollox.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa ma taħsibhiex darbtejn, taqbad u tagħmilha.
Il-borma tal-ġar tfuħ aktar minn tad-dar.
L-affarijiet ta’ ħaddieħor dejjem se jidhru aħjar minn tiegħek.
Il-borma min iħawwarha jaf x’fiha.
Min ikun għamel xi ħaġa hu stess ikun jaf eżatt x’sar u x’ma sarx.
Il-beċċun jolqot il-ħabba.
Kulħadd jaf xi jrid, u jagħmel minn kollox biex jiksbu. Il-ħabba hija biċċa ikel.
Iftaħ biebek u ftaħar jew agħlqu u nsatar.
Jekk se tiftaħar ara li jkollok biex, għax taqa’ għaċ-ċajt.
Id-dinja ma saritx f’daqqa.
Biex l-affarijiet isiru sew, iridu jsiru bil-mod u bil-paċenzja. Xejn ma jsir f’daqqa.
Ħalli tmur id-dgħajsa, ladarba hu riħha.
Ħu l-opportunità li ġietek.
Ħajri ma nagħtihx lil għajri.
M’iniex ser nissagrifika l-kuntentizza tiegħi għal ħaddieħor.
Ħaġa li ma jaqbilx tagħmilha jaqbel tħalliha.
Agħraf liema opportunitajiet jaqbillek tieħu u l-bqija ħallihom għaddejjin.
Għasfur f’idejk aħjar minn mija fl-ajru.
Aħjar ikollok xi ħaġa fiċ-ċert minn ħafna affarijiet bla garanzija li xi darba se jkunu tiegħek.
Għall-pariri kulħadd raġel.
Kulħadd jaf jagħti parir għax faċli ħafna, kelma tmur fin-nofs.
Għall-magħmul m’hemmx kunsill.
Issa li sar sar, għalxejn toqgħod tinkwieta.
Għal min mhux mistieden m’hemmx siġġu għalih.
Min ma jridekx mhux se jilqgħek.
Għaddi dejjem mnejn jgħaddi l-ħmar u ma jibdilekx.
Jekk tagħmel bħal ħaddieħor ma tiżbaljax.
Ftit laħam isebbaħ qattus.
L-irquqija żejda mhix tajba għas-saħħa lanqas.
Ftira mimlija bl-għaġla iġri kulha, inkella tiqras.
Jekk għamilt xi żball għax ma qgħadtx attent, sewwih mill-ewwel qabel ikun tard wisq.
Ftakar fl-imgħoddi u aħseb f’li ġej.
Tgħallem mill-iżbalji li għamilt fil-passat biex ma terġax tagħmilhom fil-futur.
Friex, żibel u ġieħ fittex wittih.
Tħallix lil min jipprova jħammiġlek ismek.
Fittex li tboss mingħajr ma tagħmel ħoss.
Dak li għandek tagħmel agħmlu b’mod diskret.
Fil-borma fula niexfa u fit-taġen fula xierfa.
Ir-riżultat huwa determinat minn dak li tiddeċiedi li tagħmel inti.
Fid-dinja kollox jista’ jkun.
Ħadd mhu speċjali, jista’ jiġrilek kull ħaġa li tista’ tiġri lil ħaddieħor.
Id-dar kollox jixtamba, sal-irmied tal-kenur.
M’għandekx tarmi bl-addoċċ għax forsi tiġi bżonnu fil-futur. Jixtamba tfisser li huwa bżonjuż.
Fejn ma tafx tindaħalx.
Jekk ma tafx biżżejjed dwar is-suġġett jew is-sitwazzjoni mela tgħid xejn u tagħmel xejn.
Fejn il-kotra ma ssibx tarf.
Tagħmel x’tagħmel, ma tistax tintgħoġob ma’ kulħadd.
Fejn għajnejk, oħrajn għajrek.
Dak li trid inti wisq probabbli jridu ħaddieħor ukoll.
F’kull għemilek aħseb dejjem x’jiġri wara.
Żomm f’moħħok il-konsegwenzi ta’ azzjonitek qabel tagħmel xi ħaġa.
Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn.
Meta jkun hemm aktar minn persuna waħda tiċċekkja biċċa xogħol, hemm aktar ċans li jinqabdu l-iżbalji.
Dur, dur, dur madwar in-nassa, fl-aħħar il-ġurdien jidħol fl-ingassa.
Min jersaq wisq viċin tal-periklu xi darba se jweġġa’.
Drabi l-qalb taħber.
F’ċerti ċirkostanzi, faċli tobsor xi jkun se jiġri.
Dak li tiżra’ taħsad.
L-azzjonijiet tiegħek jiddeterminaw ir-riżultat.
Dak li jidħol fil-wiżna ma jidħolx fil-qantar.
L-affarijiet iż-żgħar ma jagħmlux differenza meta jitqiesu fil-kuntest tal-affarijiet il-kbar.
Dak li jagħmilhielek darba jagħmilhielek mitt darba.
Min diġà tak prova li ma tistax tafdah tkunx iblah u terġa’ tafdah.
Daħħal sejfek f’għantek għax billi tagħti tieħu.
Ittratta tajjeb lil ta’ madwarek biex jagħmlu l-istess lilek.
Dabbar rasek għax idabbruhielek.
Ara l-affarijiet tiegħek għax ħaddieħor tiegħu wkoll jara.
Ċawla bajda ma dehret qatt.
Dak li ma jista’ qatt iseħħ taħsibx fih.
Bużobba b’li kellu ddobba.
Tiddobba b’dak li jkollok, m’hemmx mod ieħor.
Bormot ġarek tfuħ aktar minn ta’ darek.
L-affarijiet ta’ ħaddieħor dejjem se jidhru aħjar minn tiegħek.
Bniedem mhux mistieden m’hemmx siġġu għalih.
Min ma jridekx mhux se jilqgħek.
Bniedem imġarrab jibża’ minn dellu.
Bniedem li jkun għadda minn esperjenza kerha joqgħod iżjed attent fil-futur.
Bniedem avżat nofsu armat.
La tkun taf b’xi ħaġa minn qabel, għandek kull opportunità biex tlesti ruħek.
Bnazzi fix-xitwa, trott ta’ bagħla u kappell ta’ miġnun, qatt iżżomm magħhom.
Il-bnazzi fix-xitwa, it-trott ta’ bagħla u n-nies imġienen qatt m’għandek tafdahom.
Bil-paċenzja u ż-żejt, iljunfant ħexa nemla.
Trid tieħu paċenzja biex l-affarijiet jitranġaw.
Bil-paċenzja nsewwu kollox.
Trid tieħu paċenzja biex l-affarijiet jitranġaw.
Bil-mod kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Bil-meħel kollox isir.
Bi ftit paċenzja kollox isir.
Billi tidħaq jew tinkwieta lanqas tixtri b’ħabba ftieta.
Għandek dejjem tuża s-sens komun fil-ħajja.
Biex tolqot ħu l-mira tajjeb.
Trid taħsibha sew qabel ma tgħid jew tagħmel xi ħaġa.
Biex tneħħi l-għanqbut, oqtol il-brimba.
Jekk trid li xi ħaġa tinbidel, ara x’qed joħloqha u eqirdu.
Biex titgħallem tgħum ma tridx tibża’ mill-ilma.
Min jibża’ mkien ma jasal.
Biex tagħmel l-arja jrid ikollok biex.
Irid ikollok raġuni tajba biex tiftaħar b’xi ħaġa.
Bejlek għajnek għax b’rasek idur.
Trid toqgħod attent biex ħadd ma jgħaddi ż-żmien bik.
Aringa filgħodu deheb, aringa f’nofsinhar fidda, aringa filgħaxija ram.
L-affarijiet għandek tgawdihom meta jkunu fl-aqwa tagħhom, qabel ma jkun tard wisq.
Ara xi qbadt u mhux x’sajjart.
L-affarijiet isiru sew skont xi tkun użajt biex tagħmilhom.
Aħjar għasfur f’idejk milli mija fl-ajru.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
Aħjar weġgħa minn demgħa.
Aħjar tonfoħ bid-dwejjaq milli tokrob bl-uġigħ.
Aħjar uff inkella aħħ.
Aħjar tonfoħ bid-dwejjaq milli tokrob bl-uġigħ.
Aħrab il-ħażin qabel iġġarrbu.
Evita li tgħaddi minn esperjenza ħażina.
Aħjini llum u oqtolni għada.
Apprezza dak li għandek illum għax għada ma tafx x’se jkollok.
Aħrab l-iff, il-puff u l-jaqq għax iġibu wġigħ ta’ żaqq.
Tbati inqas jekk titgħallem mill-iżbalji ta’ ħaddieħor.
Aħjar timxi għan-niżla milli għat-telgħa.
Aħjar teħles ħafif milli tikkumplika l-affarijiet.
Aħjar tgħawweġ milli tkisser.
Agħmel żball li jissewwa mhux wieħed li ma jissewwiex.
Aħjar ħarba minn karba.
Aħjar tevita l-periklu milli jkollok tbati l-konsegwenzi tiegħu wara.
Aħjar ftit minn xejn.
Aħjar tikkuntenta bi ftit.
Aħbar li ma taqbillekx, toqgħodx tismagħha.
M’hemmx għalfejn tkompli tisma’ aħbar ħażina.
Agħti fuq il-ħadida meta tkun mikwija.
Toqgħodx tistenna biex tagħmel xi ħaġa, aqbad u agħmilha.
Agħmel li tista’, imbagħad isir li jsir.
Agħmel ħiltek imbagħad jiġri li jrid.