Konz ta’ Settembru jgħabbi bil-gziez, konz ta’ Diċembru hu wisq bil-qies.Jinqabdu ħafna iżjed lampuki f’Settembru milli f’Diċembru.
Settembru Settembrina, jibdlilna s-sala mal-kantina.Dari kienu jinżlu fil-kantina biex jaħarbu mir-riħ isfel ta’ Settembru.
Ix-xahar tal-Vitorja l-ħalib itir fl-arja.Dari l-prezz tal-ħalib kien jiżdied ġmielu f'Settembru minħabba li kien ikun hemm inqas provvista. Ix-xahar tal-Vitorja jirreferi għal Settembru.
F’Tal-Vitorja l-baħar jitla’ fl-għolja.Il-baħar jibda jitqawwa fil-Vitorja, li tiġi fit-8 ta’ Settembru.
Ir-rimi tal-berwieq u t-tewm safi f’werqu.Il-berwieq (Asphodelus ramosus) u t-tewm tarahom jinbtu f'Marzu u jilħqu f'Settembru.
Dak li jagħqad sa San Mikiel jidħol fil-miżien.Dak li jinħasad sal-aħħar ta' Settembru (eż. l-patata) tajjeb ukoll u tista' tbigħu.