qawl.mt

il-qaddisin

Il-kalendarju tal-Maltin idur mal-qaddisin.

Nhar l-Imnarja l-bajd itir fl-arja.

Dari l‑prezz tal‑bajd kien jiżdied ġmielu lejn l-aħħar ta’ Ġunju minħabba li kien ikun hemm inqas provvista. L-Imnarja tiġi fid-29 ta’ Ġunju.

Nhar il-Lunzjata tiġi l-bilbla u tmur l-alwetta.

Għall‑ħabta tal-Lunzjata, l-alwetta tisparixxi u tiġi l‑bilbla (dawn żewġ tipi ta’ għasafar). Il-bilbla tagħmel Malta minn Marzu sa Ottubru u l-alwetta tpassi fil-ħarifa. Il-Lunzjata tiġi fil-25 ta’ Marzu.

Ħotba f’San Mark tpoġġik taħt l-art.

Superstizzjoni ta’ dari fejn kienu jemmnu li bħalma f’San Mark tagħmel ħafna xita li teqred l-uċuħ tar-raba’, bl-istess mod il-ħotba (meta kienu jlaqqgħu mara u raġel) kien hemm ċans kbir li ma tirnexxix.

Santa Katrina fora gallina.

Il-passa tal-gallina tkun spiċċat sal-aħħar ta’ Novembru. Il-gallina hija tip ta’ tajr (Scolopax rusticola). Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.

San Martin ikisser it-tin u Katarin tisqih mill-fin.

It-tin taċ-ċappa nikluh fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru u fit-tielet ġimgħa x-xita ssaqqi s-siġar tat-tin għall-istaġun ta’ wara. San Martin jiġi fil-11 ta’ Novembru u Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.

Il-qwiel kollha, f’post wieħed.