l-għerf u l-injoranza
Min jaf u min jaħseb li jaf.
Aħjar kemm int ġifa minn kemm int raġel.
Aħjar tilgħabha tal-iblah u tevita l-inkwiet milli tipprova toħroġ ta’ bravu u tbati l-konsegwenzi.
Aħjar titgħallem spejjeż ta’ ħaddieħor milli titgħallem spejjeż tiegħek.
Tbati inqas jekk titgħallem mill-iżbalji ta’ ħaddieħor.
Aktar jaf l-iblah f’daru mill-għaref f’dar ħaddieħor.
Min mhux espert iżda jkollu l-esperjenza, xorta jkun jaf iżjed minn espert bla esperjenza.
Bil-għelm u l-għalm isir raġel.
Nikbru u nimmaturaw billi nitgħallmu u nħaddmu dak li tgħallimna.
Bil-qari wieħed jitgħallem.
Issir għaref permezz tal-qari.
Bufula kiel nemusa, farfar rixu u telaq jgħanni.
Min hu injorant faċli ħafna tikkuntentah.
But il-fqir ogħna minn rajh.
Min huwa b’edukazzjoni baxxa u m’għandux ħafna flus jispiċċa jonfoq aktar flus milli jdaħħal.
Dak li jaħseb li jaf l-iżjed, jaf l-inqas.
Min hu arroganti u jaħseb li bravu ħafna fil-fatt ftit li xejn ikun jaf.
Distratt il-għaref, jaf x’inhu jagħmel il-ħmar?
Anke min hu intelliġenti ma jafx xi jrid isir, aħseb u ara min hu injorant.
Elf missjunarju ma jdawrux ħaġġieġ.
Min hu injorant mhux se jirraġuna u jbiddel fehmtu. Ħaġġieġ huwa Musulman.
Faqar il-but minn faqar il-moħħ.
Il-bniedem injorant qatt ma jagħmel il-flus għax moħħu ma jasalx.
Fejn ma tafx saqsi.
Titgħallem jekk tistaqsi.
Fid-dinja hawn aktar nies imġienen minn nies f’sensihom.
Ħafna nies jaqbdu u jfattru mingħajr ma jaħsbu.
Fid-dinja m’hawnx ħmar fartas.
Peress li l-ħmar qatt ma jitlef xagħru, biċ-ċajt ngħidu li min jiqriegħ sinjal li qed isir għaref!
Fost il-għomja, min għandu għajn waħda sultan.
Nies ta’ kompetenza limitata f'ambjent ta’ nies inkompetenti jidhru aħjar milli huma.
Għalhekk l-għaġuża ma tridx tmut, għax aktar ma tikber iżjed titgħallem.
M’hemmx età għat-tagħlim. Għaġuża hija mara xiħa.
Għall-faqsi xejn la tistaqsi.
Dari kienu jemmnu li min għandu xagħru ħamrani (faqsi) mhux intelliġenti.
Għaref f’raħlu mhux mismugħ, jitkellmu warajh biex imaqdruh.
Xi membri tal-familja ma jġibulekx rispett.
Ġirja ta’ ħmar taqla’ sinslet id-dahar.
Mingħand nies injoranti ma tistax tistenna affarijiet intelliġenti.
Ġrejt daqs żiemel u bqajt lura daqs ħmar.
Meta ma tkunx intelliġenti biżżejjed, tagħmel x’tagħmel dejjem ta’ injorant se toħroġ.
Ġurdien xiħ ma jmissux il-ġobon.
L-esperjenza tal-ħajja tgħallmek tħaddem moħħok u tkun makakk.
Ħmar għama li ma jarax, il-bniedem li jara u ma jaqrax.
Min għandu l-ħila jitgħallem u ma jisfruttahiex, ma jkunx aħjar minn ħmar għami.
Iblah f’daru jaf aħjar minn iblah f’dar ħaddieħor.
Afda lil min taf huwa midħla ta’ suġġett, għax jaf aħjar minn ħaddieħor.
Iblah min ma jitgħallimx.
Il-veru injorant huwa dak li ma jitgħallem qatt.
Iċ-ċomb jgħum u r-rix jegħreq.
Kollox ta’ taħt fuq: min kapaċi jasal qed jibqa’ lura u min mhu kapaċi għal xejn qed isib min jaqilgħu.
Iċ-ċomb jgħum u t-tiben jegħreq.
Kollox ta’ taħt fuq: min kapaċi jasal qed jibqa’ lura u min mhu kapaċi għal xejn qed isib min jaqilgħu.
Id-daħq f’ħalq il-boloh.
Min jidħaq ta’ xejn juri nuqqas ta’ intelliġenza.
Id-dinja tħabbtek iżjed minn imgħallmek.
Titgħallem iktar bit-tiġrib tal-ħajja milli bi kwalunkwe ħaġa oħra.
Il-bluha fuq kulħadd u l-għerf ma jilħqu ħadd.
L-għerf huwa impossibbli tilħqu, il-bniedem jgħum fil-bluha biss jaf.
Il-bniedem għaqli ma jdurx ma’ kull riħ.
Bniedem rasu fuq għonqu jkun konsistenti f’li jagħmel.
Il-boloh biss ma jaħsbux.
L-iblah jagħmel l-affarijiet bla ħsieb.
Il-ħażin joħroġ minn dar l-għaref u jidħol f’dar l-iblah.
Il-ħażin jibqa’ ħażin għal kulħadd, hu x’inhu l-livell ta’ intelliġenza.
Il-ħmar jekk ma tagħmillux il-kappestru ma ssuqux.
Lil min hu injorant jeħtieġ li tiggwidah inti biex jimxu l-affarijiet.
Il-ħmar xi daqqiet jitla’ mal-arblu.
Anke min ma tantx hu intelliġenti kultant jissorprendina.
Il-kotba mill-kotob u l-kotob kitbuhom il-bnedmin.
Il-kotba jinkitbu mill-bnedmin, jiġifieri xorta jista’ jkun fihom l-iżbalji. Kotob tfisser kotba wkoll.
Il-mistoqsija oħt il-għerf.
Titgħallem billi tistaqsi u tieħu interess.
Il-parir tax-xiħ żomm fih.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Ix-xemx ma ddawwalx il-għami.
Min ma jridx jifhem, mhux ser jifhem.
Ix-xieref tieref, ħareġ mingħand il-għaref u daħal għand dak l-iblah.
Min għandu naqra sens f’moħħu malajr jagħmel li jrid bl-injorant. Xieref tfisser żiemel xiħ u tieref tfisser bla valur.
Iżjed ma wieħed jifhem li hu għaref, hu iblah.
Min hu tassew għaref jirrikonoxxi hu stess kemm ma jaf xejn.
Jekk l-iblah iżomm is-skiet, jitqies mal-għorrief.
Meta ma tgħid xejn taqta’ figura aħjar, għax dak li ma tgħidx ma jistgħux jiġġudikawk fuqu.
Jekk ma tafx saqsi.
Titgħallem billi tistaqsi u tieħu interess.
Karta f’idejn pastaż, għasfur f’idejn it-tfal.
Min ma jiħux ħsieb jew japprezza dak li għandu huwa injorant.
Kliem ix-xiħ meħud mill-qiegħ.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
Kliem ix-xiħ żomm fih.
Agħti widen lill-anzjani, il-pariri tagħhom imsejsa fuq l-esperjenza tal-ħajja.
La teħodhiex ma’ min jaqra fl-istess ktieb.
Tippruvax turi li inti iżjed għaref minn min ilu midħla fil-qasam ħajtu kollha.
L-akbar żball tal-għaref.
Meta għaref jagħmel żball jidher akbar, għax normalment jieħu deċiżjonijiet għaqlija.
L-ebda ħmar mhu fartas.
Hemm min jemmen li min hu qargħi iżjed għaref.
L-għaref bl-iżball tgħallem.
Min hu intelliġenti jitgħallem mill-iżbalji tiegħu.
L-għaref f’raħlu mhux magħruf.
L-għorrief mhumiex rikonoxxuti fir-raħal tagħhom.
L-għerf aqwa mill-qawwa.
Bniedem għaref aqwa minn bniedem b’ħafna poter.
L-għerf jgħajjar u l-flus ittajjar.
Il-bniedem jippreferi jkun sinjur milli jkun għaref.
L-għerf jikber u n-nies teħżien.
Il-bniedem qiegħed kulma jmur isir iżjed għaref, iżda fl-istess ħin qiegħed ukoll isir iżjed makakk u manipulattiv.
L-għerf jirfina u n-nies tirvina.
Il-bniedem qiegħed kulma jmur isir iżjed għaref, iżda fl-istess ħin qiegħed ukoll isir iżjed makakk u manipulattiv.
L-għerf kulħadd irid iżommu għalih.
L-egoiżmu tal-bniedem iġiegħlu jżomm kollox għalih, biex ħaddieħor ma jkunx aktar għaref minnu.
L-għerf ma fihx tarf.
Taf kemm tkun taf, qatt ma taf biżżejjed.
L-għira titrod wara l-għaref bħal dellu miegħu.
In-nies jgħiru għal min hu għaref. Titrod tfisser timxi wara (mill-verb tarad).
L-għorrief ħasbuha u l-boloh għamluha.
Min hu għaref ma jaqbadx u jagħmel kulma jiġih f’moħħu, bħall-iblah.
Li kieku l-għaref ifutu, l-iblah jgħarraq ruħu.
Mingħajr il-gwida tal-għaref, l-iblah jisfaxxa fix-xejn. Ifutu tfisser jittradih.
L-iblah jaqla’ għajnu u jifraħ.
L-iblah jifraħ bil-ħsara li tagħmillu.
L-imħatra ta’ Ġaħan dejjem rebbieħa.
Ma’ min hu iblah għalxejn tipprova tieħu raġun, tiegħu biss tajjeb.
L-iskola tiswa.
L-iskola tgħin biex wieħed jiftaħ moħħu, kif ukoll biex isib xogħol tajjeb.
Meta sarraf tgħarraf.
Meta wera x’inhu kapaċi jagħmel (= sarraf), in-nies apprezzawh iżjed (= tgħarraf).
Mhux iblah daqskemm hu ikrah.
Xi nies taħsibhom boloh minn kif jidhru, iżda ma jkunx il-każ.
Mhux kull min għandu rasu għandu moħħu.
Mhux kulħadd jaf juża moħħu.
Mhux kull min għandu rasu jġib moħħu fiha.
Mhux kulħadd jaf juża moħħu.
Miġnun tassew ibża’ minnu, imma miġnun taparsi aħarabu.
Hemm min hu iblah u hemm min jilgħabha tal-iblah biex iqarraq bik.
Mil-lumi tieħu luminata u miċ-ċuċ tieħu ċuċata.
Mingħand min hu injorant tistenniex intelliġenza.
Min jaħrat bil-ħmir ma jiħux qoton.
Titlobx l-għajnuna ta’ min hu injorant għax xejn ma tieħu.
Min jaħsel ras il-ħmar jaħli l-ilma u s-sapun.
Tippruvax tgħallem bniedem injorant għax ma jitgħallem qatt.
Min jemmen kulma jsawrulu jinħela, sa kull m’għandu jeħdulu.
Li trid tagħmel b’min hu baħnan tant li jemmen kull ma jgħidulu.
Min jidħaq ħafna jew iblah jew miġnun.
Min jidħaq ta’ xejn juri nuqqas ta’ intelliġenza jew ġenn tal-moħħ.
Min jiftaħ għajnejh irewwaħ ġismu.
Min jitgħallem isib xogħol komdu, mingħajr tbatija fiżika.
Min jiftaħ għajnejh m’hemmx bżonn isodd widnejh.
Min hu għaref ma jemminx kull ma jisma’, għax ikun kapaċi jiddixxerni.
Min joħbol biċ-ċajt, jiled ir-riħ.
Kull ma jagħmel l-injorant huwa bla valur.
Min ma jaqrax il-ktieb tad-dinja ma jitgħarref qatt.
Insiru aktar għorrief bis-saħħa tal-esperjenzi tagħna matul il-ħajja.
Min ma jifhimx mill-ewwel lanqas mit-tieni ma jifhem.
Lil min ma jridx jifhem toqgħodx tipprova tipperswadih għax għalxejn.
Min tassew ma jaf xejn, jgħid li jaf ħafna.
L-injorant dejjem jipprova juri kemm mingħalih jaf.
Mnejn għadda darba l-wied stennieh jerġa’ jgħaddi.
In-nies injoranti ma jitgħallmu qatt, bħal wied li jħalli l-ilma jgħaddi.
Qalb l-iblah hija bħal vażett miksur, ma żżomm ebda għerf fiha.
Moħħ l-iblah xejn ma jżomm ġo fih.
Ras li ma terfax tissejjaħ qargħa.
Min mhux kapaċi jitgħallem jibqa’ injorant.
Taf x’qal il-baruni? “Mal-ħmar m’hemmx raġuni!”
Ma’ min ma jridx jitgħallem ma tistax tirraġuna.
Taħfer ta’ Nisrani, tinsa ta’ ħmar.
Li timxi mal-prinċipju Nisrani li taħfer lil min ikun għamillek xi deni ma jfissirx li tkun iblah u li fil-futur ma toqgħodx attent minnu.
Taħsilx ras il-ħmar b’sapun ifuħ.
Taħlix ħinek mal-injorant li ma jridx jitgħallem.
Tal-għaref hu l-aktar żball.
Meta l-għaref jieħu xi żball, jidher iżjed mill-injorant li jieħu żball.
Wara kulħadd għaref.
L-għerf jinkiseb wara li jkunu ġraw l-affarijiet u mhux qabel, għalhekk ħu parir tajjeb minn qabel.
Warrab lill-iblah għax int iddiehbu u hu jħammġek.
Evita lil min iblah għax il-ġid li tagħmel miegħu kollu fix-xejn jisfa, anzi jagħmillek xi deni.
Xejn ma jiswa moħħ tajjeb jekk ma jkunx imgħallem.
Jeħtieġ li moħħ tajjeb jitħarreġ u jitgħallem biex il-potenzjal kollu tiegħu jiġi sfruttat.
Zokk ta’ ħmar, għama li ma jarax, il-bniedem li jara u ma jaqrax.
Min għandu l‑ħila jitgħallem u ma jisfruttahiex, ma jkunx aħjar minn ħmar għami.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.