qawl.mt

kategorija

ix-xhur

Meta tisma’ l-bukagħwar jgħajjat, saffar lis-summiena.

Is-summien ipassi minn Marzi sal-bidu ta' Novembru, żmien li fih tisma' wkoll ħoss il-bukagħwar. Il-bukagħwar (jew nannu karwat, jew anke skarabew) huwa tip ta’ ħanfusa (Atheucus sacer) li tirrombla l-ħmieġ tal-art (kagħwar) biex fih tbid il-bajd.

It-twil seftur tal-qasir.

Billi Frar (= il-qasir) huwa iqsar minn Marzu (= it-twil), it-temp li ma jagħmilx fi Frar jagħmel f'Marzu.

Ibża’ mis-sokor ta’ Marzu.

L-uċuħ tar-raba' ssirilhom ħafna ħsara meta tagħmel ħafna xita f'Marzu. Sokor tirreferi għall-art, bħallikieku fis-sakra bl-ilma kollu li tkun xorbot.

Santa Katrina fora gallina.

Il-passa tal-gallina tkun spiċċat sal-aħħar ta’ Novembru. Il-gallina hija tip ta’ tajr (Scolopax rusticola). Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.

San Martin ikisser it-tin u Katarin tisqih mill-fin.

It-tin taċ-ċappa nikluh fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru u fit-tielet ġimgħa x-xita ssaqqi s-siġar tat-tin għall-istaġun ta’ wara. San Martin jiġi fil-11 ta’ Novembru u Santa Katerina tiġi fil-25 ta’ Novembru.

April xahar tal-boloh.

Qawl li jingħad minħabba ċ-ċajt tal-1 ta’ April. Dari kienu jemmnu li min jitwieled f’April huwa iblah.

April xahar ta’ nifs twil.

Il-qamħ jimla f’April, u l-ħaddiema jkollhom iżjed ħobż biex iżommhom matul ġurnata tax-xogħol itwal.

April ħobżna fil-mindil.

Il-qamħ jimla f’April, u l-ħaddiema jkollhom iżjed ħobż biex iżommhom matul ġurnata tax-xogħol itwal. Il-mindil huwa d-dvalja.

Il-qwiel kollha, f’post wieħed.