Tagħmel l-iżjed xogħol diffiċli u tedjanti, imbagħad tqajjem plejtu għall-affarijiet iż-żgħar.
kategorija
l-annimali
Tajra faqqasija minn waħda toktor mija.
Aktar ma bniedem ikun iħabrek u jaħdem, aktar itella' xogħol.
Tagħlim fil-kbir bħall-qris fil-ħmir.
Meta tkun għadek żgħir, moħħok ikun iżjed frisk u titgħallem malajr. Meta tikber, il‑moħħ jitgħallem iżjed bil‑mod.
Ragħaj tajjeb iġiżż u mhux iqaxxar.
Min ikun tas-sengħa jaf kif għandu jmur ix-xogħol.
Qroqqa lieżma tfaqqas qabel l-għoxrin.
Min hu bieżel mhux talli jleħħaq max-xogħol, talli jeħilsu qabel. Lieżma tfisser diliġenti u l-għoxrin tirreferi għall-jum li fih ifaqqas il-bajd wara li l-qroqqa tkun għamlet xogħolha sew.
Qattus xieref għidlu: “Kixx!”
Wieħed għandu joqgħod attent minn min għandu iżjed żmien u esperjenza, għax japprofitta ruħu minn min hu iżgħar.
Qattus xieref ġurdien tari jfittex.

Orqod mat-tiġieġ u qum mas-serduq.
Mur orqod kmieni u qum kmieni.
Min jirkeb jeħtieġlu jniegħel.
Min irid igawdi jeħtieġ li jagħmel ix-xogħol diffiċli jew antipatku wkoll biex jasal. Iniegħel tfisser ilibbes in-nagħla liż-żiemel.
Min isuq wisq ħażin jogħtor il-ħmar.
Min f'xogħlu ma jurix impenn, ibati u ma jagħmlux sew.
Min irid jirkeb jeħtieġ iniegħel.

Min irid il-bajd frisk, ikollu jbati t-tlaqliq tat-tiġieġ.
Biex tgawdi trid taħdem, tistinka u tieħu paċenzja.
Meta tisma’ l-qerd in-naħal, erfa’ x-xbiek u mur lejn ir-raħal.
Il-qerd in-naħal (għasfur tal-ispeċi Merops apiaster) tarah f'Ġunju, u dan ikun ifisser li l-istaġun tal-kaċċa jkun spiċċa.
Meta tisma’ l-bukagħwar jgħajjat, saffar lis-summiena.
Is-summien ipassi minn Marzi sal-bidu ta' Novembru, żmien li fih tisma' wkoll ħoss il-bukagħwar. Il-bukagħwar (jew nannu karwat, jew anke skarabew) huwa tip ta’ ħanfusa (Atheucus sacer) li tirrombla l-ħmieġ tal-art (kagħwar) biex fih tbid il-bajd.
Meta tisma’ jgħajjat il-werżieq, tista’ tmur għall-għeneb u t-tiniet.
L-għeneb u t-tin jilħqu f'Awwissu, żmien li fih spiss tisma' l-ħoss tal-werżieq.
Meta Marzu jaħqarna, il-baqra turina b’qarnha.
Il-baqar iċaqilqu rashom meta f'Marzu tagħmel ħafna kesħa.
Meta l-ġewnaħ tal-grillu jegħleb, isir l-għeneb.
Superstizzjoni fejn kienu jemmnu li l-ħoss tal-grillu f'Awwissu jsajjar l-għeneb.
Meta l-fula tnawwar, il-bergħuda tfawwar.
F'Marzu l-ful jibda jagħmel il-fjuri (= inawwar) u l-briegħed joktor.
Meta l-farfett jittajjar, l-uċuħ jaqżbu kollha nwajjar.
Fl-aħħar ta' Marzu, ix-xitwa tasal fi tmiemha u tibda r-rebbiegħa. Nwajjar huwa d-diminuttiv plural ta' nwara, li tfisser fjura.
Meta jidher il-busuf u l-farfett jibda jittajjar, l-art tkun saħnet u l-uċuħ taqbeż kollha nwajjar.

Fix-xahar tal-erwieħ, xogħol, galbu u frieħ.
F'Novembru l-ġurnata tax-xogħol fl-għelieqi kienet tkun twila ħafna u jibdew ukoll jitwieldu l-frieħ tan-nagħaġ (= il-ħrief). Ix-xahar tal-erwieħ jirreferi għal Novembru.
It-tagħlim fil-kbar bħall-qris fil-ħmar.
Meta tkun għadek żgħir, moħħok ikun iżjed frisk u titgħallem malajr. Meta tikber, il-moħħ jitgħallem iżjed bil-mod.
Il-ħmar ix-xiħ issa jorqos u issa jistrieħ.
Meta nixjieħu nibdew nimirdu iżjed u nitilfu saħħitna. Jorqos tfisser izappap.
Il-ħmar ħaddmu għal rasu biex tkun taf x’jagħmel.
Tara bniedem kemm hu kapaċi meta tħallih jagħmel biċċa xogħol waħdu.
Il-ħmar ħaddmu għal rasu biex tkun taf x’jiswa.

Il-bard ta’ Jannar iqaxxar dahar il-ħmar.
F'Jannar tagħmel kesħa kbira.
Il-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild il-ħmar.
F'Jannar tagħmel kesħa kbira.
Iġġorr, iġġorr, iġġorr sakemm il-bajda ttorr.
Xejn ma jsir f'daqqa, kollox irid iż-żmien tiegħu. Ittorr tfisser tbid.
Id-denb dejjem iniggeż.
L-aħħar naqra ta' biċċa xogħol dejjem tidher twila u diffiċli.
Ħmar qammas jikser sinslet id-dahar.
L-injorant ma jagħmilx xogħol tajjeb.
Għalina l-Għid il-Kbir meta missierna jidboħ il-ħanżir.
Biż-żmien kollox jasal. Jidboħ tfisser joqtol.
Għal kull għadma hawn mitt kelb.
Il-kompetizzjoni għax-xogħol hija qalila.
Għajnejn sidha jimlewlha żaqqha l-baqra.
Kulħadd iqis li xogħlu jiswa ħafna flus.
Ġidra ta’ Jannar agħtiha ‘l-ħmar.
Il-ġidra tixrief f’Jannar u ma tkunx tajba għall-ikel.
Fl-aħħar mill-aħħar kollox iddur għalih il-kamla.
Iż-żmien kollox jispiċċa jeqred, bħall-kamla.
Dejjem tikber is-silla, iżda l-ħmar mhux dejjem jirgħa minnha.
Tagħmel ix-xogħol inti u ġieli tispiċċa ma tgawdi xejn minnu.
B’idek il-waħda agħġen u bl-oħra keċċi l-qattusa.
Meta tkun għaddej b'biċċa xogħol, ara li ma jkunx hemm min iħarbatlek kollox.
Alwett bil-gziez, xita bil-qliel.
Kollox għandu żmienu. L-alwett huwa tip ta' għasfur u joħroġ fit-temp milwiem.
Tiġieġa li tfelles tajjeb għożżha.
Ibża' għat-tiġieġa li tfaqqas il-bajd, bl-istess mod li għandek tibża' għal min jaħdem u jistinka fin-negozju tiegħek.
Tiġieġa ħawtiela bajjada.
Tiġieġa bieżla tagħmel bajd sabiħ, bħal min jistinka biex jagħti prodott sabiħ. Ħawtiela tfisser ħabrieka u bajjada tfisser li tbid.
Fil-Milied, iż-żiemel ħdejn il-ġamra jsaħħan wirkih.
Dari ż-żwiemel kien ikollhom l-istalla msaħħna. Wirkih tfisser koxxtu.
Fellus ta’ Lulju jagħtik bajda f’San Pupulju.
Il-flieles li jfaqqsu f’Lulju jbiduh tard il-bajd.
Ġunju xahar tad-dris u fis-sodda tħoss il-qris.
F’Ġunju jsir id-dris, iżda huwa wkoll żmien il-briegħed.
Ġunju kbir, rasu ras il-ħmir.
Ġunju għandu rasu iebsa (bħall-ħmar) għax sħana biss jagħmel.
Mejju żmien il-għana u d-dris, u fis-sodda tħoss il-qris.
Għalkemm in-natura tkun sabiħa f’Mejju, huwa wkoll żmien il-briegħed.
F’April id-dubbiena tagħmel żinn u l-isħaba tmur lil hinn.
F’April tieqaf ix-xita u jibdew ħerġin l-insetti, fosthom id-dubbien.
Marzu r-rebbiegħa tal-bhejjem.
Il-bhejjem jagħmlu ħafna ħalib f’Marzu.
F’Marzu, kull tajr ibid.
It-tajr (l-annimali li jtiru) ibid f’Marzu.
F’Marzu, kull għasfur ifittex ʼil martu.
L-għasafar jibdew jitgħammru f’Marzu.
Marzu l-fart iħossu f’qarnu.
Tagħmel kesħa kbira f’Marzu. Il-fart jirreferi għall-annimali bovini.
F’Marzu l-fart iħoss il-bard minn qrunu.

Frar silef tnejn lil Jannar u daħħlu bin-nagħaġ ġol-għar.
Skont superstizzjoni Maltija, f’sena biżestili (ta’ 366 jum) il-bidwi jmur ħażin f’xogħlu.
Fellus ta’ Frar, brodu u fran.
L-għattuqa ta’ Frar tajba ħafna għall-ikel.
Fi Frar il-kaboċċi tiha ’l-ħmar.
Il-kaboċċi mhumiex tajbin għall-ikel fi Frar.
Ix-xahar ta’ Jannar ma jħallix qattusa d-dar.
Il-qtates jitgħammru f’Jannar.
F’Jannar il-ġidra agħtiha ʼl-ħmar.

F’Jannar agħlaq in-nagħaġ fil-għar.
F’Jannar jagħmel temp ikrah u kulħadd joqgħod ġewwa.
Jannar il-bajtar għajnejn il-far.
F’Jannar il-bajtar ikun għadu wisq żgħir, bħal għajnejn il-far.
Aħjar għasfur f’idejk milli mija fl-ajru.
Aħjar ikollok iċ-ċertezza li xi ħaġa hija tiegħek, milli ma jkollok ebda ċertezza fuq ħafna affarijiet.
“Jaħraq dinha l-għaġla,” qalet il-fekruna xħin telgħet tarġa u waqgħet tnejn.
Il-fekruna tagħmel li għandha tagħmel minkejja kollox, u bl-istess mod il-bniedem għandu jaħdem u ma jitgħażżinx.
Agħlaq il-bieb qabel ma taħrab id-debba.
Ilqa’ għall-ħsara li tista’ ssir; wara jkun tard wisq.
Bis-saħħa tal-għarusa tiżfen il-qattusa.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni.
Doqq lill-qattusa biex tiżfen l-għarusa.
Għamel xi ħaġa biex tidher mod, meta l-intenzjonijiet tiegħu kienu mod ieħor.
Ċawla bajda ma dehret qatt.
Dak li ma jista’ qatt iseħħ taħsibx fih.
Denbu taħt il-blat; jitqanżaħ iżda ma jinqalax.
Jiġu ċirkostanzi fejn il-ħajja tagħtik wisq mill-agħar, u tagħmel x’tagħmel ma tkun tista’ teħles b’xejn mill-għawġ.
Għal kull għadma hawn il-marlozz.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek. Il-marlozz (= merluzz) huwa tip ta’ ħuta.
Dur, dur, dur madwar in-nassa, fl-aħħar il-ġurdien jidħol fl-ingassa.
Min jersaq wisq viċin tal-periklu xi darba se jweġġa’.
Għal kull ħuta hawn il-lixka tagħha.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek.
Għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha, għax min irid rasha u min irid denbha.
Kulħadd bil-fehmiet u l-gosti tiegħu, dak li hu bla valur għal xi ħadd jista’ jkun ta’ preġju f’għajnejn xi ħaddieħor.
Ġurdien qluqi qatt ma jsir far.
Hemm min m’għandux kwiet, il-ħin kollu jibdel u jbiddel. Ma ssibx stabbiltà u trankwillità hekk. Qluqi tfisser imferfex.
Għal musmar titlef in-nagħla.
Għal ħaġa mhi xejn tispiċċa titlef kollox.
Ħamiema bla ħjiena s-seqer itemmha.
Min hu wisq twajjeb u jafda żżejjed jispiċċa mmanipulat minn ħaddieħor. Ħjiena tfisser ħażen.
Għasfur f’idejk aħjar minn mija fl-ajru.
Aħjar ikollok xi ħaġa fiċ-ċert minn ħafna affarijiet bla garanzija li xi darba se jkunu tiegħek.
Ħanżir dak li jistaħam f’kull għadira.
Min m’għandux prinċipji jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jinzerta. Jistaħam tfisser iċaflas jew jgħaffeġ.
Ħanżir taqtagħlu denbu ħanżir jibqa’.
Il-bidliet superfiċjali ma jibdlux in-natural ta’ dak li jkun.
Għal kull lagħqa għasel hemm bettija morr.
L-affarijiet sbieħ li jiġru fil-ħajja huma ftit meta tqabbel mal-affarijiet koroh kollha.
Il-beċċun jolqot il-ħabba.
Kulħadd jaf xi jrid, u jagħmel minn kollox biex jiksbu. Il-ħabba hija biċċa ikel.
Ħalli l-ħuta tinqela b’żejtha.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
Hemm dwieb u dwieb, tal-għenienel u tal-mantijiet.
In-nies ta’ intern ħażin kullimkien qegħdin, uħud jidhru u oħrajn le. Dwieb huwa l-plural ta’ debba u għenienel huwa l-plural ta’ għonnella.
Il-ħbar hi li l-għasfur tar u l-għoxx baqa’ battal.
Jekk ma taħtafx l-opportunità, wara jkun tard wisq. Ħbar tfisser aħbar u għoxx tfisser bejta tal-għasafar.
Il-ħmar tiegħi u nirkeb wara.
Ara li dak li hu tiegħek tgawdih int, mhux tħalli lil ħaddieħor igawdih hu minflokok.
Il-lejl għal-lpup.
Toħroġx tiġri barra billejl, evita l-periklu. Lpup huwa l-plural ta’ lupu.
Il-ħanżir jistaħam f’kull għadira.

Il-ħmar denbu warajh u tiegħu ħadd ma jarah.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Il-ħmar iwaħħal f’denbu.
Qed jgħajjar lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu stess.
Il-ħanfus oqtlu biex ma jnittnekx.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta’ kollox u oqtlu mill-għeruq. Il-ħanfus jagħmel riħa tinten biex jiddefendi ruħu.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.

Il-kelb il-mutu ibża’ minnu.
Oqgħod attent minn min jidher kwiet, iżda jkollu intenzjonijiet ħżiena.
Bil-pont tas-sahra żżomm il-ħmara.
Jekk il-mara tkun taf tħit, il-familja tiffranka l-flus.
Illum ma baqax ħmir.
Daż-żmien in-nies saru jafu minn fejn għandhom jgħaddu biex jiksbu li jridu.
It-triq tal-ħmar twasslek id-dar.
Min jagħmel bħal ħaddieħor ftit li xejn jiżgarra.
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Il-ħmar il-magħlub iliegħeb.

Il-ħmara tbul fuq l-għadira.
L-affarijiet il-ħżiena malajr jiżdiedu u jinfirxu.
Fejn tqarrem il-mogħża jinsteħet.
Min m’għandux flus jaħtaf kulma jsib quddiemu. Tqarrem tfisser tgerrem.
Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.
Min ikun għadda minn esperjenza ħażina joqgħod iżjed attent li ma jerġax jgħaddi minnha.
Il-kelb in-nagħaj idejjaq in-nies tad-dar u tal-ġar.
Superstizzjoni Maltija tgħid li l-klieb li jingħu jbassru xorti ħażina.
Il-qanfud, qanfud ieħor missieru.
Nirtu l-karattru tagħna mill-ġenituri tagħna, m’hemmx mod ieħor.
Il-qardiniet f’għajnejn sidu jidhru ġawhriet.
Xi nies jonfħu dak li hu tagħhom biex jippruvaw juru li huma aħjar minn ħaddieħor. Qardiniet huwa l-plural ta’ qardiena, li hija kollox barra ġawhra.
Il-qarnita fl-aħħar iddur għal subgħajha.
Meta tkun iddisprat minn kollox tasal tagħmel biex tilħaq l-għanijiet tiegħek.
Il-qattus aħrax isib il-qattus dgħajjef.
Hemm min jagħmel l-arja ma’ min hu aktar dgħajjef minnu.
Il-qattus iħobb bil-għama u l-kelb bix-xaba’.
Il-qtates juru mħabba lejn sidhom b’mod differenti mill-klieb.
Il-qtates għomja u l-ġrieden imeximxu.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni, bħall-ħaddiema li jillaxkaw malli jwarrab ta’ fuqhom.
Jiswa wisq aktar il-ħmar tiegħek miż-żiemel ta’ ħaddieħor.
Apprezza li għandek, anke jekk forsi inqas minn ta’ ħaddieħor.
Kelb rieqed la tqajmux.
Tagħmilx dak li taf li ser joħloq ħafna problemi.
It-tiġieġa fejn tiekol in-nuħħala tmur tbidha l-bajda.
Kulħadd irid iwieġeb ta’ għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
Ħmar imgħobbi bil-flus imur bihom fil-miżbla fejn hu mdorri.
L-injorant ma jafx jiddistingwi bejn x’inhu ta’ valur u x’mhux.
It-tiġieġa tbid fejn tiekol in-nuħħala.

Ħmar taqilgħu tikxiflux snienu biex tara kemm snin għandu.
Jekk xi ħadd għoġbu jagħtik xi ħaġa bla ħlas, irringrazzjah u toqgħodx tistaqsih ħafna mistoqsijiet dwarha.
Aħjar ħabib mal-kelb inkella ma’ sidu.
Aħjar tagħmel ħbieb ma’ dawk ta’ madwar xi ħadd li trid mingħandu.
Aħjar issuq erba’ żwiemel minn ħmar.
Aktar faċli tagħmilha ma’ nies intelliġenti milli mal-injoranti.
Jagħmilha ta’ ħmar biex ma jħallasx dwana.
Hemm min jilgħabha tal-iblah biex jipprova jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu.
Aħjar jikluk il-klieb milli tiġi bżonn il-ħbieb.
Kultant il-ħbieb ma ssibhomx fil-mument tal-bżonn.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ ajkla.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Kelb għalkemm jixjieħ jibqa’ jigdem.
Bniedem ħażin ma jinbidilx, mhux imbilli jixjieħ.
Kelb li jilgħab bl-irmied tafdalux dqiq.
Bniedem li jagħmel il-ħażin, f’kollox jagħmlu.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ seqer.

Aktar alka milli ħut.
Ħaġa jaf tkun ta’ inqas sustanza milli ħsibt.
Aħjar ras ta’ nemla minn denb ta’ ljun.
Aħjar tkun żgħir u tmexxi inti, milli taqdi u tpaxxi lill-kbir.
Bajda bit-tebgħa ħamra tkun għaddiet mill-wied tan-namra.
Meta l-bajda jkollha tebgħa ħamra jkun ifisser li t-tiġieġa kellha x’taqsam mas-serduq.
Bajda ta’ serduq naqra naqra leħinha jsir maħnuq.
Meta l-bajd taħt il-qroqqa jibda jiżviluppa fi flieles, jibda jitlef il-kulur.
Bajda tas-sultan titħallas b’dundjan.
Akbar ma jkun l-obbligu li jkollok lejn xi ħadd, aktar se jkollok xi trodd lura.
Aħjar trabbi ħanżir minn tifel ta’ ħaddieħor.
Annimal jaf japprezza iżjed dak li tagħmel miegħu mit-tfal ta’ ħaddieħor.
Baqra tidres fuq l-andar, ġid fuq ġid.
Il-baqra li tintuża għad-dris f’għalqa tagħmel ħafna ġid.
La tgħoddx il-flieles qabel ifaqqsu.
Qabel ma tħalli l-ħsibijiet tiegħek jiġru bik, qis il-fatti kollha u stenna sal-aħħar.
Bik amir u bija amir, min se jsuq il-ħmir?
Jeħtieġ li xi ħadd wieħed biss imexxi.
Kelb ħiemed ibża’ minnu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik. Ħiemed tfisser kwiet.
Biex trabbi l-flieles trid it-tlieles.
Biex trabbi t-tjur trid ħafna flus. Tlieles huma xkejjer kbar.
Kelb li jinbaħ ma jigdimx.
Hemm min taqbiżlu u jaqbad jgħajjat, iżjed ma jdumx ma jgħaddilu.
La tħallix il-qattus għassa mal-ħut.
Tafdax lil min taf li ma tistax toqgħod fuqu.
Bis-sagħtar u l-ħatar, u l-ħin kollu jitmatar.
Ir-ragħaj m’għandux xogħlu impenjattiv ħafna meta tqabbel ma’ xogħlijiet oħra.
La tiddinx qabel ma tarah jisbaħ.

Ċafċaflu papru la sibt l-ilma.
Fejn m’hemmx dixxiplina jkun hemm abbuż wara abbuż, bla rażan.
Dik il-ġezza ma tiġix minn dik il-mogħża.
Ħadd ma jagħmel xogħol bla ħlas.
Kulħadd għandu minn tal-ħmar.
Kulħadd jagħmel xi waħda minn tiegħu.
Dar il-għażżien tistgħalla l-brimba.
Min hu għażżien u ma jnaddafx ikollu l-ħmieġ fid-dar. Tistgħalla jiġifieri tgawdi.
La tpoġġix il-karettun qabel iż-żiemel.
L-affarijiet agħmilhom bil-galbu waħda wara l-oħra, b’mod ordnat.
Debba bla lġiem fis tikser għonqha.
Il-mara għandha toqgħod attenta f’dak li tagħmel biex ma jiddispjaċihiex.
Fart li jiekol il-widna jagħmel il-laħam bil-wiżna.
Il-bhejjem tal-ifrat li jieklu l-widna (tip ta’ ħaxixa selvaġġa) jagħmlu ħafna laħam għax malajr jismnu.
Debba bla lġiem tiġġarraf.

L-aħjar toqtol żewġ għasafar bi skartoċċ wieħed.
Aħjar teħles żewġ affarijiet f’daqqa kif tkun fiż-żifna.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Dejjem sebaħ bla serduq.
Ħadd mhu daqshekk importanti fid-dinja li ma jistax jeħodlu postu ħaddieħor.
Fenek fil-platt, mhux Għid għal nhar il-Ħadd.
Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, agħmilha issa mhux wara. Dari l-fenek kienu jistennew biex isajruh fl-Għid u fil-festi biss.
Fenka mgħammra tagħtik għal fuq il-ġamra.
Il-fniek ikollhom boton żrameġ kbir u għalhekk ikollok x’tiekol.
Fi żmien il-ħaruf il-patata tibda tħuf.
Kulħadd jiekol iżjed patata mal-ħaruf fi żmien l-Għid.
Fejn ikun hemm l-għasel, ikun hemm in-naħal.
Fejn hemm il-ġid kulħadd irid biċċa.
Il-fqir sal-klieb jagħrfuh u jinbħu għalih.
Mill-ewwel tinduna li xi ħadd fqir minn ilbiesu.
Ibża’ minn geddum ta’ ħanżir, sieq ta’ tiġieġa u lsien ta’ mara.
Ilsien in-nisa ma jieqaf qatt, bħal geddum il-ħanżir u sieq it-tiġieġa.
Fejn ma jersaqx id-dubbien, ma jbejtux il-firien.
Fejn hemm il-ġid kulħadd irid biċċa.
Fuq il-binnija jidden is-serduq.
Il-kumdità u s-serħan ta’ darek ma ssibhom imkien iżjed. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
F’marqad il-mogħoż ma ssibx sbul.
Min ma tantx għandu biex jgħaddi m’intix se ssiblu lussu.
L-aħħar tibna kisret dahar il-ħmar.
Kien jonqos l-aħħar azzjoni żgħira biex persuna jew sitwazzjoni tikkrolla wara serje ta’ problemi akkumulati.
Dejjem jagħtu donnhom kelb u qattus.
Ma jiqfux jiġġieldu.
Fid-dinja min hu ras u min hu denb.
Jew tikkmanda jew jikkmandawk.
Fuq il-binnija tidden is-sriedeq; kulma tagħmel turix lil uliedek.
L-affarijiet u l-kwistjonijiet ta’ bejn il-ġenituri m’għandhomx isiru jafu bihom it-tfal. Il-binnija hija bejta tat-tiġieġa.
Kull għasfur jiftaħar b’rixu.
Kulħadd jiftaħar b’dak li għandu.
Kull ħmar iħobb jisma’ lilu nnifsu jinħaq.
Min jaħseb li hu xi ħaġa, ikun mingħalih li dejjem għandu raġun u ma jagħti kas ta’ ħadd.
Meta jtir l-għasfur, imbagħad kollox għalxejn.
Ħu l-opportunità li ġietek, qabel ikun tard wisq.
Kull ħmar jidhirlu li għandu joqgħod maż-żwiemel tar-re.
Kulħadd jaħseb li ħaqqu l-aħjar.
Ibża’ min-naħal u mit-tfal tar-raħal.
It-tfal ma jafux x’inhu periklu u malajr jinkwetawk għax iweġġgħu.
Bnazzi fix-xitwa, trott ta’ bagħla u kappell ta’ miġnun, qatt iżżomm magħhom.
Il-bnazzi fix-xitwa, it-trott ta’ bagħla u n-nies imġienen qatt m’għandek tafdahom.
Il-Malti u l-far iddaħħalhomx id-dar għax iħassrulek il-mara u t-tfal.
Il-Malti jaf jagħmel ħsara daqs il-far.
Ħrit bil-ħmar ma jagħtix sandar, ħrit bil-baqra jimla l-andar.
Meta l-bidwi jaħdem l-għalqa bil-baqra jaqla’ iżjed flus milli meta jaħdimha bil-ħmar, għax il-baqra iżjed b’saħħitha.
Kull tajra tifraħ b’rixa.
Kulħadd jiftaħar b’dak li għandu.
L-aħjar ħut jgħum f’qiegħ il-baħar.
Min jagħmel xogħlu sew u bil-għaqal ma jkunx iħobb jidher.
Il-bagħal issemmnu jagħtik bis-sieq.
Tagħmel il-ġid ma’ xi ħadd u minflok jibqa’ jafhulek, jagħmillek il-ħsara.
Il-bajda li kellha l-widnejn kienu jerfgħuha tnejn.
Biċċa xogħol issir tajjeb imqar bi ftit għajnuna mingħand kulħadd.
Il-beċċun qatt ma żaqq lil ommu.
Ir-rwol tal-ġenituri huwa li jieħdu ħsieb it-tfal.
Il-bajda tal-lum il-kbira.
Il-kwantità rebħet fuq il-kwalità.
Ma setax idur għall-ħmar, dar għall-berdgħa.
Ma setax ipattihielu u minflok dar fuq xi membru tal-familja tiegħu jew xi ħabib tiegħu. Il-berdgħa tirreferi għad-drapp taħt is-sarġ fuq dahar il-ħmar.
Is-silla kibret u l-ħmar tiegħi ma jsibx jirgħa.
Għal xi nies sfortunati, ta’ madwarhom ifuru bil-ġid u huma jibqgħu b’xejn.
Ġej il-maltemp jew mill-poppa jew mill-pruwa meta jagħtas il-qattus.
L-annimali jkunu jafu meta jkun ġej il-maltemp għax iħossuh.
Is-sinjur imutulu t-tfal u l-fqir imutlu l-ħmar.
Dari min ma kellux flus u kien imutlu l-ħmar, kienet xi ħaġa kbira – daqslikieku mietlu tifel. Normalment, is-sinjuri kienu jmutulhom it-tfal.
Għar-rebbiegħa n-naħla tkun lesta għall-għerusija.
Min irabbi n-naħal jeħtieġ li jieħu ħsieb tax-xehda fir-rebbiegħa.
Il-bhima biex tiflaħ tiġri trid tkun qiegħda għall-mergħa u għall-moxt.
Biex tikkompeti fit-tiġrija tal-bhejjem trid tieħu ħsiebhom sew: titmagħhom u tomxtilhom.
Il-bhima tar-refgħa hija nofs il-merħla.
Il-merħla tmur tajjeb skont ir-razza u s-saħħa tal-bhima tar-refgħa (dik li tgħammar).
Il-bidwi jew ir-ragħaj l-ewwel għana tad-dinja.
Xogħol il-bidwi u r-ragħaj huma fost l-ewwel xogħlijiet li bdew jeżistu għall-għajxien tal-bniedem.
Ħarifa bit-tajjeb, żwiemel u dwieb.
Meta fil-ħarifa jkun bnazzi, iż-żwiemel u d-dwieb (plural ta’ debba) tista’ tħallihom joħorġu.
Ħmura ta’ binhar iġbor ħwejġek u mur id-dar.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp.
Ħmura ta’ filgħaxija lesti ż-żwiemel għat-tiġrija.
Il-ħmura ta’ filgħaxija huwa sinjal li ġej temp sabiħ.
Il-fart la jismen oqtlu.
Meta annimal jismen biżżejjed oqtlu u taħlix iżjed flus fuqu, bl-istess mod li meta tlesti xi ħaġa tkomplix taħli ħin fuqha.
Ħmura ta’ filgħodu lesti ż-żwiemel fejn joqogħdu.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal iż-żwiemel ġewwa u stkenn.
F’ħalq magħluq ma jidħolx nemus.
Min ma jgħid xejn jevita l-inkwiet.
Il-ħmar li jġorr l-inbid jixrob l-ilma.
Mit-tbatija ta’ ħaddieħor japprofittaw irwieħhom il-pampaluni.
Ħmura ta’ filgħodu oħroġ il-bhima mir-robu.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal il-bhejjem ġewwa u stkenn. Robu tfisser għalqa.
Ħmura ta’ filgħaxija lesti d-debba għat-tiġrija.

Il-mara tgħabbi daqs bagħal, ir-raġel jimla daqs għar.
Sabiex il-mara jkollha x’tonfoq, ir-raġel irid ibati f’xogħlu.
Il-kokka lil uliedha tara l-isbaħ.
Il-ġenituri dejjem jaraw lil uliedhom bħala aħjar u isbaħ minn ulied ħaddieħor.
Il-ħmar jinġabar meta ġej it-temp.
Il-ħmar jinduna li jkun ġej il-maltemp u jidħol jistkenn.
Il-kelb qabel ma tinbxu kun af sidu min hu.
Qabel tiksirha minn ma’ xi ħadd, qis li tkun taf min hu u sa fejn kapaċi jasal.
Min għandu l-faħam miblul kull xkumvata jaħsibha gremxul.
Min jaf li għandu xi ħaġa fuq il-kuxjenza jaħseb ħażin. L-ixkumvat huwa ħelu tradizzjonali Malti tal-Milied.
Il-barri jintrabat minn qrunu u l-bniedem minn kelmtu.
Bniedem rispettabbli ma jerġax lura minn kelmtu, għax li jkun qal ikun qalu b’intenzjoni.
Il-ħrief imutu qabel in-nagħaġ.
Il-ħajja ġieli tkun kattiva, bħal meta t-tfal jew nies tajbin imutu qabel iż-żmien.
Jekk trid tirkeb ixtri bhima.
Irid ikollok il-flus biex tmexxi fil-ħajja.
“Merħba, ja mewt,” qal il-ġurdien kif ħass in-nassa tingħalaq fuqu.
Ladarba l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aċċetta u ssaporti.
Il-Milied bil-kappell, l-Għid bil-mantar, in-nies tiekol tajjeb u l-bhejjem tixtarr aħjar.
Meta fil-Milied tagħmel is-sħana u fl-Għid tagħmel il-kesħa, għid li għall-biedja se tkun sena tajba.
Il-qroqqa tiġborhom il-flieles.
L-omm responsabbli minn uliedha, bħall-qroqqa li tieħu ħsieb il-flieles.
Il-fart jintrabat minn qrunu u r-raġel minn kelmtu.

Il-mogħża li tirgħa mhi qatt bil-ġuħ.
In-nies beżlin dejjem isibu x’jagħmlu u jħossuhom sodisfatti.
Il-bhejjem ta’ filgħodu tihom tibna ħa joqogħdu.
Il-ħmura ta’ matul il-ġurnata huwa sinjal li ġej il-maltemp, jiġifieri daħħal il-bhejjem ġewwa u stkenn.
Il-gendus jintrabat minn qrunu u r-raġel minn kelmtu.

In-nemla mara bieżla u n-naħla raġel għaqli.
Jekk il-mara tkun bieżla daqs nemla u r-raġel ikun għaqli daqs naħla, il-familja tkampa sew.
Il-qarn xieraq f’ras il-baqra.
Għandek dejjem tilbes adatt għalik. Dari kienu joqogħdu attenti li jilbsu skont il-klassi soċjali.
Min ixarrab il-bakkaljaw jieklu.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Il-malvizz izekzek billejl riħ Nofsinhar.
Il-ħoss li jagħmel il-malvizz (tip ta’ għasfur) jindika minn fejn ikun ġej ir-riħ.
In-naspla saret u ċ-ċawla taret.
Meta ċ-ċawl ipassi, dan ifisser li jkun sar in-naspli wkoll.
It-tfal bħall-flieles, inaqqru dejjem.
Tfal f’saħħithom jiftħu l-aptit u jieklu l-ħin kollu.
In-nies tal-art sriep tal-art.
Il-bdiewa, bħas-sriep, jitwieldu u jmutu fl-għalqa għax dik ħajjithom.
L-għani u l-ħanżir jitwieżnu fid-debħa.
Qatt ma tista’ tkun taf eżatt kemm għandu flus xi ħadd qabel mewtu, bl-istess mod li ma tistax tkun taf kemm se ddaħħal flus minn ħanżir qabel toqtlu. Debħa hija l-qatla.
In-nwar tal-bajtar jimla l-qolla bl-aħjar għasel.
L-għasel tan-naħal li jkun mar fuq il-fjuri tal-bajtar ikun tajjeb ħafna.
Il-qattus jaħsel wiċċu lejn fejn ikun ġej ir-riħ.
Il-qtates ikunu jafu meta jkun ġej il-maltemp għax iħossuh.
Għal ratal laħam ma jaqbilx tixtri baqra.
Fiż-żwieġ is-sitwazzjonijiet diffiċli huma ħafna iżjed komuni minn dawk faċli, mela tagħżilx lil martek jew żewġek skont l-apparenza biss.
Ħmar tajjeb jinbiegħ f’pajjiżu.
L-imħabba sibha ma’ xi ħadd li jkun mill-istess raħal tiegħek, ikollok inqas problemi.
Ir-raba’ tax-xtut bħal-leħja tal-utut.
L-għelieqi ta’ ħdejn il-baħar ftit li xejn ikunu għammiela. Utut tfisser bdabad.
L-ewwel li trid tagħmel ħbieb mal-kelb.

Is-simna sabiħa f’debba, aħseb u ara f’xebba.
Tfajla mibruma hija tfajla sabiħa.
Li fis-sajf iġġorr in-nemla, fil-ħarifa tkaxkru l-ħamla.
Inti taħdem u tistinka biex tfaddal, u l-membri ingrati ta’ familtek iberbqulek kollox. Il-ħamla huwa dak kollu li jġorr miegħu l-ilma meta tagħmel ħafna xita.
In-naħal issibu fejn hemm l-għasel.
Fejn hemm il-ġid kulħadd irid biċċa.
In-naħal jaħdem u r-reġina tieħu l-ġieħ.
Il-ħaddiema jaħdmu u jbatu u ta’ fuqhom igawdu l-frott ta’ xogħolhom.
Għasfur li daħal fix-xibka għadu qawwi sa ma jibqa’.
Fejn hemm il-ħajja għad hemm it-tama li l-affarijiet jitranġaw.
Ir-ragħa fil-ġbiż ma jsemminx.
Jekk fl-għalqa ma jkunx hemm ħaxix, il-bhejjem ma jkollhomx fejn jirgħaw u jismnu. Ġbiż tfisser għalqa li tkun diġà nħartet.
Mill-għira taħbel il-ħanżira.
L-għira tant hi qawwija li ġġegħelna naħsbu u naraw affarijiet li ma jkunux veri.
Għasfur li daħal f’xibka qawwi li joħroġ minnha.

Iddoqq lill-għarusa biex tiżfen il-qattusa.
In-nies jippruvaw iġegħluk temmen li qed jagħmlu xi ħaġa għal skop, mentri fil-verità jkollhom skop ieħor f’moħħhom.
It-tfal xogħol tal-ħmar.
Kulħadd jaf jagħmel it-tfal, iżda mhux kulħadd jaf irabbihom sew.
Min jisraq bajda jaf jisraq tiġieġa.
Min jagħmel ftit ħsara, imbagħad jagħmel ħsara akbar.
It-trill / il-majjal ixtrih fix-xhur tal-erre.
It-trill/il-majjal ikun tajjeb biss fix-xhur li m’għandhomx l-ittra “r” fihom (= Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu).
Bufula kiel nemusa, farfar rixu u telaq jgħanni.
Min hu injorant faċli ħafna tikkuntentah.
Id-dinja turik id-debba u tqabbiżlek il-ħmara.
Fil-ħajja nitqarrqu: inkunu qed nistennew ċerti affarijiet u minflok nieħdu sorpriżi oħra mhux mistennija.
Għasfur ġerrej fix-xibka jeħel qisu mhu xejn.
L-inkwiet iġġibux b’idejk.
Għasfur li jħobb jiġġerra, dur dur jinqabad.
L-inkwiet iġġibux b’idejk.
Għasfur li jħobb jiġġerra, jew għad jagħli jew jisferra.
L-inkwiet iġġibux b’idejk.
Jisbaħ bis-serduq u jisbaħ bla serduq.
Ħadd mhu importanti daqs kemm jaħseb fid-dinja.
L-għaqal sabiħ fuq id-debba, aħseb u ara fuq ix-xebba.
Tfajla għandha ġġib ruħha b’mod onest u tkun bil-għaqal biex tevita l-problemi.
Il-far il-mintuf issibu mixgħuf.
Min ikun għadda minn esperjenza ħażina joqgħod iżjed attent li ma jerġax jgħaddi minnha. Mixgħuf tfisser għandu xogħfa.
Ix-xita hdiet, kull tajra mxiet.
Ix-xita issa waqfet u kulħadd jista’ jkompli fejn ħalla.
Iz-zakak jaqbeż u jitfarfar iżda l-ħmiem iżoqq u jgargar.
Min ma jiżżewwiġx (= iz-zakak, tip ta’ għasfur) jgħaddi ħajja sabiħa, u min jiżżewweġ (= il-ħmiem, tip ieħor ta’ għasfur) għandu responsabbiltajiet u problemi biss.
Min iraqqad miegħu l-klieb, lill-briegħed jiftħilhom il-bieb.
It-tip ta’ kumpanija li tagħmilha magħha tinfluwenzak ħafna.
Kafè fin-nar wisa’ lill-far.
Dari kienu jemmnu li l-kafè kien iġib il-fell (ir-risq ħażin) fid-dar, bħall-far.
Min jagħmilha man-nuħħala t-tiġieġa tgerfxu.
Min jagħmilha ma’ nies ta’ karattru ħażin jitħawwad.
Fid-dinja m’hawnx ħmar fartas.
Peress li l-ħmar qatt ma jitlef xagħru, biċ-ċajt ngħidu li min jiqriegħ sinjal li qed isir għaref!
It-tiġieġa li tqaqi hi dik li tbid.
L-affarijiet mhux bil-kliem biss, iżda bil-fatti wkoll.
Meta l-qarnita ma ssibx aktar x’tiekol, iddur għal subgħajha.
Min ma jibqagħlux flus, ikollu jieħu minn ġewwa biex ikampa.
Min iħobb lill-kelb iħobb lil sidu.
Meta persuna ġġibilha rispett, iġġib rispett ukoll lil dawk ta’ madwarha.
Ja għasfur tbaħbaħ u nfela; waslet għalik ir-rebbiegħa, ladarba fl-art ix-xgħir mela.
Meta tasal ir-rebbiegħa, l-għasafar ikollhom fejn jinnamraw u jagħmlu l-bejta tagħhom.
Mitt xejn qatlu ħmar.
Ħafna affarijiet żgħar u ħżiena jagħmlu iżjed ħsara minn ħaġa waħda kbira u ħażina.
Nagħġa li ma ddurx ma tirgħax.
Min fid-dinja ma joħroġx u ma jimraħx, ma jsibx opportunitajiet u ma jiftaħx moħħu.
Jekk jiġi ma jiġix u jekk ma jiġix jiġi.
Jekk jiġi l-għasfur jeqridlek l-uċuħ tar-raba’, il-bejgħ ma jiġix; jekk l-għasfur ma jiġix jeqridlek l-uċuħ tar-raba’, il-bejgħ jiġi.
Nagħġa li ma taqtax bi snienha ma tagħtix ħalib.
Min ma jaħdimx u ma jistinkax imkien ma jasal.
Ġirja ta’ ħmar taqla’ sinslet id-dahar.
Mingħand nies injoranti ma tistax tistenna affarijiet intelliġenti.
Kull għasfur imur mar-riħ, biss il-bies imur kontrih.
L-għasafar kollha jmorru fid-direzzjoni tar-riħ minbarra l-bies.
Ġurdien xiħ ma jmissux il-ġobon.
L-esperjenza tal-ħajja tgħallmek tħaddem moħħok u tkun makakk.
Miet in-naħal u spiċċa l-għasel.
Meta s-sors li minnu taqla’ l-flus jispiċċa, ma taqlax iżjed flus.
Ħmar għama li ma jarax, il-bniedem li jara u ma jaqrax.
Min għandu l-ħila jitgħallem u ma jisfruttahiex, ma jkunx aħjar minn ħmar għami.
Parir ħudu mqar mingħand ħmar.
Tkunx supperv u parir ħudu mingħand kulħadd.
F’San Anard l-isponsun ma jmiddx saqajh l-art.
Fil-bidu ta’ Novembru tkun għadha l-passa tal-għasafar, iżda għan-nassaba xorta diffiċli jaqbduh l-isponsun. San Anard jiġi fis-6 ta’ Novembru.
Min jagħtik xewka, imbagħad jagħtik rizza.
Min jagħmillek ftit ħsara, imbagħad jagħmillek ħsara akbar; iqaflu mill-ewwel.
La n-naħla tmur fuq il-fjur, taħsir ma jkunx hemm żgur.
Il-fjuri li jmorru fuqhom in-naħal ikunu b’saħħithom.
L-ajru akbar mit-tajra.
Hemm sitwazzjonijiet li ma tistax tikkontrolla, għax huma ferm ikbar minnek.
L-andar bil-ħalel kbar jagħti lin-nies u lill-ħmar.
Bis-saħħa tad-dris il-bnedmin u l-annimali jkollhom x’jieklu. L-andar huwa l-qiegħa għad-dris.
L-għerienaq il-maltemp iqanqlilhom il-ġwienaħ.
Meta jagħmel il-maltemp, l-għasafar ibatu.
F’San Luqa ż-żara’ tinħeba fih l-għattuqa.
Jekk l-għattuqa jirnexxilha tistaħba wara l-qamħ, mela jkun kiber sew. San Luqa jiġi fit-18 ta’ Ottubru.
Imxi għal atar il-fenek u ssiblu l-bejta.
Biex issolvi problema darba għal dejjem, ara minn fejn hi ġejja. Atar huma t-traċċi.
L-għana mill-għanem u l-għanem iġib il-għana, jgħid ir-raħħal.
Il-flus (= għana) jiġu mill-merħla (= għanem) u tkanta bil-ferħ (= is-sens l-ieħor ta’ għana) bis-saħħa tal-merħla, skont ir-raħħala.
Meta fl-art jidħol il-gawwi, stenna riħ qawwi.
Meta l-gawwi jidħol jistkenn l-art, sinjal li ġej riħ qawwi.
Min jitħallat man-nuħħala t-tiġieġa tgerfxu.

Il-ħmar jekk ma tagħmillux il-kappestru ma ssuqux.
Lil min hu injorant jeħtieġ li tiggwidah inti biex jimxu l-affarijiet.
Post faktum rawta.
Il-ħażin issa sar u jiswa daqs rawta, jiġifieri ħmieġ tal-bhejjem. Post faktum hija fil-fatt post factum bil-Latin, jiġifieri wara li tkun saret l-azzjoni.
Mara ssaffar u tiġieġa tidden la żżommhomx id-dar.
Superstizzjoni: mara li ssaffar u tiġieġa li tidden iġibulek il-fell.
Il-ħmar xi daqqiet jitla’ mal-arblu.
Anke min ma tantx hu intelliġenti kultant jissorprendina.
Qabil il-bagħal aħrab minnu għax jew jigdmek jew jagħtik ix-xewka.
Il-ħażin aħarbu għax ħsara biss jista’ jagħmillek. Qabil il-bagħal tfisser ir-razza tal-bagħal jew il-bagħal taż-żunżan.
Qabil il-bagħal jagħti biż-żewġ jaf.
Il‑ħażin aħarbu għax ħsara biss jista’ jagħmillek. Qabil il‑bagħal tfisser ir‑razza tal‑bagħal.
Meta jiġu l-pluvieri jiġi l-maltemp.
Meta jiġu l-pluvieri, li huma għasafar tal-ispeċi Pluvialis squatarola, stenna l-maltemp.
Il-qattus għandu sebat erwieħ.
Il-qattus jgħix ħajja twila għax kapaċi jaħrab il-periklu.
Mergħa daqs difrejhom u raba’ kemm jaraw b’għajnejhom.
L-annimali għandhom bżonn spazji kbar fejn jirgħaw.
M’hemmx żiemel li jiġri wisq u ma sabx ieħor li għaddieh.
Dejjem ser issib xi ħadd aqwa minnek, tajjeb kemm inti tajjeb.
Fid-Duluri tmur il-bilbla u tiġi l-alwetta.
Għall-ħabta tad-Duluri, il-bilbla tisparixxi u tiġi l-alwetta (dawn żewġ tipi ta’ għasafar). Id-Duluri tiġi ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira.
Meta jispiċċa l-bettieħ, is-senduq jimla li fih għax il-bajd bil-għali jinbiegħ.
Lejn l-aħħar tas-sajf (= meta jibda jispiċċa l-bettieħ), dari kien jogħla l-prezz tal-bajd għax it-tiġieġa tkun diġà bdiet terfa’, jiġifieri tieqaf tbid il-bajd.
Meta l-baqra tilgħaq tintha, il-qamar ikun kwinta.
Superstizzjoni fejn kienu jemmnu li meta jkun qamar kwinta, tkun okkażjoni tajba biex tgħammar il-baqra. Tintha tfisser il-warrani tagħha.
Meta l-gawwi jkun jogħla flimkien, ikun ġej ir-riħ.

Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen.
Il-bidwi għandu jaħrat l-għalqa meta tkun mimlija ħaxix ħażin (= ix-xnien u n-nifel).
Liġġem żiemlek għax jarmik, liġġem ilsienek għax jgħallik.
Għandek dejjem toqgħod attent minn dak li tgħid għax jiddispjaċik (= tagħli), bħaż-żiemel li tliġġmu (= tlibbislu lġiem) biex ma jisfrattax u jarmik minn fuq dahru.
Meta l-gru jgħaddi fil-għoli, ikun ġej il-maltemp.
Meta tara l-gru (għasfur tal-ispeċi Grus grus) itir fil-għoli, sinjal li jkun ġej il-maltemp.
Qatt tqiegħed il-bajd kollu f’bixkilla waħda.
Ir-riskji li tieħu (finanzjarji, eċċ.) jew l-isforzi li tagħmel m’għandhomx imorru fuq ħaġa waħda. Dan biex jekk ħaġa waħda partikolari tmur ħażin, l-affarijiet l-oħra ma jkun ġralhom xejn.
Għal San Luqa fiż-żara’ tistaħba għattuqa.

Qawwi ssibha ħobla u tredda’ jekk ma tkunx fenka.
Diffiċli tagħmel ħafna affarijiet f’daqqa li ma jistgħux isiru flimkien. Qawwi tfisser rari.
Meta s-silla tkun m’ogħla l-ħitan, dik tkun is-sena tal-ħmar.
Meta s-silla tkun kibret ħafna u għoliet, il-bhejjem ikollhom x’jieklu.
Minn ġild il-bagħal mejjet tbiegħed u aktar u aktar jekk hu ħaj.
In-nies pezzakustjoni qis li taħrabhom.
Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Meta l-kelb jitmiegħek u l-ħmar jimraħ, jew l-irwiefen ittenna jew bix-xita għandek tifraħ.
L-imġiba tal-annimali turik x’tip ta’ maltemp qed tistenna – jew riħ qawwi, jew xita biex issaqqilek l-għelieqi.
Il-mard jidħol bid-debba u joħroġ bin-nemla.
Il-mard jiġi malajr u jdum biex jgħaddi.
Qattusa għaġġelija tagħmel ’l uliedha għomja.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl‑għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l‑għażla l‑ħażina.
Meta nibet il-ħaxix miet iż-żiemel.
Il-każijiet il-qorti tant idumu jkaxkru li sakemm jinqatgħu, min kellu raġun ikun laħaq miet.
L-għorab bi ħsieb oħrajn swied.
Ħu ħsieb l-inkwiet tiegħek u ħallik mill-inkwiet ta’ ħaddieħor.
Sa l-għasafar fil-bejta jkollhom xi jgħidu.
It-tilwim u l-ġlied huma komuni ħafna.
Meta l-kliem jitwal isir serp.
Il-ħafna paroli żejjed iwassal għal ħafna ġlied u mibegħda.
Meta qattus tara f’xi gallarija, għid li ħierġa x-xemx.
Il-qtates iħobbuha s-sħana tax-xemx u jmorru fiha meta toħroġ.
Meta taqa’ l-baqra jaqgħu s-skieken.
Meta titlef il-pożizzjoni ta’ awtorità li tkun fiha, dawk li mingħalik kienu ħbieb tiegħek jieqfu jirreċtaw.
L-ebda ħmar mhu fartas.
Hemm min jemmen li min hu qargħi iżjed għaref.
Meta t-tiġieġa tidden, oqtolha qabel toqtlok hi.
Superstizzjoni li tiġieġa li tidden iġġib ir-risq ħażin u jeħtieġ toqtolha qabel ma tagħmillek il-ħsara.
Meta tara l-ħuttaf tkun ġejja x-xita.
Meta tara l-ħuttafa (għasfur tal-ispeċi Hirundo rustica) lesti ruħek għax-xita u mur stkenn.
Meta tara l-qattus jitmiegħek tinsiex tieħu l-kabozza miegħek.
Meta tara l-qattus jitmiegħek sinjal li tkun ġejja x-xita. Kabozza hija tip ta’ kowt.
M’hemmx żiemel li jimxi wisq u ma sabx ieħor li għaddieh.

Min ma setax għall-ħmar, dar għall-berdgħa.
Min ma jirnexxilux jagħmillek azzjoni ħażina, idur għal xi ħadd jew xi ħaġa li tħobb. Berdgħa hija dik li tpoġġi bilqiegħda fuqha meta tirkeb fuq iż-żiemel.
Meta t-tiġieġ imorru fuq in-nuħħala jgerfxuha.
Xi nies jaqilgħu l-inkwiet kull fejn imorru.
Stenna, ja ħmar, sa ma tiġi r-rebbiegħa.
Ix-xorti ħażina li messet lili llum u li qed tgħaddini biż-żmien biha, għad tiġi fuqek ukoll fil-futur.
Qattus u ġurdien qatt ma nstabu flimkien.
Nies b’natural u karattru differenti ħafna ma jaqblu qatt.
Min għandu n-naħal għandu r-riħ, min għandu n-nagħaġ għandu l-ġild.
Idaħħal iżjed flus min irabbi n-nagħaġ minn min irabbi n-naħal.
Min idaħħal il-lifgħa f’kommtu ttemmu.
Min imur ifittex l-inkwiet, isibu u jbati ħafna.
Minn fejn tkun ġejja n-nemla, flus ikun fiha l-ġebla.
Il-flus u l-ġid ta’ xi ħadd minn xi mkien żgur li jkunu ġejjin.
Tagħlaqx il-bieb tal-istalla meta ż-żiemel ikun ħarab.
Tiħux azzjoni meta jkun tard wisq, aħsiblu minn qabel.
Meta l-fellus jonqob qabel iż-żmien, ħajtu ma fihiex tmiem.
Meta l-fellus ifaqqas (= jonqob) qabel iż-żmien, ħajtu ma tkunx twila. Qawl li jgħodd ukoll għat-trabi ta’ dari.
It-tiġieġa hi u tixrob tiżżi ħajr ’l Alla.
Il-ħolqien kollu huwa rikonoxxenti għal dak li tah Alla.
Tagħmilx zalza qabel ma taqbad il-ħut.
Titwebbilx li se jkollok xi ħaġa qabel ma tassew tiksibha.
Għawdxi żokrati l-gremxul ħasbu kavati.
L-Għawdxin rgħiba ħafna. Kavati tfisser ftira.
Min irabbi l-klieb ma jkunx raġel tal-ħsieb.
Min irabbi l-klieb ma jkollux inkwiet, mhux bħal min irabbi t-tfal.
Għorb u ċawl ma jġibu ebda risq.
Min ir-regħba qiegħda ġo fih jinbidilx.
Meta l-volpi ma kienx jilħaq l-għeneb, qal li kien qares.
Min ma jkunx jista’ jikseb xi ħaġa jmaqdarha.
Iċ-ċawl u l-għorab jiekol u ma jitma’.
Dawn l-għasafar jieklu u jiġbdu lejhom biss, bħal min hu xħiħ.
Naħfer ta’ Nisrani u ninsa ta’ ħmar.
Aħfer lil min jagħmillek il-ħsara iżda tkunx iblah.
Mogħdija ta’ għasafar kbar sinjal li ġej il-maltemp.
Meta tara l-għasafar kbar jittajru sinjal li jkun ġej il-maltemp dalwaqt.
Nagħġa biż-żgħar, lesti turtiera u n-nar.
Il-laħam tal-ħaruf huwa apprezzat ħafna.
Nhar il-Lunzjata tiġi l-bilbla u tmur l-alwetta.
Għall‑ħabta tal-Lunzjata, l-alwetta tisparixxi u tiġi l‑bilbla (dawn żewġ tipi ta’ għasafar). Il-bilbla tagħmel Malta minn Marzu sa Ottubru u l-alwetta tpassi fil-ħarifa. Il-Lunzjata tiġi fil-25 ta’ Marzu.
Tfajla li titwieled nhar ta’ Ġimgħa fl-istess jum il-kelb jigdimha.
Superstizzjoni fejn min jitwieled nhar ta’ Ġimgħa — jum assoċjat ma’ risq ħażin — ikollu ħajja mimlija diżgrazzji.
Passa alwett, passa lampuki.
Meta jpassi l-alwett (għasfur tal-ispeċi Alauda arvensis), ipassu wkoll il-lampuki.
Nhar San Girgor il-kaboċċi tiha lill-ħmar.
Sal-festa ta’ San Girgor, il-kaboċċi ma jkunux għadhom tajbin għall-ikel. San Girgor jiġi fit-12 ta’ Marzu.
Nhar San Ġużepp jidher il-buqrajq.
Lejn il-festa ta’ San Ġużepp, jibda jidher il-buqrajq (għasfur tal-ispeċi Caprimulgus europaeus). San Ġużepp jiġi fid-19 ta’ Marzu.
Nies jew ħut kulħadd imut.
Kulħadd u kollox imut, dak hu ċ-ċiklu tan-natura.
Sabiħ il-ħamiem għax jagħmel il-beċċun.
Ċerti affarijiet ikunu sbieħ għax irendulek il-flus.
Nhar San Mikiel l-alwetta tidher xi mkien.
Għall‑ħabta tal-festa ta’ San Mikiel, l‑alwetta (tip ta’ għasfur) tkun għadha tidher. San Mikiel jiġi fid-29 ta’ Settembru.
Risq fil-ħamiem, bini bla tmiem.
Superstizzjoni li jekk trabbi l-ħamiem f’darek iġiblek ir-risq fil-familja.
Tgħoddx il-flieles qabel ma jfaqqsu.

Min jaħrat bil-ħmir ma jiħux qoton.
Titlobx l-għajnuna ta’ min hu injorant għax xejn ma tieħu.
Kien xħiħ iqis u jkejjel, biex ħaduh il-bhejjem u hemm ħallewh għal dejjem.
Li tkun xħiħ ma jservi għalxejn, għax trid tmut bħal kulħadd u kollox warajk tħalli. Ħaduh il-bhejjem tfisser li ġibduh il-bhejjem fuq il-karru tal-mejtin, kif kienu jagħmlu dari.
Naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema.
Min ikun fil-poter ma jagħtix kas lil min mhux tal-kalibru tiegħu, bl-istess mod li ħadd ma jagħti kas ta’ min hu bla influwenza jew injorant.
Min jaħsel ras il-ħmar jaħli l-ilma u s-sapun.
Tippruvax tgħallem bniedem injorant għax ma jitgħallem qatt.
Orbot il-ħmar fejn jgħidlek sidu.
Agħti widen lill-istruzzjonijiet li jagħtuk.
Tagħti fellus biex tieħu dundjan.
Impossibbli li tagħti ftit u tieħu ħafna.
Qafas miftuħ, għasfur mejjet jew għasfur tar.
Fejn ma jkunx hemm l-awtorità, kulħadd jagħmel li jrid, bħal meta tħalli l-gaġġa tal-għasafar miftuħa.
Nagħġa maħmuġa ma tistax tkun minsuġa.
In-nies imħarbtin ma jsibux xortihom fiż-żwieġ, bħal meta ma tkunx tista’ tuża suf maħmuġ meta tinseġ.
Qatt taħqar jew tmaqdar lil ħadd; ftakar li l-iċken insett iħoss u l-aktar farka żgħira tagħmel id-dell tagħha.
Meta taħqar bil-kliem, anke jekk ftit, tkun qed tweġġa’ lil dak li jkun u tħalli effett ħażin fuqu.
Mewt ix-xħiħ bħal dbiħ il-ħanżir, il-werrieta ferħana se ttir.
Il-mewt ta’ min hu xħiħ iġġib magħha l-ferħ, hekk kif il-werrieta jsibu x’jirtu wara mewtu.
Min iħobb mara u ħmara, wiċċ Alla qatt ma jara.
Il-bidwi, minflok iħobb lil Alla, kien jispiċċa jħobb lil martu u l-ħmara tiegħu aktar.
Sawt il-fart ineħħi l-mard.
Il-korruzzjoni tiġi miġġielda permezz ta’ kastigi ħorox, bħal meta l-fart jaqla’ s-swat mingħand sidu.
Tindukrax ħut bil-qattus.

Serp imdawwar ma’ tengħuda għaks fuq għaks.
Il-bidwi li fl-għalqa jsib is-sriep velenużi u t-tengħud (pjanta velenuża tal-ispeċi Euphorbia), ikun xortih ħażina ħafna.
Turi d-debba u tqabbeż il-ħmara.
L-ewwel tgħid li se tagħmel ħaġa, imbagħad tagħmel xi ħaġa oħra.
Waddab il-ħaġra qabel il-kelb.
Kun makakk u lill-għedewwa tiegħek għamlilhom xi distrazzjoni biex ma jindunawx x’inti tagħmel u tasal fejn tixtieq.
Ras bla ħsieb torqod mat-tiġieġ u tqum mal-klieb.
Min m’għandux inkwiet fuq moħħu jorqod kmieni u jqum tard.
Tfal u bhejjem għali dejjem.
Dari l-familji kienu jbatu mhux biss biex irabbu l-bhejjem, iżda wkoll it-tfal.
Tiddinx qabel jisbaħ.

Tgħaddix bi ħmar lil ħuk għax int l-iżjed qaribu.
Tmurx tgħid kontra qrabatek man-nies, għax inti mill-istess familja ġej u n-nies jassoċjawk magħha.
Sa għonqu fl-ilma u jrid jidden.
Għandu ħafna problemi u xorta waħda jrid jagħmel l-arja.
Tiġieġa tal-furmarija jekk ma jmisshiex filgħodu, jmissha filgħaxija.
Kulħadd irid imut xi darba jew oħra. Il-furmarija tfisser l-isptar.
Taf x’qal il-baruni? “Mal-ħmar m’hemmx raġuni!”
Ma’ min ma jridx jitgħallem ma tistax tirraġuna.
Taħfer ta’ Nisrani, tinsa ta’ ħmar.
Li timxi mal-prinċipju Nisrani li taħfer lil min ikun għamillek xi deni ma jfissirx li tkun iblah u li fil-futur ma toqgħodx attent minnu.
Min iħallas qabel ħut jinten jiekol.
Tħallasx wisq flus minn qabel għal dak li tkun ordnajt għax ix-xogħol ma jagħmluhulekx sew.
Tiġieġa miblula mhix tajba għal qroqqa.
Min hu għażżien aħjar ma jiżżewweġ xejn, għax tbati l-familja kollha.
Taħsilx ras il-ħmar b’sapun ifuħ.
Taħlix ħinek mal-injorant li ma jridx jitgħallem.
Santa Tereża, il-bidwi jsuq il-ħmar bin-niggieża.
F’Ottubru l-bidwi għandu jaħrat l-għalqa kemm jiflaħ biex ir-raba’ jrendi. Santa Tereża tiġi fis-16 ta’ Ottubru.
Twelid f’Santa Marija jiġi msejjaħ għat-tiġrija.
F’Għawdex, it-tiġrijiet tal-bhejjem isiru nhar Santa Marija. Santa Marija tiġi fil-15 ta’ Awwissu.
Żiemel rett jitla’ r-rampa; żiemel sfrattat itajjar ix-xedd.
Żiemel b’saħħtu u ddixxiplinat jaħdem aħjar minn żiemel strattat. Ix-xedd huwa n-nagħal taż-żiemel.
Żmien il-ħaruf l-ixkora tal-patata tibda tħuf.
Kulħadd jiekol iżjed patata mal‑ħaruf fi żmien l‑Għid.
Zokk ta’ ħmar, għama li ma jarax, il-bniedem li jara u ma jaqrax.
Min għandu l‑ħila jitgħallem u ma jisfruttahiex, ma jkunx aħjar minn ħmar għami.
kategorija
l-annimali
Tibla’ ljunfant u tixraq f’nemusa.

Il-qwiel kollha, f’post wieħed.