il-kliem
Il-kliem jgħaqqad u jifred.
Aħjar bid-dliel milli bil-herra.
Bil-kelma t-tajba tasal iżjed milli bis-suppervja.
Aħjar id-dliel mill-herra.
Bil-kelma t-tajba tasal iżjed milli bis-suppervja.
Aħjar karba minn kelma.
Aħjar tieħu paċenzja u tigdem ilsienek.
Aħjar kelma nieqsa minn kelma żejda.
Aħjar tieħu paċenzja u tigdem ilsienek.
Aħjar l-ewwel tisma’ mbagħad tgħid.
Isma’ dak li għandu xi jgħid ħaddieħor qabel tgħid tiegħek.
Aħjar mitt għama minn wieħed zopp.
Aħjar bniedem għami għax ma jistax jara biex jikkummenta.
Aħjar tagħti milli twiegħed.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Aħjar tiżloq b’riġlejk milli bi lsienek.
Kelma żejda agħar milli tweġġa’ fiżikament.
Aktar ibaqbaq inkella jinżel.
Aktar għandu paroli milli fatti.
Anqas ma tgħid, aħjar.
Dak li ma tgħidx ma jistax jintuża kontrik.
Aqwa l-baqgħa mil-laqgħa.
Ftehim bil-fomm għandu jinżamm daqs ftehim bil-miktub.
Argument bla pedament jaqa’ dikment.
Biex argument irieġi jrid ikun sod.
Asaħħ kelmet il-Malti minn ħalfet is-sultan.
Il-Maltin iżommu kelmthom.
Bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Bejn il-kliem u l-fatti hemm raġel b’xiber mustaċċi.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Bejżu bejżu titħan modd, ħarra ħarra ma titħanx kejla.
Aħjar tieħu lil dak li jkun bil-kelma t-tajba.
Beżqa mibżuqa milgħuqa ma tkun qatt.
Il-kliem li tgħid ma tkunx tista’ terġa’ lura minnu.
Bil-jekk u bil-jewwilla ma timla ebda bixkilla.
L-affarijiet isiru bil-fatti mhux bil-paroli.
Bil-kliem biss ma nagħmlu xejn.
Ma jsirx xogħol bil-paroli.
Bil-kliem u s-sliem tasal kullimkien.
Jekk tkun edukat man-nies tasal fejn trid.
Bil-kliem żejjed tiżbalja tista’.
Aħsibha sew qabel tgħid xi ħaġa.
B’kelma ġġib il-kliem u tkeċċi s-sliem.
Kelma żejda jaf toħloq il-problemi.
B’qatra għasel taqbad iżjed dubbien milli b’mitt barmil ħall.
Bil-kelma t-tajba jirnexxilek iżjed tikkonvinċi lil dak li jkun.
Dak li jħobb jixrob l-ilma ma jagħletx fil-kelma.
Min joqgħod attent xi jgħid jagħmel sew, bħal meta xi ħadd ma jitkellimx għax ikollu l-ilma f’ħalqu. "Ma jagħletx" tfisser "ma jiżbaljax", minn għelt (żball).
Daqqa b’qasba tagħmel ħoss imma le tweġġa’.
Il-paroli fil-vojt u l-ftaħir m’għandhomx valur.
Daqqa ta’ frosta tagħmel tbenġila u daqqa ta’ lsien tagħmel tifrika.
Il-kliem kapaċi jweġġa’ ħafna iktar mid-daqqiet.
F’ħalq magħluq ma jidħolx nemus.
Min ma jgħid xejn jevita l-inkwiet.
Għedt kelma u swietli mija, li m’għedt xejn swietli mitejn.
Qis kliemek u tgħidx iżjed minn kemm imissek.
Għedt kelma u swietli mija, li m’għedt xejn aħjar għalija.
Qis kliemek u tgħidx iżjed minn kemm imissek.
Ġie waqt aqwa l-baqgħa mil-laqgħa.
Ftehim bil-fomm (= il-baqgħa) għandu jinżamm daqs ftehim bil-miktub.
Ħaġa li ma tixraqx tagħmilhiex u kelma li tisma’ d-dar la ttennihiex.
Ġib ruħek tajjeb u qis kliemek, tikxifx dak li jingħad id-dar.
Ħelu fil-fomm u qares fis-sorm.
Hemm min għandu ħafna kliem sabiħ, iżda minn ġewwa jkun ikrah ħafna.
Ħelu tittiekel, morr tinbeżaq.
Mingħand in-nies taqlagħha dejjem fuq rasek, tagħmel x’tagħmel.
Il-barri jintrabat minn qrunu u l-bniedem minn kelmtu.
Bniedem rispettabbli ma jerġax lura minn kelmtu, għax li jkun qal ikun qalu b’intenzjoni.
Il-bniedem jinkixef minn kliemu.
Bil-kliem jinkixfu l-intenzjonijiet ta’ dak li jkun.
Il-bniedem tagħrfu minn wegħditu.
Bniedem afdah skont kemm iżomm kelmtu.
Il-bniedem temminx diskorsu imma għemilu, għax għemilu huwa żgur.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Il-bniedem tikxfu minn għewiedu.
Bniedem tkun taf x’inhu minn azzjonitu, mhux kliemu. Għewiedu tfisser l-għewied tiegħu - għewied huwa l-plural ta’ għada, kelma oħra flok drawwa.
Il-fart jintrabat minn qrunu u r-raġel minn kelmtu.
Bniedem rispettabbli ma jerġax lura minn kelmtu, għax li jkun qal ikun qalu b’intenzjoni.
Il-fomm jiftar il-qalb.
Minn kliemu l-bniedem tinduna x’hemm f’qalbu. Jiftar hawn tfisser jikxef.
Il-gendus jintrabat minn qrunu u r-raġel minn kelmtu.
Bniedem rispettabbli ma jerġax lura minn kelmtu, għax li jkun qal ikun qalu b’intenzjoni.
Il-hejm u l-ħlewwa jegħlbu d-dnewwa.
Tikkonvinċi lin-nies iżjed malajr bil-ħlewwa milli bl-aggressività. Hejm tfisser persważjoni u dnewwa tfisser vjolenza.
Il-kaħli, jekk tisma’ kliemek, ma tmigħekx ma’ xliefek.
Meta ma tgħid xejn jirnexxilek iżjed tasal fejn trid. Il-kaħli tip ta’ ħuta li titgerrex ħafna.
Il-kelma agħlaq f’qalbek u tħallihiex toħroġ.
Kelma li tista’ ġġib lilek jew lil ħaddieħor fl-inkwiet, żommha għalik.
Il-kelma faħxija bħal triq waħxija.
Il-kliem ħażin minnu ikrah, u ma jagħmilx ġieħ lil min jgħidu.
Il-kelma toħroġ mis-sinna u timla dinja.
Il-kliem li tgħid ma tkunx tista’ terġa’ lura minnu.
Il-kelma t-tajba tmiss il-qalb.
Bil-ġentilezza jirnexxilek tieħu li trid mingħand xi ħadd.
Il-kliem bħaċ-ċirasa, terfa’ waħda, ittella’ qoffa.
Kelma ġġib oħra, u minn ftit kliem tispiċċa tagħmel diskursata sħiħa.
Il-kliem bħaċ-ċirasa, waħda ġġib l-oħra.
Kelma ġġib oħra, u minn ftit kliem tispiċċa tagħmel diskursata sħiħa.
Il-kliem faħxi f’kull widnejn waħxi.
Il-kliem ħażin minnu ikrah, u ma jagħmilx ġieħ lil min jgħidu.
Il-kliem fieragħ ma jimliex l-imtieraħ.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid. Imtieraħ huwa l-plural ta’ mitraħ (= saqqu).
Il-kliem ikarkar u l-eżempju jkaxkar.
Dak li tagħmel jinfluwenza iżjed lil ħaddieħor mill-kliem.
Il-kliem il-mistur nofsu maħfur.
Meta tgħid jew tagħmel xi ħaġa ħażina, ara li ma terġax biex dak li tkun għamilt jew għedt jintesa bil-mod il-mod.
Il-kliem itir u l-kitba tibqa’.
Il-kitba mhix astratta bħall-kliem, mela oqgħod attent x’tikteb u x’tiffirma f’ismek għax ’il quddiem jaf jiddispjaċik.
Il-kliem jintrebaħ bil-għana ta’ kull min ikun bih, bħad-duħħan jintrebaħ mar-riħ.
Hemm ħafna modi u metodi biex tmur fuq xi ħadd li jkun jogħġbok u tibda konverżazzjoni!
Il-kliem la ġġerrih ħalli n-nies ma tgħidx bih.
Tkunx dik il-persuna li taqla’ l-qlajjiet fuq in-nies.
Il-kliem minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ.
Tista’ mhux tgħid, għax min ma jridx jagħti kasek mhux ser jisma’ minnek.
Il-kliem qabel tgħidu qisu u iżnu.
Aħsibha sew qabel tgħid xi ħaġa.
Il-kliem żejjed qatt ma sewa flus.
Il-paroli fil-vojt ma jiswa xejn u ħsara biss jagħmel.
Il-miktub fis-sema ma jħassru ħadd.
Il-kitba mhix astratta bħall-kliem, mela oqgħod attent x’tikteb u x’tiffirma f’ismek għax ‘il quddiem jaf jiddispjaċik.
Il-miktub magħruf.
Il-kitba mhix astratta bħall-kliem, mela oqgħod attent x’tikteb u x’tiffirma f’ismek għax ‘il quddiem jaf jiddispjaċik.
Il-patt jegħleb l-att.
Dak li jitniżżel bil-kitba huwa dejjiemi, mhux bħall-kliem.
Ilsien herrież isħqu bil-mehrież.
Tweġġa’ lil ħadd bi lsienek, u bl-istess mod evita lil min iweġġgħek bi lsienu. Herrież tfisser niggieżi.
In-nies ilsienhom tal-labar.
Ilsien in-nies iniggeż.
Isma’ bilfors u emmen jekk trid.
Ikollok tisma’ bilfors, iżda f’idejk temminx dak li tisma’.
Isma’ ħafna u agħmel l-aħjar.
Isma’ x’għandu xi jgħid kulħadd u wara asal għall-aħjar konklużjoni possibbli.
Isma’ kliem in-nies u agħmel rajk.
Isma’ x’għandu xi jgħid kulħadd u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Isma’ kollox u agħmel li trid.
Isma’ x’għandu xi jgħid kulħadd u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Isma’ ż-żewġ qniepen qabel taqtagħha.
Isma’ x’għandhom xi jgħidu ż-żewġ naħat u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Is-sultan ilsir ta’ kelmtu.
In-nies tal-affari tagħhom jagħtuk kelma u jżommuha.
It-tiġieġa li tqaqi hi dik li tbid.
L-affarijiet mhux bil-kliem biss, iżda bil-fatti wkoll.
Jekk ma tikolx it-tewm, ma ġġibx riħet it-tewm.
Jekk toqgħod attent xi tgħid, ma ddejjaq lil ħadd bi kliemek.
Jekk tgħid li trid, ikollok tisma’ milli ma tridx.
Jekk bi toqgħodx attent bi kliemek, ikollok tbati r-reazzjoni ta’ ħaddieħor.
Jekk tgħid tarra u jekk ma tgħidx tiżgarra.
Taqlagħha jekk tgħid, u taqlagħha wkoll jekk ma tgħid xejn.
Jekk u kieku xejn ma fihom x’nixtiequ.
B’ħafna paroli fil-vojt u indeċiżjoni ma tasal imkien.
Kelma bejn tnejn; bejn tlieta, mnejn sa fejn.
Tnejn min-nies kapaċi jżommu sigriet, minn tlieta ’l hemm kulħadd isir jaf.
Kelma drabi ġġib il-kliem u tkeċċi s-sliem.
Il-kliem żejjed jaf joħloq l-inkwiet.
Kelma f’waqtha tiswa mija.
Jiswa ħafna meta tgħid il-ħaġa t-tajba fil-mument it-tajjeb.
Kelma ġġib lill-oħra, kelmtejn iġibu l-kliem, il-kliem iqanqal ġlieda u dlok jikser is-sliem.
Il-kliem żejjed joħloq l-inkwiet.
Kelma li toħroġ mill-fomm ma terġax tinġabar.
Ladarba tgħid kelma ma tistax tiblagħha lura.
Kelma li toħroġ mis-sinna timla dinja.
Ladarba tgħid kelma ma tistax tiblagħha lura.
Kelma mal-ħbieb xorrox fil-qlieb.
Ladarba tgħid kelma ma tistax tiblagħha lura. Qlieb huwa l-plural ta’ qaleb.
Kelma sewwa ssewwi dinja u kelma belha tgħarraq dinja.
Il-kliem jagħmel ġid daqs kemm jagħmel ħsara.
Kelma żejda fuq ġieħ issir mitħna tar-riħ.
Ladarba tgħid kelma ma tistax tiblagħha lura.
Kieku l-kliem kien ġawhar, is-skiet aħjar minnu.
Is-skiet fih iżjed preġju mill-kliem.
Kieku, jew u jewwilla ma jimlew ebda bixkilla.
B’ħafna paroli fil-vojt u indeċiżjoni ma tasal imkien.
Kliem fieragħ ma jimliex imtieraħ.
Il-paroli fil-vojt ma jiswa xejn. Imtieraħ huma saqqijiet.
Kliem ftit għal min jifhem.
Min irid jifhem m’hemmx għalfejn ħafna paroli miegħu.
Kliem ma tridux jixxerred, tgħidux.
Jekk ma tridx li dak li tgħid jinxtered, tgħid xejn.
Kliem sigriet la għali u lanqas inkwiet.
Jekk għandek sigriet żommu, sabiex tevita l-inkwiet u ma jiddispjaċikx.
Kliemek tiegħmu sew qabel tlissnu.
Jekk toqgħod attent xi tgħid, ma ddejjaq lil ħadd bi kliemek.
La tgħidx kulma taħseb u la turix kulma taf.
Tippruvax turi kemm inti għaref għax malajr toħroġ ta’ prużuntuż jew iqabbduk tagħmel xi biċċa xogħol li ma kontx qed tistenna.
La tħallix ilsienek jaqtagħlek grieżmek.
Oqgħod attent xi tgħid għax tiġi fl-inkwiet.
La tinbagħadx għal ilsienek.
Oqgħod attent xi tgħid għax tispiċċa mibgħud minn kulħadd.
L-arloġġ tiegħi darba jdoqq.
M’iniex ser nirrepeti dak li diġà għedt.
L-ewwel isma’, imbagħad tkellem.
Isma’ x’għandhom xi jgħidu l-oħrajn u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Li kien il-kliem ġawhar, is-skiet isbaħ minnu.
Is-skiet fih iżjed preġju mill-kliem.
Li tagħmel daqqa ta’ pinna ma tħassrux daqqa ta’ fies.
Kuntratt jorbtok u ma tħassrux malajr.
Liġġem żiemlek għax jarmik, liġġem ilsienek għax jgħallik.
Għandek dejjem toqgħod attent minn dak li tgħid għax jiddispjaċik (= tagħli), bħaż-żiemel li tliġġmu (= tlibbislu lġiem) biex ma jisfrattax u jarmik minn fuq dahru.
L-ilsien bla għadam iżda jxoqq l-għadam.
L-ilsien iweġġa’ ħafna.
L-ilsien fih il-melliesa u n-niggieża.
L-ilsien kapaċi juri l-ħlewwa (= il-melliesa) kif ukoll il-kattiverja (= in-niggieża).
L-ilsien fuq id-darsa li tuġa’ jmur.
Kulħadd il-problemi u l-uġigħ tiegħu jara u jsemmi.
Ma nsilekx biex ma ssilnix.
Ma nagħmilx ftehimiet legali bil-miktub miegħek biex ma jkollix obbligi lejk. Ma nsilekx tfisser ma ndejnekx, u ma ssilnix tfisser ma nkux obbligat.
Meta l-kliem jitwal isir serp.
Il-ħafna paroli żejjed iwassal għal ħafna ġlied u mibegħda.
Meta m’intix mistoqsi titkellimx.
Tgħid xejn jekk ħadd ma saqsiek xejn.
M’għandekx tisma’ qanpiena waħda.
Isma’ x’għandu xi jgħid kulħadd u wara asal għall-konklużjoni tiegħek.
Mill-kelma t-tajba għall-ħażina m’hemm xejn.
Bil-herra qatt ma tieħu xejn, mela jaqbillek dejjem tieħu lil dak li jkun bil-ħlewwa.
Mill-kliem għall-fatti hemm raġel b’xiber mustaċċi.
Dak li tagħmel jgħodd, mhux dak li tgħid.
Min għandu ħalqu jgħid li jrid.
Kulħadd jgħid ħafna xorti, allaħares toqgħod tagħti kas.
Min għandu lsienu f’ħalqu jgħid li jrid.
Kulħadd jgħid ħafna xorti, allaħares toqgħod tagħti kas.
Min għandu lsienu jgħid li jrid.
Kulħadd jgħid ħafna xorti, allaħares toqgħod tagħti kas.
Min jgħid li jrid ikollu jisma’ milli ma jridx.
Min jitkellem mingħajr ma jiżen kliemu, ikollu jisma’ kliem xejn sabiħ mingħand ħaddieħor.
Min jgħid wisq ftit fih risq.
Min jitkellem ħafna u bl-addoċċ iġib l-inkwiet.
Min jgħid wisq jagħlet.
Min jitkellem ħafna u bl-addoċċ jiżbalja (= jagħlet).
Min jimxi bil-brejku ma jasal imkien.
Min ma jesprimix ruħu ċar u tond, ma jwassalx il-messaġġ u ma jirnexxix. Il-brejku huwa lingwa sigrieta li ma jifhimha ħadd.
Min jobżoqha jkollu jilgħaqha.
Kulħadd huwa responsabbli ta’ dak li jgħid, veru jew mhux.
Min jorbot bi lsienu ma jsibx xi jħoll bi snienu.
Meta tagħti kelma lil xi ħadd, jeħtieġ iżżommha.
Min ma jgħid xejn jgħid kollox.
Dak li jkun xorta jkun qed jagħtik risposta bis-skiet tiegħu.
Min ma jismax bil-kelma ma jismax bid-daqqiet.
Għalxejn tuża l-vjolenza biex tikkonvinċi lil xi ħadd.
Min ma jismax milli wieħed jgħidlu għall-ġid tiegħu b’rasu jdur.
Min jgħidlek xi ħaġa għall-ġid tiegħek agħti kasu għax jiddispjaċik.
Min ma jkellmekx tkellmux.
Min iħallik xi kwietek, ħallih bi kwietu.
Min mit-tiben jagħmel in-nar ma jiħux ħlief duħħan.
Il-paroli fil-vojt u l-ftaħir m’għandhomx valur.
Minn ħalqek għal ħobbok u minn ħobbok għall-art.
Superstizzjoni: jalla s-saħta li ħierġa minn ħalqek tinżel f’sidrek u fl-art, mhux tiġi fuqi.
Mis-sliem jiġi l-kliem u mill-kliem jiġu l-ħbieb.
Bil-kliem tagħmel ħbieb man-nies, iżda l-kliem iwassal għall-kunfidenzi żejda.
Mnejn toħroġ il-kelma toħroġ ir-ruħ.
Il-kliem li joħroġ mill-fomm għandu jkun veritier u onest.
Oqgħod attent li ma jkollokx tilgħaq dak li tobżoq.
Kulħadd huwa responsabbli ta’ dak li jgħid, veru jew mhux.
Pinna Maltija fejn il-barranin tiswa mija.
Għandna napprezzaw l-awturi u l-poeti Maltin ħafna aktar minn dawk barranin.
Qabel taqleb duq il-borma.
Kun af il-fatti qabel titkellem.
Qalb mimlija ġġiegħel il-fomm jitbewwaq.
Min ikollu ħafna inkwiet jew qalbu sewda jkollu bżonn jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd biex isib serħan jew kelma ta’ faraġ.
Qatt taħqar jew tmaqdar lil ħadd; ftakar li l-iċken insett iħoss u l-aktar farka żgħira tagħmel id-dell tagħha.
Meta taħqar bil-kliem, anke jekk ftit, tkun qed tweġġa’ lil dak li jkun u tħalli effett ħażin fuqu.
Qatt temmen kulma tisma’.
In-nies jgħidu ħafna xorti u mhux kollux ikun veru.
Qatt tqasqas fuq it-terz u l-kwart.
Toqgħodx tqasqas fuq in-nies.
Rajt il-bniedem għaraftu nofsu; kellimtu għaraftu kollu.
Il-bniedem minn kliemu tinduna x’tip ta’ persuna hu.
Rajt ma rajtx u smajt ma smajtx.
Dak li rajt u smajt żommu għalik u tgħid xejn lil ħadd biex ma tidħolx f’inkwiet.
Risposta f’waqtha tiswa mija.
Ir-risposta t-tajba fil-mument it-tajjeb tgħinek tirbaħ l-argument.
Sodd ħalqek bl-ilma u titkellem xejn.
Titkellem xejn u taqta’ figura aħjar.
Tisma’ għax bilfors u temmen jekk tkun trid.
Ikollok tisma’ bilfors, iżda f’idejk temminx dak li tisma’.
Tkellem bil-Malti jekk tridni nifhmek.
Tkellem ċar għax m’iniex nifhem x’qed tgħidli.
Tqila tassew li titkellem u ma tgħidx xi kelma żejda.
Ilsienna sikwit jiġri bina u jeħtieġ noqogħdu l-ħin kollu attenti minn dak li ngħidu.
Tweġiba ħelwa trattab il-korla.
Tweġiba bil-ġentilezza tikkalma r-rabja ta’ xi ħadd li jkun telagħlu.
Tweġibx qabel ma tkun mistoqsi.
Tgħid xejn jekk ħadd ma saqsiek xejn.
Waqqaf widnejk u orbot ilsienek.
Isma’ kollox iżda tgħid xejn.
Wieġeb biss għal dak li tkun mistoqsi.
Wieġeb biss għal dak li jkunu staqsewk u tagħtix informazzjoni żejda.
Wisq drabi l-fomm ifut il-qalb.
Minn dak li jgħid bniedem tinduna x’għandu f’qalbu. Ifut tfisser jittradixxi.
Wisq drabi l‑fomm jidħaq bil‑qalb.
Minn dak li jgħid bniedem tinduna x’għandu f’qalbu.
Xi darba kulħadd ikollu xi jgħid.
L-argumenti huma parti mill-ħajja, xi darba jew oħra jkollok tidħol f’wieħed.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.