it-tajjeb u l-ħażin
It-taqbida tal-bniedem mat-tajjeb u l-ħażin.
Agħder għax ma tafx fiex tiġi.
Kun qalbek tajba għax ma tafx min tiġi bżonn.
Agħlaq il-bieb qabel ma taħrab id-debba.
Ilqa’ għall-ħsara li tista’ ssir; wara jkun tard wisq.
Agħmel il-ġid u nsieh; agħmel id-deni u ftakar fih.
Ftakar fid-deni li tkun għamilt biex tpatti għal għemilek.
Agħmel is-sewwa u ħalli l-baħar iħabbat.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix trankwill.
Agħmel is-sewwa u tibża’ minn ħadd.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix trankwill.
Agħtini xortija u itfagħni l-baħar.
Meta xi ħadd ikun xortih tajba, anke fil-ħażin ma jbatix daqshekk.
Aħjar hekk inkella agħar.
Aħjar nieħdu paċenzja bil-ħażin li ġara, dejjem setgħet ġiet agħar.
Aħjar inkemmex wiċċi nkella nsewwed qalbi.
Jagħmillek iżjed ġid turi d-dwejjaq milli taħbihom.
Aħjar it-triq għax la fiha xewk u lanqas għollieq.
Jekk tkun ġust f’li tagħmel ma tidħolx f’inkwiet.
Aħjar tidħaq milli tibki.
Aħjar tieħu l-affarijiet biċ-ċajt meta jibdew sejrin ħażin.
Aħjar torqod fix-xemx taħraq inkella toqgħod fid-dell tal-ħażin.
Għalkemm mhux dejjem faċli, għandek tagħżel li tagħmel it-tajjeb.
Aħjar waħdek minn wensek.
Għalkemm mhux dejjem faċli, għandek tagħżel li tagħmel it-tajjeb.
Aħseb dejjem li l-hemm li temm lil ġarek jista’ jidħol f’darek.
M’intix speċjali, dak li jiġri lil ħaddieħor jista’ faċilment jiġri lilek.
Aħseb il-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.
Tafdax iżżejjed u ma titqarraqx.
Aktar tmut in-nies bix-xaba’ milli bil-ġuħ.
Iż-żejjed jagħmel ħsara daqs in-nieqes.
Armi l-ħażin u żomm it-tajjeb.
Qis li dejjem tagħżel l-aħjar.
Bagħal magħlub ibelgħen.
Aktar ma l-affarijiet jibdew ġejjin ħażin, aktar ikollok xortik ħażina.
Beritta ġġib lil oħra, kappell jgħodd ukoll.
Jekk joffrulek xi ħaġa tajba, ħudha.
B’ħabel jitgħallaq bniedem, b’ħabel isalva ieħor.
Dak li jagħmel il-ħsara lil persuna jista’ jagħmel il-ġid lil persuna oħra.
B’ħobża tagħmel mitt mil u b’mitt ħobża ma tagħmilx mil.
Meta kollox ikun miexi sew teħles malajr, iżda meta kollox jibda ġej bil-kontra, iddum ħafna iżjed.
Ċallas ballas min ikisser iħallas.
B’xi mod trid tħallas tal-ħsara li tkun għamilt.
Ċappa tin u tamal ma fihomx x’titqażżeż.
Twarrabx xi ħaġa tajba sempliċement għax tidher kerha.
Dak li baram lili, għada jista’ jiftel lilek.
Ħadd mhu speċjali, jista’ jiġrilek kull ħaġa li tista’ tiġri lil ħaddieħor.
Dak li jeħel fid-dras ma jxebbax.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Dak li jidħol mill-gerżuma ’l ġewwa kollu sewwa.
Bħalma l-bniedem jiekol biss ikel tajjeb, hekk ukoll jaf jagħżel it-tajjeb mill-ħażin.
Daqqa jmissek l-għadma u oħra l-laħma.
Fil-ħajja daqqa tiġik tajba u daqqa tiġik ħażina.
Darba fit-tant tmiss lill-Papa.
It-tajjeb u l-ħażin xi darba lil kulħadd jiġru, anke lin-nies importanti.
Dejjem ħares lejn min hu agħar minnek.
Ikkonsla, żgur hemm xi ħadd li f’ħajtu l-affarijiet sejrin agħar.
Denbu taħt il-blat; jitqanżaħ iżda ma jinqalax.
Jiġu ċirkostanzi fejn il-ħajja tagħtik wisq mill-agħar, u tagħmel x’tagħmel ma tkun tista’ teħles b’xejn mill-għawġ.
Dik iċ-ċajta kultant kulħadd iridha.
Li niċċajtaw huwa importanti sabiex fil-ħajja ma niffukawx fuq id-dwejjaq biss.
Din id-dinja għall-imxuma.
Fid-dinja trid taċċetta li hawn ħafna ħażin u dwejjaq. Imxuma tfisser dwejjaq.
Dnub mistqarr nofsu maħfur.
Huwa aktar faċli taħfer azzjoni ħażina jekk min għamilha jammettiha.
Drabi tajba xi tbeżbiża.
Tbeżbiża tajba għal azzjoni ħażina jkun hemm bżonnha.
Ebda warda bla xewk.
Is-sabiħ jiġi mal-ikrah fil-ħajja.
Erba’ bajtriet qatt ma wiżnu qantarejn.
L-isforzi biex wieħed jirranġa sitwazzjoni ħażina ma jkunux biżżejjed biex tinqaleb il-folja.
Fejn bidt, mur kul il-qanneb.
Issa li għamilt id-deċiżjoni l-ħażina, lesti ruħek biex tbati l-konsegwenzi.
Fejn hemm il-ħdura ssib l-ilma.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Fid-dinja ħadd mhu tassew kuntent.
Ma ssibx kuntentizza fid-dinja, kulħadd isib fuq xiex jilmenta.
Fid-dinja kollox frugħa; is-sabiħ filgħodu, filgħaxija tarah kruha.
Fid-dinja trid toqgħod attent għax id-dehra tqarraq bik.
Fid-dinja mhux dejjem ir-rebbiegħa.
Ma tistax tistenna li kollox imur tajjeb fil-ħajja.
Fid-dinja tagħmel il-ġid u jisfalek deni.
Mhux kulħadd japprezza l-ġid li tagħmel.
Fid-dinja tħobb ħaġa u tobgħod oħra.
Ma tistax tistenna li kollox imur kif tixtieq fil-ħajja.
Fil-bżonn jitħarrku r-riġlejn.
Meta jkollok bżonn xi ħaġa tieħu azzjoni.
Fil-ħajja gwerra l-ħin kollu.
Fil-ħajja dejjem hemm xi diffikultà x’tegħleb.
F’kollox issib it-tajjeb u l-ħażin.
Kull ħaġa għandha s-sabiħ u l-ikrah tagħha.
Ftakar dejjem f’min jagħmillek il-ġid.
Ftakar f’min xtaqlek u għamillek il-ġid, meta jkun fil-bżonn.
Ftira mimlija bl-għaġla iġri kulha, inkella tiqras.
Jekk għamilt xi żball għax ma qgħadtx attent, sewwih mill-ewwel qabel ikun tard wisq.
Ftit u tajjeb aħjar minn ħafna u ħażin.
Aħjar dak li għandu jsir, isir bil-mod u tajjeb.
Fuħħara li ġġelġel imxiegħra.
Il-ħażin, ħażin jibqa’. Fuħħara hija reċipjent u "imxiegħra" tfisser "imxaqqa".
Fuq tlieta toqgħod il-borma.
Ma’ kull ħaġa tajba jew ħażina li tiġri, stenna tnejn oħra!
F’waqtha raqqagħha jekk ma tridx terġa’ taqtagħha.
Jekk saret xi ħsara pprova sewwiha mill-ewwel biex ma tkomplix tikber.
Għal kull lagħqa għasel hemm bettija morr.
L-affarijiet sbieħ li jiġru fil-ħajja huma ftit meta tqabbel mal-affarijiet koroh kollha.
Għal kull niżla hawn telgħa.
Għal kull ħaġa ħażina hemm oħra tajba.
Għal tal-aħħar is-swat.
Tal-aħħar dejjem jieħu mill-agħar.
Għam il-baħar kollu u għereq fir-ramla.
Kien sejjer tajjeb, sakemm żgarra fl-aħħar naqra.
Għan-niżla kull qaddis jgħin.
Meta ma jkunx hemm problemi kollox jimxi sew.
Għar-raġuni m’hemmx forza.
L-affarijiet għandhom isiru sew mingħajr aspettattivi kbar.
Ġonġol imġenġel qatt ma jiġġenġel.
Il-ħażin, ħażin jibqa’.
Ġorġ u Ġanni, tul iż-żmien id-dinja għat-tnejn tgħanni.
Xi darba lil kulħadd tidħaq ix-xorti.
Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa.
Żamm l-aħjar għalih u ħalla l-laqx lil ħaddieħor.
Ħadd mhu kuntent b’xortih.
Qatt m’aħna kuntenti b’dak li għandna, dejjem irridu iżjed.
Ħalli l-ħuta tinqela b’żejtha.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
Ħares warajk u tħarisx quddiemek.
Oqgħod attent, huwa aktar faċli li ħaddieħor jagħmillek il-ħażin minn wara dahrek milli f’wiċċek.
Ħaxix ħażin aħarqu.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta’ kollox u oqtlu mill-għeruq.
Ħaxixa ħażina tikber kullimkien.
Il-ħażin kullimkien issibu, tmur fejn tmur.
Hemm dwieb u dwieb, tal-għenienel u tal-mantijiet.
In-nies ta’ intern ħażin kullimkien qegħdin, uħud jidhru u oħrajn le. Dwieb huwa l-plural ta’ debba u għenienel huwa l-plural ta’ għonnella.
Ħudha la ġietek għax jekk tħalliha jibdielek.
Meta tkun xortik tajba, kun kuntent u gawdiha għax ma tafx meta ser terġa’ tiġi.
Ibża’ minn kulħadd u tibża’ minn ħadd.
Dejjem kun ġust u agħmel it-tajjeb, biex ħadd ma jkollu xi jgħid fuqek.
Id-dinja dejjem miexja, daqqa dritt u daqqa mgħawweġ.
Bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, il-ħajja tibqa’ għaddejja.
Id-dinja gaġġa tal-imġienen.
Fid-dinja l-loġika mhix ħaġa ovvja.
Id-dinja raddiena, daqqa minn fuq int u daqqa minn fuq jiena.
Mhux dejjem inkunu xortina tajba, iżda mhux dejjem inkunu xortina ħażina.
Id-dinja tal-brikkun.
Fid-dinja n-nies ħżiena jirnexxu iżjed min-nies twajba.
Id-dnub ma jorqodx.
Meta tagħmel xi ħaġa ħażina, xi darba jew oħra għad tinqabad.
Id-dnub mistqarr nofsu maħfur.
Meta tammetti li għamilt ħażin dak li jkun ikun lest jaħfirlek iżjed malajr.
Id-dritt m’hemmx isbaħ minnu.
Dejjem kun ġust u agħmel it-tajjeb, biex ħadd ma jkollu xi jgħid fuqek.
Il-bajtar tax-xewk ma jagħmilx ħawħ.
Mingħand in-nies ħżiena m’hemmx azzjonijiet tajbin.
Ilbieraħ kilt tiġieġa, illum bajda mgħollija u għada nixrob l-ilma tal-lissija.
Ix-xorti taf tkun kattiva ħafna, għax filli tidħaqlek u filli ttik bis-sieq. L-ilma tal-lissija huwa l-ilma tal-ħasil.
Il-bniedem għal dnubu niedem.
Xi affarijiet ħżiena li nġibu fuqna huma kollha tort tagħna.
Il-bniedem mogħti għall-ħażen.
Il-bniedem jattirah il-ħażin.
Il-brikkun ma jurix fiex inhu.
Min ikun f’sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma’ ħaddieħor.
Il-forka għall-iżvinturat.
Minn tant nies li jagħmlu l-ħażin u qatt ma jinqabdu, ix-xorti ħażina tkun messet lil min jingħata l-forka. Id-dinja inġusta.
Il-fortuna mal-ħmir u s-skaren.
Ix-xorti tidħaq lin-nies injoranti u lis-sakranazzi.
Il-ftit u tajjeb aħjar mill-wisq u ħażin.
Aħjar tagħmel ftit u tajjeb milli tipprova tagħmel ħafna u ħażin.
Il-ġarra bl-aħħar qatra tfur.
Meta żżomm ġo fik, fl-aħħar tispiċċa biex tinfaqa’.
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Il-ġid ma jingħamilx bilfors.
Mhux kulħadd jagħmel it-tajjeb.
Il-ħadid ħażin dejjem mal-mola jmur.
In-nies ħżiena ma’ xulxin jagħmluha. Mola hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ grindstone.
Il-ħajjen ma jurix fiex inhu.
Min ikun f’sitwazzjoni ħażina ma jmurx jinkixef ma’ ħaddieħor.
Il-ħanfus oqtlu biex ma jnittnekx.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta’ kollox u oqtlu mill-għeruq. Il-ħanfus jagħmel riħa tinten biex jiddefendi ruħu.
Il-ħanżir b’xaħmu jinqela.
In-nies ħżiena malajr isibu lil xi ħadd bħalhom li jagħmlilhom il-ħsara.
Il-ħaxixa ħażina l-aktar li żżerragħ.
Il-ħażin malajr jinxtered. Iżżerragħ tfisser tagħmel iż-żerriegħa.
Il-ħaxixa ħażina malajr tikber.
Il-ħażin malajr jinxtered.
Il-ħaxixa ħażina taqtagħhiex, aqlagħha.
Il-ħażin eħles minnu akkost ta’ kollox u oqtlu mill-għeruq.
Il-ħażin ilgħablu l-ħajna.
Man-nies makakki ara li tuża l-istess livell ta’ makakkerija. Il-ħajna tfisser makakkerija.
Il-ħażin jitwemmen aktar malajr.
Aktar faċli temmen il-ħażin milli t-tajjeb.
Il-ħażin kulma tagħmel miegħu kollu mitluf.
Tagħmilx pjaċiri lin-nies ħżiena għax f’wiċċek jibqa’.
Il-ħażin malajr jingħoġob.
Aktar faċli temmen il-ħażin milli t-tajjeb.
Il-ħażin malajr kulħadd jitgħallmu.
Huwa faċli ħafna li taqa’ fit-tentazzjoni li tagħmel il-ħażin.
Il-ħażin titimgħu ħobżok u jidgħilek.
Tagħmilx pjaċiri lin-nies ħżiena għax f’wiċċek jibqa’.
Il-ħell u ż-żina ma jdumux fil-ħabi sena.
Min jisraq jew jiżni malajr jinqabad. Ħell tfisser serq.
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Il-ħmar il-magħlub iliegħeb.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Il-ħmara tbul fuq l-għadira.
L-affarijiet il-ħżiena malajr jiżdiedu u jinfirxu.
Il-ħmira żejda tħassar l-għaġina.
Iż-żejjed ma jagħmilx ġid.
Il-ħsieb ħażin iqarraq u jfalli f’ħin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
Il-ħsieb raġel ħażin.
Toqgħodx taħseb ħażin għax spiss titqarraq.
Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun.
Min ikun għadda minn esperjenza ħażina joqgħod iżjed attent li ma jerġax jgħaddi minnha.
Il-kelb in-nagħaj idejjaq in-nies tad-dar u tal-ġar.
Superstizzjoni Maltija tgħid li l-klieb li jingħu jbassru xorti ħażina.
Il-logħob tal-idejn iweġġa’ l-għajnejn.
Il-logħob tal-idejn m’għandux ikun.
Il-logħob u l-ħlieqa ġlied jistgħu jġibu.
Il-ħafna ċajt wara jwassal għall-ġlied u l-biki. Ħlieqa huwa ċajt.
Illum jien u għada int.
It-tajjeb li mess lili llum imiss lilek għada, u l-istess bil-ħażin.
Il-qarnita fl-aħħar iddur għal subgħajha.
Meta tkun iddisprat minn kollox tasal tagħmel biex tilħaq l-għanijiet tiegħek.
Il-qattus iħobb bil-għama u l-kelb bix-xaba’.
Il-qtates juru mħabba lejn sidhom b’mod differenti mill-klieb.
Il-wied dejjem għan-niżla.
Meta ma tibqax tidħaqlek ix-xorti, l-affarijiet imorru mill-ħażin għall-agħar.
Imxi sewwa u ħalli l-baħar iħabbat.
Meta tagħmel it-tajjeb, jiġri x’jiġri jkollok il-kuxjenza nadifa.
Ir-raġuni ma tridx forza.
Ara li hemm il-bilanċ f’dak li tagħmel u ma ssibx problemi.
Ir-ras meta tifliha tkun taf x’fiha.
Tara tassew sa fejn tkun waslet il-ħsara meta tipprova ssewwiha.
Israq ftit tirrokka żgur, israq ħafna u ssir sinjur.
Jekk tisraq ftit jaqbduk żgur, mentri jekk tisraq ħafna tieħu l-qagħda u tgawdi għax ma jaqbdukx.
Is-sabiħ kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x’inhu sabiħ.
Is-sabiħ maħbub bla ma jaf, l-ikrah mibgħud bla ma jaħti.
Wiċċ sabiħ jattirak inkonxjament, mentri wiċċ ikrah jimbuttak anke jekk forsi l-persuna jkollha karattru sabiħ.
Is-sewwa ħarbet għax ħadd ma ried jilqagħha f’daru.
Donnu ħadd ma sar jagħżel li jagħmel it-tajjeb illum il-ġurnata.
Itfagħha għal rasha forsi tiġi għal saqajha.
Fejn ma tafx, ħu sogru u agħmel xi ħaġa kif ġie ġie - jekk tkun xortik tajba, jaf tiġik tajba wkoll.
It-tajjeb ħallas għalih.
Jeħtieġ li tħallas il-flus jekk trid il-kwalità.
It-tajjeb jidneb seba’ darbiet.
Kulħadd jiżbalja, anke n-nies twajba.
It-tajjeb kulħadd jaf jarah.
Kulħadd kapaċi jagħraf x’inhu tajjeb.
It-tiġieġa fejn tiekol in-nuħħala tmur tbidha l-bajda.
Kulħadd irid iwieġeb ta’ għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
It-tiġieġa tbid fejn tiekol in-nuħħala.
Kulħadd irid iwieġeb ta’ għemilu, kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin.
It-triq tal-ġenna dejqa.
Diffiċli ħafna li tgħix ħajja tajba u tirbaħ il-ġenna.
It-triq tan-nofs l-aħjar.
L-estremi dejjem ħżiena - tgħallem immodera.
It-twajjeb miskin.
Min ikun twajjeb wisq ibati għax kulħadd jagħmel li jrid bih.
Ix-xemx ma titgħattiex bl-għarbiel.
Meta jsir xi ħażin kbir, diffiċli ħafna tgħattih.
Iżżarma knisja biex tarma oħra.
Biex tirranġa xi ħaġa, kellek tkisser xi ħaġa oħra.
Jagħmel ħażin min jitlaq ruħu mingħajr biskotti.
Għandek dejjem tfittex li tagħmel il-ġid.
Jeħtieġ teħodha kif tiġi.
Aċċetta li fil-ħajja mhux kollox imur tajjeb u kif tixtieq.
Jekk mhux b’xi salib, b’domna.
Kulħadd għandu l-problemi tiegħu xi jsolvi.
Jekk titfa’ bomba fit-Tramuntana tiġilek fin-Nofsinhar.
Kollox ġej ħażin.
Jekk tmiss ħwejġek ma’ ħwejjiġha, jew sentejn jew tiżżewwiġha.
Tagħmel x’tagħmel se teħilha. Sentejn tfisser sentejn ħabs.
Jekk xortih ittih jista’ jintefa’ fil-qiegħ.
Tkun xortik tajba, tagħmel x’tagħmel tajba tibqa’.
Jitħaxxen il-ħajt, tidjieq l-għorfa.
Ħaġa tmur tajjeb u l-oħra ħażin.
Kelb għalkemm jixjieħ jibqa’ jigdem.
Bniedem ħażin ma jinbidilx, mhux imbilli jixjieħ.
Kelb li jilgħab bl-irmied tafdalux dqiq.
Bniedem li jagħmel il-ħażin, f’kollox jagħmlu.
Konna aħjar meta konna agħar.
Mingħalina li l-affarijiet kienu se jmorru għall-aħjar, imma minflok marru għall-agħar.
Kulħadd b’xi għilla, min bis-sabar u min bil-qilla.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, hemm min jieħu paċenzja u hemm min jirrabja. Għilla tfisser mard.
Kulħadd bniedem.
Kulħadd tad-demm u l-laħam u kapaċi jagħmel żball.
Kulħadd b’xi ħaġa.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, min ħaġa u min oħra.
Kulħadd b’xi imma, min bis-sabar u min bil-qilla.
Kulħadd għandu t-taqbida tiegħu fil-ħajja, hemm min jieħu paċenzja u hemm min jirrabja.
Kulħadd jieħu li ħaqqu.
Meta tagħmel xi ħaġa ħażina, trid tkun lest tbati l-konsegwenzi.
Kulħadd jista’ jkun bla raj.
Kulħadd jista’ jieħu żball.
Kulħadd tad-demm u l-laħam.
Kulħadd jista’ jieħu żball għax kulħadd bniedem.
Kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd għad ipatti tal-ħażin kollu li jkun għamel.
Kull baħar jipplaka.
Kull ħaġa ħażina xi darba tasal fi tmiemha. Jipplaka tfisser jikkalma.
Kull deni ħudu b’ġid.
Tgħallem mill-affarijiet il-ħżiena li jiġrulek.
Kull għajn trid sehemha.
Kulħadd ifittex li jara u jieħu s-sabiħ.
Kull ħelu fih il-morr.
Ma jistax ikun ikun hemm is-sabiħ mingħajr l-ikrah.
Kull kobba fiha tarfha.
Kull sitwazzjoni diffiċli u kkumplikata tissolva.
Kull min il-ħobż itellef, għalih ma jsibx jissellef.
Min jagħmel id-deni lil ħaddieħor, ma jsibx ġid mingħand ħaddieħor.
Kull min jagħmel il-qabar għal sieħbu jindifen fih.
Min jagħmel id-deni lil ħaddieħor, ma jsibx ġid mingħand ħaddieħor; anzi, il-ħajja tpattihielu.
Kull min jintreħa jittieħed.
Min ma jiħux ħsieb biex jagħmel it-tajjeb jispiċċa jitkaxkar mill-ħażin.
Kull niżla sewwiqija.
Meta ma jkunx hemm problemi kollox jimxi sew.
Kull qaħba għandha ’l Ġakka.
Meta ssir xi azzjoni ħażina, dejjem ikun hemm xi ħadd kompliċi (= Ġakka).
Kull qalb trid oħra.
Meta tagħmel it-tajjeb ma’ persuna, tistenna l-istess ħaġa mingħandha meta tiġi bżonn.
Kuxjenza safja, qalb kuntenta.
Min jagħmel it-tajjeb jgħix kuntent.
L-“ajma ma” qatt ħadd ma qalha għalxejn.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jilmenta.
La l-qalb mimlija, il-fomm jitbewwaq.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jiftaħ qalbu.
La marret l-id ħa jmorru s-swaba’.
Min ikun għadda minn esperjenza kerha ħafna ma jagħtix kas l-affarijiet iż-żgħar.
La tiġi iftħilha l-bieb.
Ladarba jibda l-inkwiet ma jkun irid jieqaf b’xejn.
L-aħbar ħażina tasal malajr.
Aħbar ħażina kulħadd isir jaf biha malajr.
L-aħħar tibna kisret dahar il-ħmar.
Kien jonqos l-aħħar azzjoni żgħira biex persuna jew sitwazzjoni tikkrolla wara serje ta’ problemi akkumulati.
L-aktar magħkus imur minn taħt.
Aktar kemm tkun f’sitwazzjoni diffiċli, aktar il-ħajja ttik mill-agħar.
Larinġa ħażina tħassar qartalla.
Il-ħażin dejjem iħassar it-tajjeb. Qartalla tfisser basket kbir tal-qasab.
L-azzjoni ta’ min jagħmilha, mhux ta’ min jirċeviha.
Azzjoni ħażina tirrifletti ħażin fuq l-aggressur mhux fuq il-vittma.
L-ewwel ma tiekol l-għajn.
L-ewwel ma ninnutaw hija d-dehra esterna tal-affarijiet, mela agħti kasha wkoll.
L-għadu tih biċċa minn dejlek ħa jitlaq bih.
Żomm ’il bogħod min-nies ħżiena. Dejlek tfisser ħwejġek f’dan il-każ.
Li kieku x-xuxa kienet żina ma tinbitx f’xaqqet it-tina.
Min huwa fartas m’għandux għalfejn iħossu ħażin ħdejn min għad għandu xagħru (= ix-xuxa), wara kollox is-suf kullimkien jikber, anke fix-xaqq tal-warrani (= it-tina).
Lil kulħadd tiġi sigħetu.
Kulħadd irid iwieġeb għat-tajjeb u l-ħażin kollu li jkun għamel.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ wiċċu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Lil min jaħralek f’idek tiddejjaqx iċċappashulu ma’ geddumu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Lil min taqtagħlu qalbu, toħroġlu ruħu.
Kun sors ta’ tama u qawwi qalb il-proxxmu tiegħek, mhux taqtagħlu qalbu.
Lil min tniggżu jgħid “ajma”.
Meta tagħmel azzjoni ħażina lil xi ħadd, stenna reazzjoni mingħandu.
Lil min toqgħodlu jgħabbik.
Qis li tieqaf lil min jipprova jagħmel li jrid bik.
Lil min toqorsu joqmos.
Meta tagħmel azzjoni ħażina lil xi ħadd, stenna reazzjoni mingħandu.
Lil qalbek uriha lil kulħadd u tagħtiha lil ħadd.
Kun qalbek tajba ma’ kulħadd, iżda oqgħod lura milli tafda żżejjed għax jiddispjaċik.
Lill-ħażin agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla’ l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
Lill-pastaż agħtih biċċa minn dejlek u erħilu jmur.
Aħrab il-ħażin u lil min jaqla’ l-inkwiet. Dejlek tfisser id-dublett tiegħek.
L-ilma jsaqqi l-ħatab u l-ħatab jgħalli l-ilma.
Tagħmel il-ġid mal-proxxmu, iżda dan ma jkunx rikonoxxenti.
Ma setax idur għall-ħmar, dar għall-berdgħa.
Ma setax ipattihielu u minflok dar fuq xi membru tal-familja tiegħu jew xi ħabib tiegħu. Il-berdgħa tirreferi għad-drapp taħt is-sarġ fuq dahar il-ħmar.
Malti tajjeb aħarqu, aħseb u ara ħażin.
L-Għawdxin ma jafdawhomx lill-Maltin.
Mar biex ikittef u ħareġ imnittef.
Il-ħsara li pprova jagħmel lil ħaddieħor ġiet fuqu.
Meta l-laħam hu ħażin, agħar jiġi l-brodu.
Mill-affarijiet il-ħżiena joħorġu affarijiet agħar.
Meta tagħġen il-qaħba bieb il-forn jaqa’.
Hemm min hu xortih ħażina f’kull ħaġa li jagħmel.
Meta tisma’ hemm l-oħrajn, tinsa tiegħek.
Tikkonsla meta tisma’ bl-affarijiet il-ħżiena li jiġru lil ħaddieħor.
M’hemmx ħelu mingħajr morr.
Mingħajr l-ikrah tal-ħajja m’hemmx is-sabiħ.
M’hemmx warda bla xewk.
Is-sabiħ jiġi mal-ikrah fil-ħajja.
Mhux dejjem tiġi żewġ.
L-affarijiet mhux dejjem jirnexxu.
Miġja ta’ nutar, tajjeb jew ħażin, iġġib l-aħbar.
Dari n-nutar kien imur fid-dar tan-nies, u l-miġja tiegħu kienet tkun tfisser li ser jiġri xi ħaġa kbira, bħal xi wirt, testment, kuntratt, eċċ.
Mill-għeneb joħroġ l-inbid, imma joħroġ il-ħall ukoll.
Minn kull ħaġa tista’ toħroġ it-tajjeb jew il-ħażin, skont l-azzjonijiet tiegħek.
Mill-ħażin tistenniex li joħroġ it-tajjeb.
Mingħand min hu azzjonitu ħażina tistenniex mod ieħor.
Mill-ward joħroġ ix-xewk u mix-xewk joħroġ il-ward.
Mill-affarijiet it-tajbin joħorġu affarijiet ħżiena, u viċeversa.
Min ġera ma laħaqx u min laħaq ma daqux.
Meta jkollok bżonn ħafna ta’ xi ħaġa ma ssibhiex, u meta jkollok ħafna minnha ma jkollokx aktar bżonnha.
Min għandu l-faħam miblul jibża’ biss.
Għandu għalfejn jibża’ biss min jaf li għandu tort.
Min għandu l-faħam miblul kull xkumvata jaħsibha gremxul.
Min jaf li għandu xi ħaġa fuq il-kuxjenza jaħseb ħażin. L-ixkumvat huwa ħelu tradizzjonali Malti tal-Milied.
Min ħarreb imut imħarreb.
Min jagħmel il-ħsara lil ħaddieħor, il-ħajja tpattihielu billi tagħmillu l-istess tip ta’ ħsara. Iħarreb tfisser joqtol, u mħarreb tfisser maqtul.
Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra.
Il-bilanċ ma jeżistix, għax hemm min m’għandu xejn u hemm min għandu żżejjed.
Min hu mgħaġġel jaqbillu jistenna.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Min hu mweġġa’ jokrob.
Kulħadd għandu raġuni għaliex jilmenta.
Min hu xxurtjat jixħitha għal rasha u tiġih fuq saqajha.
Min huwa xortih tajba jagħmel x’jagħmel tiġih tajba.
Min hu xxurtjat jixħitha mgħawġa u tiġih dritta.
Min huwa xortih tajba jagħmel x’jagħmel tiġih tajba.
Min igerger minn salibu jiġih wieħed agħar.
Min jilmenta mill-ħażin li għandu f’ħajtu jagħmel ħażin, għax dejjem tista’ tkun agħar.
Min iħoss toqlu ma jħossx tal-oħrajn.
Min għandu ħafna problemi ma jimpurtahx mill-problemi ta’ ħaddieħor.
Min ikun fuq is-salib mhux bħal min ikun taħtu.
Min ma jkunx għadda mill-esperjenza kerha ta’ ħaddieħor, ma jkunx jaf eżatt x’jiġifieri.
Min ikun mimli ċomb ma jintefax il-baħar.
Min jaf li għandu tort jipprova jaħbi l-ħażin li għamel akkost ta’ kollox.
Min ikun se jegħreq jaqbad imqar ma’ tibna.
Min ikun f’sitwazzjoni ta’ periklu jew disperazzjoni, minn kollox jagħmel biex isalva jew joħroġ minnha.
Min imur ikittef joħroġ imnittef.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Min ixarrab il-bakkaljaw jieklu.
Min jagħmel il-ħażin lil ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Min jagħmel il-ħsara jħallas għaliha.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Min jagħmel jaħmel.
Min jagħmel il-ħsara jeħtieġ li jpatti tal-ħażin li jkun għamel.
Min jagħmillek id-deni agħmillu l-ġid.
Azzjoni ħażina pattiha b’azzjoni tajba.
Min jaqla’ laqam għandu seba’ snin il-purgatorju.
Superstizzjoni Maltija li min jasal jaqla’ laqam ikollu jpatti għalih billi jqatta’ seba’ snin il-purgatorju wara mewtu.
Min jaqla’ u jagħti l-infern ibati.
Superstizzjoni Maltija li jekk xi ħadd jagħtik xi ħaġa u tagħtiha, ikollok tbati l-infern ta’ kemm kont ingrat.
Min jeqleq żejjed fl-aħħar isibha xortih.
Min qatt ma jikkuntenta b’xejn sa fl-aħħar tasal xi ħaġa li togħġbu. Jeqleq tfisser jilmenta.
Min jgħaġġel wisq jibdielu.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u jiddispjaċik għax tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Min jibki u min jidħaq.
Kulħadd xortih fid-dinja, min ferħan u min imdejjaq.
Min jidħaq il-Ġimgħa jibki s-Sibt.
Superstizzjoni Maltija li min jidħaq nhar ta’ Ġimgħa, peress li f’kuntest reliġjuż huwa jum traġiku, ibati l-konsegwenzi u jibki l-għada.
Min jifraħ bl-għawġ ta’ ġaru, l-għada jisbaħlu f’daru.
Min jieħu gost bil-ħażin ta’ ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Min jiġbed ħafna jaqta’ l-ispaga.
Meta tagħmel azzjoni ħażina ripetutament, tasal dik id-darba fejn jaqbduk.
Min jikser jgħammar.
Min jagħmel il-ħażin jeħtieġ li jpatti għalih.
Min jilgħab bin-nar jinħaraq.
Min jabbuża żżejjed ikollu jbati l-konsegwenzi.
Min jirteħa jittieħed.
Min hu bla direzzjoni morali, jispiċċa jinġarr mill-ħażin.
Min jisma’ l-quddies ma jitlifx żmien.
Li tmur tisma’ quddiesa hija ħaġa tajba.
Min jisraq bajda jaf jisraq tiġieġa.
Min jagħmel ftit ħsara, imbagħad jagħmel ħsara akbar.
Min jistor il-ħalliel għandu sehem mill-ħtija.
Meta lil min jagħmel ħażin tgħattilu, tkun kompliċi miegħu.
Min jixtieq deni lil ġaru jiġi f’daru.
Min jieħu gost bil-ħażin ta’ ħaddieħor, dak l-istess ħażin jiġi fuqu.
Min jiżra’ fin-niket jaħsad fil-ferħ.
Min għaddej minn żmien diffiċli għad jasal żmien fejn jerġa’ jkun ferħan.
Min joqgħod fuq żewġt iċwejjem ħażin imur.
Min mhux kapaċi jieħu deċiżjoni ma jmurx tajjeb. Ċwejjem huwa l-plural ta’ ċima.
Min joqtol ma jaħtix daqs min jagħwi.
Min jagħmel azzjoni ħażina m’għandux tort daqs min istigah jagħmilha.
Min ma jaqax ma jqumx.
Tgħallem mill-iżbalji tiegħek biex terġa’ fuq saqajk u tmur għall-aħjar.
Min ma jbiddilx idewwed.
Il-bidla f’kollox sabiħa (fil-ħbieb, ix-xogħol, l-attutidni, il-mentalità, eċċ.) għaliex tevita konsegwenzi koroh (il-monotonija, l-abbużi, il-passività, l-arroganza, eċċ.).
Min ma jbiddilx iqammel.
Il-bidla f’kollox sabiħa (fil-ħbieb, ix-xogħol, l-attutidni, il-mentalità, eċċ.) għaliex tevita konsegwenzi koroh (il-monotonija, l-abbużi, il-passività, l-arroganza, eċċ.).
Min ma jduqx il-morr ma jtigħemx il-ħelu.
Irridu ngħaddu mill-esperjenzi koroh tal-ħajja biex nitgħallmu napprezzaw is-sabiħ tagħha.
Min ma jġarrabx il-ħażin ma jafx it-tajjeb x’jiswa.
Irridu ngħaddu mill-esperjenzi koroh tal-ħajja biex nitgħallmu napprezzaw is-sabiħ tagħha.
Min ma jġarrabx ma jemminx.
Trid tkun għaddejt mill-istess esperjenzi koroh ta’ ħaddieħor biex tassew tifhmu u tagħdru.
Min ma jħarisx ’il quddiem jitfa’ siequ fil-vojt.
Min ma jippjanax u ma jqisx l-affarijiet minn qabel jiżbalja.
Min ma jħobbx jaħdem mal-Insara jkollu jorqod mal-ilsiera.
Min ma jridx jagħmel il-ħaġa t-tajba, mela jispiċċa jagħmel il-ħaġa l-ħażina u jiġi kkastigat għaliha.
Min ma jifhimx bis-sewwa jifhem bid-dnewwa.
Min ma jifhimx bil-kelma t-tajba jkollu jifhem bil-forza.
Min ma jistħix minnek tisħix minnu.
Qis li tiddefendi lilek innifsek kontra min jipprova jagħmillek il-ħsara.
Min ma jitkellimx ommu qaħba.
Min jaf li għandu tort jew għandu x’jaħbi ma jgħid xejn biex ma jinkixifx.
Min ma jridx bis-sewwa jeħtieġ irid bid-dnewwa.
Min ma jifhimx bil-kelma t-tajba jkollu jifhem bil-forza.
Min m’għandux salib għandu domna.
Kbira jew żgħira, kulħadd għandu xi tip ta’ problema fid-dinja.
Min m’għandux x’jiekol m’għandux x’jitma’.
Min mhux kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, mhux kapaċi jieħu ħsieb ħaddieħor.
Min xortih ittih, il-ward tiegħu jkun fih.
Min hu xortih tajba, jagħmel x’jagħmel dejjem tiġih tajba u jirnexxilu.
Minn kull fejn taqta’ joħroġ id-demm.
Tagħmel x’tagħmel se taqlagħha.
Miskin min joqgħod tal-aħħar għax kollox ilaqqat.
Tal-aħħar dejjem jieħu mill-agħar.
Miskin, fqir u għakkar, u jrid iniggeż il-ħmar.
Qiegħed f’sitwazzjoni ħażina u xorta waħda jdejjaq lil ħaddieħor.
Mitħna tar-riħ kien u mitħna tar-riħ baqa’.
Kellu xortih ħażina qabel u għadu xortih ħażina issa.
Mit-tajjeb stenna t-tajjeb u mill-ħażin xejn għajr ħażin.
Kull azzjoni, tajba jew ħażina, għandha l-konsegwenzi tagħha.
Neħħi minna l-ħażen u żomm idek filli jibqa’.
In-natura tal-bniedem hija predisposta aktar għall-ħażin milli għat-tajjeb.
Neħħi s-sewwa mid-dinja u ma jibqax ħlief min jagħti.
In-natura tal-bniedem hija predisposta aktar għall-ħażin milli għat-tajjeb.
Post faktum rawta.
Il-ħażin issa sar u jiswa daqs rawta, jiġifieri ħmieġ tal-bhejjem. Post faktum hija fil-fatt post factum bil-Latin, jiġifieri wara li tkun saret l-azzjoni.
Qabil il-bagħal aħrab minnu għax jew jigdmek jew jagħtik ix-xewka.
Il-ħażin aħarbu għax ħsara biss jista’ jagħmillek. Qabil il-bagħal tfisser ir-razza tal-bagħal jew il-bagħal taż-żunżan.
Qabil il-bagħal jagħti biż-żewġ jaf.
Il‑ħażin aħarbu għax ħsara biss jista’ jagħmillek. Qabil il‑bagħal tfisser ir‑razza tal‑bagħal.
Qalb ħanina tmut miskina.
Min ikollu qalbu tajba wisq ibati ħafna għax kulħadd jabbuża minnu.
Qalb ħażina, jekk tiled xi ħniena, tkun rimi.
In-nies qalbhom ħażina ma jafux x’inhi ħniena, bħal ġisem li ma jħennx għal fetu mhux vijabbli u jagħmel abort (hekk tfisser rimi).
Qalb ħażina, jekk tobton ħniena, tarmi.
In‑nies qalbhom ħażina ma jafux x’inhi ħniena, bħal ġisem li ma jħennx għal fetu mhux vijabbli u jagħmel abort (hekk tfisser tarmi). Tobton tfisser tnissel.
Qalb niexfa ma tagħder lil ħadd.
In-nies ħżiena ma jafux jagħdru.
Qalb tajba trid is-sliem.
Min ikun qalbu tajba, dejjem ifittex li jagħmel il-ġid u jġib il-paċi.
Qatt tagħmel dak li tħoss fuq il-kuxjenza tiegħek li ma għandekx tagħmlu.
Min jisma’ mill-kuxjenza tiegħu jagħmel it-tajjeb.
Qatt tifraħ bid-deni ta’ ħaddieħor.
Tiħux pjaċir bid-deni ta’ ħaddieħor, għax għad jiġi żmien fejn tkun għaddej inti minn żmien diffiċli u tkun tixtieq lil min jgħinek.
Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl-għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l-għażla l-ħażina.
Qattusa għaġġelija tagħmel ’l uliedha għomja.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl‑għaġla ma tkunx ħsibtha sew u tispiċċa tagħmel l‑għażla l‑ħażina.
Rajna u ħsibna, morna u qisna, u kollox tlifna.
Minkejja li għamilna minn kollox biex l-affarijiet imorru tajjeb, xorta waħda ma rnexxilniex.
Ras li ma titkellimx tissejjaħ qargħa.
Min mhux kapaċi jitkellem meta jara l-ħażin huwa injorant tassew.
Sa l-għasafar fil-bejta jkollhom xi jgħidu.
It-tilwim u l-ġlied huma komuni ħafna.
Sargu tal-port b’gamblu jinten jinqabad.
Min mingħalih moħħu jilħaqlu għad isib lil xi ħadd li jgħaddih fil‑makakkerija u jagħmillu ħażen agħar. Sargu hija ħuta tal‑ispeċi Diplodus sargus.
Sargu xiħ b’gamblu jinten jinqabad.
Min mingħalih moħħu jilħaqlu għad isib lil xi ħadd li jgħaddih fil-makakkerija u jagħmillu ħażen agħar. Sargu hija ħuta tal-ispeċi Diplodus sargus.
Sax-xemx u l-qamar jiġġieldu.
It‑tilwim u l‑ġlied huma komuni ħafna.
Sebaħ fl-aħħar nhar il-ġahar.
Wieħed m’għandu qatt jitlef it-tama f’sitwazzjoni ħażina, bħal meta jisbaħ wara ġurnata mċajpra. Ġahar proprjament tfisser persuna li ma tarax sew.
Stenna, ja ħmar, sa ma tiġi r-rebbiegħa.
Ix-xorti ħażina li messet lili llum u li qed tgħaddini biż-żmien biha, għad tiġi fuqek ukoll fil-futur.
Ta’ b’għajn waħda hu sultan fost l-għomja.
Nies ta’ kompetenza limitata f'ambjent ta’ nies inkompetenti jidhru aħjar milli huma.
Ta’ kulħadd tasal.
Ix‑xorti ħażina li messet lili llum u li qed tgħaddini biż‑żmien biha, għad tiġi fuqek ukoll fil‑futur.
Ta’ kulħadd tiġi.
Ix‑xorti ħażina li messet lili llum u li qed tgħaddini biż‑żmien biha, għad tiġi fuqek ukoll fil‑futur.
Tagħlaqx il-bieb tal-istalla meta ż-żiemel ikun ħarab.
Tiħux azzjoni meta jkun tard wisq, aħsiblu minn qabel.
Tagħmel il-ġid jisfalek deni.
Meta tagħmel il-ġid lil xi ħadd ma jibqax jafhulek, anzi jagħmillek il-ħsara.
Tal-aħħar ibaħħar.
Dak tal-aħħar ikollu d-dmir li jtemm il-ħimda li tkun qed issir, u b’hekk ilaqqat ix-xogħol kollu li jkun għad fadal. Barra minn dan, kienet popolari s-superstizzjoni fejn il-fumigazzjoni kienet issir biex jitkeċċew l-ispirti ħżiena. Għalhekk ukoll, waqt il-funerali —...
Tal-ewwel ibewwel u tal-aħħar ibaħħar.
Dak li jkolli jagħmel l-ewwel xogħol, irid isegwi sew l-istruzzjonijiet u jibża’ mill-iżbalji. Dak tal‑aħħar ikollu d‑dmir li jtemm il‑ħimda li tkun qed issir, u b’hekk ilaqqat ix‑xogħol kollu li jkun għad fadal. Barra minn dan, kienet popolari s‑superstizzjoni fejn...
Taqta’ mnejn taqta’ joħroġ id-demm.
Tagħmel x’tagħmel xorta se tmur minn taħt jew tbati.
Tara ta’ ħaddieħor, tinsa tiegħek.
Meta tara l-problemi u t-tbatijiet li jgħaddi minnhom ħaddieħor, tikkonsla xi ftit bil-problemi u t-tbatijiet tiegħek.
Tbiegħed minn min iqarraq bik darba.
Tkunx iblah: min ikun qarraq bik imqar darba tih il-ġenb u terġax tafdah.
Teħodha mingħand il-patri biex ittiha lill-qassis.
Tagħmel xi ħaġa ħażina biex mingħalik tagħmel xi ħaġa tajba mkien ieħor.
Tfajla li titwieled nhar ta’ Ġimgħa fl-istess jum il-kelb jigdimha.
Superstizzjoni fejn min jitwieled nhar ta’ Ġimgħa — jum assoċjat ma’ risq ħażin — ikollu ħajja mimlija diżgrazzji.
Tgħaġġilx u ma tindimx.
Meta tieħu deċiżjonijiet bl‑għaġla ma tkunx ħsibtha sew u jiddispjaċik għax tispiċċa tagħmel l‑għażla l‑ħażina.
Tħallix idek ix-xellugija tara dak li tagħmel il-leminija.
Agħmel it-tajjeb u żommu għalik, m’hemmx għalfejn tmur tgħid lil kulħadd.
Tħallix lil min iqattar ix-xemgħa fuqek.
Tħallix lin-nies jagħmlu li jridu bik.
Tisma’ ta’ ħaddieħor, tinsa tiegħek.
Meta tara l‑problemi u t‑tbatijiet li jgħaddi minnhom ħaddieħor, tikkonsla xi ftit bil‑problemi u t‑tbatijiet tiegħek.
Tistenna l-faraġ joqrob u l-faraġ dejjem jitbiegħed.
Min jittama fuq żmien twil ikun iddiżappuntat.
Tmiem tajjeb isewwi kollox.
Wara proċess twil u mimli problemi, meta kollox jispiċċa sew tinsa l-ħażin kollu li jkun ġara.
Tmur fejn tmur salibek jistenniek.
Il-problemi u l-inkwiet li jkollok ma taħrabx minnhom faċilment għax isegwuk kullimkien.
Trid tinqaleb il-mewġa biex tibda tħoss xi fewġa.
Trid tinbidel għalkollox is-sitwazzjoni biex forsi tidħqilna xi ftit ix-xorti.
Triq dritta m’hemmx kifha.
It-tajjeb huwa l-aqwa ħaġa li jista’ jkun hemm. Kifha tfisser bħalha.
Triq isserrep iddum ma twassal.
It-tajjeb xi darba tasal għalih, minkejja li ddum.
Tuffieħa waħda mħassra tħassar il-barkata sħiħa.
Il‑ħażin dejjem iħassar it‑tajjeb. Barkata tfisser dgħajsa.
Twaqqafx l-għarix wara li jeħdulek il-bħajra.
Tiħux azzjoni meta jkun tard wisq, aħsiblu minn qabel. Bħajra tirreferi għall-bettieħ u għarix tfisser kmajra.
Waddab il-ħaġra qabel il-kelb.
Kun makakk u lill-għedewwa tiegħek għamlilhom xi distrazzjoni biex ma jindunawx x’inti tagħmel u tasal fejn tixtieq.
Wara d-daħq jiġi l-biki.
Wara xi esperjenza sabiħa stenna waħda kerha, għax il-ħajja hekk sejra.
Wara l-ħelu jiġi l-morr.
Wara xi esperjenza sabiħa stenna waħda kerha, għax il‑ħajja hekk sejra.
Wara l-ħlieqa tiġi l-burdlieqa.
Wara ħafna ċajt jiġi ħafna ġlied. Ħlieqa tfisser ċajt u l-burdlieqa hija xitla tal-ispeċi Portulaca oleracea, li diffiċli ħafna tiddiġeriha.
Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi.
Wara perjodu ikrah jiġi ieħor sabiħ.
Wara l-qtil stenna l-ħaqq.
Wara li ssir azzjoni ħażina, stenna li ssir ġustizzja.
Wara t-tbatija u l-għaraq jeħtieġu s-serħ u l-faraġ.
Kulħadd jittama li wara li jkun bata jsib serħan u faraġ biex ikun jista’ jistrieħ.
Wiegħed ftit u agħti ħafna.
Meta ma twegħidx iżżejjed l-aspettattivi jkunu inqas, u għalhekk ikollok opportunità mhux biss żżomm dak li wegħedt, iżda li saħansitra tagħti iżjed.
Wisq drabi tagħmel il-ġid u jisfalek deni.
Mhux kulħadd japprezza l‑ġid li tagħmel miegħu.
Xi erbgħa ħorox stqarrhom lit-torox.
L-affarijiet ħżiena li tagħmel tmurx ixxandarhom mal-erbat irjieħ.
X’l-aħjar? Saqajn tal-ħġieġ u ġġorr il-mazkan jew snien tax-xema’ u tiekol il-ftajjar sħan?
Kulħadd għandu xi salib fid-dinja, ħadd ma jgħix fil-kuntentizza biss. Il-mazkan huwa l-ġebel tal-ħajt tas-sejjieħ.
Xortiha ħażina l-makkuwwa: jew tinżel ’l isfel u tikolha ż-żabrija jew titla’ ’l fuq u taħtafha l-gawwija.
Hawn min hu xortih ħażina għax jagħmel x’jagħmel jispiċċa jaqlagħha.
Xortik int tagħmilha.
Ix-xorti tkun tajba jew ħażina skont kemm tagħmel deċiżjonijiet għaqlija inti.
Il-qwiel kollha, f’post wieħed.