Tajjeb li jkollok l-għelieqi, iżjed trid lil min jaħdimhom ukoll.
Bajda bit-tebgħa ħamra tkun għaddiet mill-wied tan-namra.
Meta tidher it-Trajja, il-qoton jisbieħ.
Meta fis-sema tara l-kwiekeb tat-Trajja (Pleiades) - li jinsabu fil-kostellazzjoni tat-Tawr - il-qoton ikun beda jisbieħ.
Meta s-silla tkun m’ogħla l-ħitan, dik tkun is-sena tal-ħmar.
Meta s-silla tkun kibret ħafna u għoliet, il-bhejjem ikollhom x'jieklu.
Il-bajda tal-lum il-kbira.
Il-kwantità rebħet fuq il-kwalità.
Il-borma ma ssirx mingħajr nar, lanqas l-art tagħti mingħajr bżar.
Jeħtieġ li l-ħamrija tiddemmel sew biex il-frott u l-ħaxix joħorġu sbieħ. Bżar tfisser demel.
Ir-raba’ tax-xtut bħal-leħja tal-utut.
L-għelieqi ta' ħdejn il-baħar ftit li xejn ikunu għammiela. Utut tfisser bdabad.
Min għandu n-naħal għandu r-riħ, min għandu n-nagħaġ għandu l-ġild.
Idaħħal iżjed flus min irabbi n-nagħaġ minn min irabbi n-naħal.
Jekk l-art kienet tagħti dejjem, il-bidwi qatt ma jfalli; meta l-art tonqos, il-bidwi dejn iħalli.
Il-bidwi jiddependi ħafna mill-art għall-għajxien tiegħu, skont x'tip ta' art hi.
Min ikollu għalqa mal-baħar irid oħra r-raħal.
Dari l-bidwi kien isibha iktar bi tqila jasal sal-għalqa li tkun fejn il-baħar, u allura kien ikollu oħra aktar viċin ta' daru biex jgħajjex il-familja biha.
Fart li jiekol il-widna jagħmel il-laħam bil-wiżna.
Il-bhejjem tal-ifrat li jieklu l-widna (tip ta' ħaxixa selvaġġa) jagħmlu ħafna laħam għax malajr jismnu.
Min f’rokontu għandu l-barrada, jaf jidħaq b’sena farrada.
Min jaħżen l-ikel ma jkollux għalfejn jinkwieta meta tiġi sena ħażina għar-raba', bl-istess mod li min ifaddal il-flus isibhom meta jiġi żmien ħażin. Barrada hija ġarra.
Malta ħanina ħobża u sardina.
Malta maħbuba ħafna mill-Maltin, minkejja li r-riżorsi naturali tagħha huma limitati ħafna.
Jew issensel jew ixxenxel.
Meta ma tagħmilx xita l-uċuħ tar-raba' jinxfu kollha (= f'sensiela), u meta tagħmel ix-xita jkunu għammiela ħafna (= ixenxlu, jagħmlu l-għeruq).
Il-kemmun mhux tiegħek sewwa qabel ma ddaħħlu ġewwa.
Sakemm il-frott u l-ħaxix għadhom fl-għalqa, għadhom fiċ-ċans li jitħassru u ma jkunux tiegħek.
Malta qatt ma rruftat qamħ.
Aċċetta kull għajnuna li joffrulek.
Aktar ma jkun ikkultivat, aktar ikun abbandunat.
Bl-istess mod li d-dielja tikber aħjar fuq il-blat milli fir-raba' saqwi, aktar ma tagħti kas ta' persuna aktar dik il-persuna ma tagħtix kasek.
Il-fula bnina tagħmel il-fatra tqila.
Il-ful huwa ikel li jxebbgħek u jżommok.
Meta tobrom il-ġiżimina, l-Għarbija għan-namra fina.
Dari kienu jemmnu li l-ġiżimina (fjura tal-ispeċi Jasminum officinale) daħħluha Malta l-Għarab ta' Tuneż u li fi żmienha, jiġifieri bejn Ġunju u Novembru, it-tfajliet Għarab kienu jingħataw iżjed għan-namra.
L-użu tal-fies jiswa biex titma’ u tlibbes in-nies.
Jeħtieġ taħdem u tistinka għall-ġid tal-familja.
Ir-ragħaj u l-ħila aħjar mill-għalqa l-kbira.
Il-kapaċitajiet tagħna jiswew iżjed mill-affarijiet materjali kollha li għandna.
Il-ħarifa tbiddel l-arja u l-ħalib jitla’ fl-ajru.
Dari kien ikun hawn inqas ħalib fil-ħarifa u b'hekk il-prezz kien jogħla (= jitla' fl-ajru).