Irid ikollok sens ta' inizjattiva, inkella qatt ma jsir xejn.
Min għandu l-għali jbigħu.
Il-Malti tikrilux b’żewġ sulari għax minn hemm fuq jaf jobżoqlok.
Il-Malti ma jurix apprezzament għal li tagħmel miegħu.
Il-qaħba tgħajjar lil ħaddieħor qaħba.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess.
Anġlu man-nies, xitan id-dar.
Quddiem in-nies iġib ruħu sew imma d-dar iġib ruħu ħażin.
Ibża’ mill-immankat.
Oqgħod attent minn min ikollu xi tip ta' żvantaġġ, għax jaf ikun webbes qalbu.
Ġurdien qluqi qatt ma jsir far.
Hemm min m’għandux kwiet, il-ħin kollu jibdel u jbiddel. Ma ssibx stabbiltà u trankwillità hekk. Qluqi tfisser imferfex.
L-għira ddur mad-dwejra.
Min jgħir għalik il-ħin kollu għassa tiegħek ħalli jara x'inti tagħmel.
Faħħru u itfgħu fin-nar.
Min jieħu wisq pjaċir b'min ifaħħru faċilment timmanipulah.
Kulħadd kif inhu magħġun.
Kulħadd bil-karattru tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin b'kollox.
Lil min tħobbu u tamah, dak li jagħmel ma tarahx.
Ġeneralment ma narawx id-difetti ta' min inkunu nħobbu. Tamah huwa sinonimu ta' tħobbu.
L-għażżien jieklu l-qamel.
L-għażżien mhux bniedem nadif.
L-aħjar ħut jgħum f’qiegħ il-baħar.
Min jagħmel xogħlu sew u bil-għaqal ma jkunx iħobb jidher.
Mutu mutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Mgħallem f’idejh bħan-nies taż-żmien, jew kien hu miktub max-xwieni jew jinsab baħri mal-iġfien.
In-nies ta' klassi baxxa tikbrilhom rashom meta jkunu xortihom tajba. Mgħallem f'idejh tfisser li jkollu t-tpinġija fuq idejh (dari kienet titqies tan-nies ta' klassi baxxa), u dawn jixbhu lin-nies tal-antik (=in-nies taż-żmien) tal-istess kwalità, jiġifieri...
L-għażżien dejjem għarwien.
L-għażżien ma jaħdem għal xejn u allura qatt m'għandu xejn.
Kull wild hu għaġbu.
Kulħadd għandu l-karattru tiegħu, kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta' familja.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Il-qaħba milli jkollha ttik.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta' karattru, qisu ta' li hu u tistenniex imġiba differenti.
Min jitkaża jaqa’ fil-każa.
Min jitkaża bl-iżbalji ta' ħaddieħor, jispiċċa jagħmel l-istess żball huwa stess.
Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil-borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista' għalih.
It-tebqat tal-ħorġa jintefgħu wara d-dahar.
Faċli ħafna tara d-difetti ta' ħaddieħor minflok tiegħek.