Kulħadd għandu xi difett. Għuda tfisser injama, u susitha tfisser is-susa tagħha.
Inbid inbidejn minn raġel jagħmel tnejn.
L-essenza fil-fliexken iż-żgħar.
In-nies ta' statura żgħira ipattulu b'modi oħra: il-karattru, l-intelliġenza, il-ħiliet, l-ambizzjoni, eċċ.
Bi ħwejjeġ ħaddieħor kulħadd galantom.
Kulħadd jaf jiffanfra bl-affarijiet ta' ħaddieħor.
Il-qattus aħrax isib il-qattus dgħajjef.
Hemm min jagħmel l-arja ma' min hu aktar dgħajjef minnu.
Ix-xemx minn filgħodu turik x’ġej.
Minn filgħodu tinduna x'tip ta' ġurnata se tkun. Bl-istess mod, it-tfal minn ċkunithom juruk x'karattru għandhom.
Il-katuba, li tagħmel ħafna ħoss, m’hemm xejn fiha ħlief arja.
Jitlagħlu malajr iżda jgħaddilu malajr ukoll.
Kulħadd għandu xi jekk.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Għalija kull imdawwar qagħaq.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza.
Il-fartas tmisslux il-barjola.
Jekk bniedem għandu difett tgħajrux bih. Barjola hija beritta żgħira.
Jien bin ommi, ta’ żaqqi f’fommi.
Hemm nies li ma jomogħduhiex, li jħossu jgħidu.
Il-qalb ħanina tmut miskina.
Min ikun wisq qalbu tajba jbati, għax in-nies jagħmlu bih li jridu.
Il-qamar bil-pipa f’ħalqu u kulħadd kif Alla ħalqu.
Il-karattru tal-bniedem diffiċli jinbidel, għax hekk maħluq.
Mhux kulħadd xorta.
Kulħadd għandu l-karattru u l-gosti tiegħu.
“Jaħraq dinha l-għaġla,” qalet il-fekruna xħin telgħet tarġa u waqgħet tnejn.
Il-fekruna tagħmel li għandha tagħmel minkejja kollox, u bl-istess mod il-bniedem għandu jaħdem u ma jitgħażżinx.
Mhux l-ilbies jagħmel in-nies.
Mhux kif tidher minn barra b'dak li tilbes li jgħodd, iżda l-karattru.
Inbid ġewwa, irqad barra.
Meta tixrob u tisker, aħjar tiġi f'sensik qabel ma tmur lura d-dar.
Il-qanfud, qanfud ieħor missieru.
Nirtu l-karattru tagħna mill-ġenituri tagħna, m'hemmx mod ieħor.
Min jimxi max-xenguli wara erbgħin pass jixxengel bħalu.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Kulħadd għandu xi jekk.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Illum baram lil wieħed, għada jiftel lill-ieħor.
Qatt m'għandek tafda bniedem ħażin. Jiftel hawn tfisser iqarraq.
Kulħadd kif inhu magħġun.
Kulħadd bil-karattru tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin b'kollox.