Min ikun wisq twajjeb ma' wliedu, jagħmlu li jridu bih.
Kulħadd żommu ta’ li hu.
L-ikrah jagħmel x’jagħmel ma jsirx sabiħ.
Min hu ikrah dejjem jiġi ttrattat iżjed ħażin minn min hu sabiħ, anke jekk bla tort.
Din ħażin, ħażin jibqa’.
Il-bniedem diffiċli jeħles mill-vizzji, wisq probabbli bihom jibqa'.
Mhux l-imġienen kollha jinsabu ta’ Frankuni.
Hawn ħafna nies imġienen madwarna u lanqas biss nafu. Frankuni tfisser Villa Franconi, bini residenzjali li ntuża bħala sptar mentali mill-1835 sal-1861.
Min jagħmilhielek darba, jagħmilhielek mitt darba.
Min jagħmillek azzjoni ħażina darba, jerġa' jagħmilhielek darb'oħra; mela warrbu u tafdahx.
L-għira tan-nies iġġib mibegħda bla qies.
L-għira hija sors ta' mibegħda bejn in-nies.
Il-ftaħir qatt ma għamel nies.
Imbilli tiftaħar ma jfissirx li inti rispettabbli.
Ma tistax togħġob lil kulħadd.
Agħmel dak li inti taħseb hu tajjeb u ħallik minn x'jaħseb ħaddieħor.
Il-borża tal-beżżiegħ la timtela u lanqas tifriegħ.
Min jibża' jispiċċa qatt ma jagħmel xejn fid-dinja. Tifriegħ tfisser titbattal.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
L-essenza fil-fliexken iż-żgħar.
In-nies ta' statura żgħira ipattulu b'modi oħra: il-karattru, l-intelliġenza, il-ħiliet, l-ambizzjoni, eċċ.
Kif trabbi fiċ-ċkunija, issibu fix-xjuħija.
Dak li tkun drajt bih minn ċkunitek jibqa' miegħek ħajtek kollha.
Min jersaq ħada l-ġmied jiġġemmed.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom. Ħada tfisser ħdejn.
Ġebla samma ma tintaġarx.
Bniedem li għandu karattru diffiċli jew ħażin ma jitranġa qatt. Samma tfisser iebsa u ma tintaġarx tfisser ma titranġax.
Ħu l-fama u mur orqod.
Ħu ħsieb tar-reputazzjoni tiegħek għax darba titlifha.
Kull ħmar jidhirlu li għandu joqgħod maż-żwiemel tar-re.
Kulħadd jaħseb li ħaqqu l-aħjar.
Jekk tiġi ċatta pala, jekk tiġi tonda seffud.
Imur l-aħjar min jieħu l-ħajja kif tiġi.
It-tbajja’ li nitwieldu bihom ma jmorru qatt.
Il-vizzji li nitwieldu bihom diffiċli ħafna neħilsu minnhom għalkollox.
Kulħadd ikollu xi gwaj.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Mhux kull min jaħsel wiċċu jsir sabiħ.
Bniedem li għandu karattru diffiċli jew ħażin ma jitranġa qatt.
Ħanżir dak li jistaħam f’kull għadira.
Min m'għandux prinċipji jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jinzerta. Jistaħam tfisser iċaflas jew jgħaffeġ.