Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
Dak li ma qattax bi snienu qattgħu bi lsienu.
Minflok ħadem, qagħad jgħid fuq in-nies minn wara daharhom.
Ebda saba’ ma jixbah lill-ieħor.
Kulħadd għandu karattru u opinjonijiet differenti.
Kulħadd għandu minn tal-ħmar.
Kulħadd jagħmel xi waħda minn tiegħu.
Kulħadd jixħet it-tebqa tal-ħorġ wara dahru.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Id-dawran ta’ billejl qatt ma jġib ġid.
Min joħroġ jiġġerra billejl mhux tal-affari tiegħu.
Il-kavallier irejjex fuq is-swar u l-qaħba minn ġol-loġġ tixgħel in-nar.
Il-kavallieri xorta kienu jgħixu ħajja ta' promiskwità, minkejja l-vot ta' kastità li kienu jieħdu. Irejjex tfisser jistad, li f'dan il-każ tfisser imur ifittex il-pjaċiri sesswali.
Bniedem bla ħila ma jiswiex tebaq fwiedu.
Bniedem jintgħażel mill-oħrajn skont il-ħiliet u l-kuraġġ tiegħu.
L-għira tan-nies iġġib mibegħda bla qies.
L-għira hija sors ta' mibegħda bejn in-nies.
Il-lupu jbiddel sufu u mhux għemilu.
Bniedem ħażin jipprova jagħtik x'tifhem li nbidel, iżda fil-fond ta' qalbu ħażin jibqa'.
Il-kappell tiegħu ma jiġinix.
Il-karattru ta' dak il-bniedem idejjaqni u ma rridx affari miegħu.
L-għajjur bil-ġuħ imut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
Ħu l-fama u mur orqod.
Ħu ħsieb tar-reputazzjoni tiegħek għax darba titlifha.
L-akbar trux min ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma' jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
Il-qalb ħanina tmut miskina.
Min ikun wisq qalbu tajba jbati, għax in-nies jagħmlu bih li jridu.
Kelb li jinbaħ ma jigdimx.
Hemm min taqbiżlu u jaqbad jgħajjat, iżjed ma jdumx ma jgħaddilu.
Mhux il-libsa li tagħmel ir-raħeb.
L-apparenza tqarraq bik. Raħeb tfisser patri jew eremita.
Min imiss iż-żift jiċċappas.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Is-supperv injorant.
Min hu supperv ma jkunx lest jitgħallem, u jibqa' injorant.
Billi tagħli ma ġġib xejn.
Billi toqgħod tirrabja ma tasal imkien.
Il-ħalliel għomru qasir.
Min jisraq ma jdumx ma jinqabad.