M'għandekx tafda lil min moħħu biex iħawwad u jdawwar.
L-għażż missier il-vizzji.
L-għażż iwaqqgħek iżjed fit-tentazzjoni tal-vizzju.
Il-qassis temmnux ħlief fil-quddiesa.
Bħalma qassis jista' jġib ruħu mod ieħor minn dak li jippritkalek waqt il-quddiesa, hekk ukoll in-nies l-oħra.
Id-dawran ta’ billejl qatt ma jġib ġid.
Min joħroġ jiġġerra billejl mhux tal-affari tiegħu.
Fis-suq kollox jinbiegħ barra minn fomm sieket u l-ġieħ.
L-integrità tal-bniedem ma tinxtarax.
Inbid fl-ilma jitlef kilma, inbid pur jitlef l-unur. Titfgħu f’żaqqek jitla’ f’rasek, tratti tagħmel ta’ miġnun.
Tixrobx iżżejjed għax ix-xorb iġiegħlek iġġib ruħek ta' miġnun. Jitlef kilma tfisser jitlef togħmtu.
L-għabra tgħajjar liż-żagħruna.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess. Għabra tfisser trab u ż-żagħruna hija tip ta' pjanta (Crataegus monogyna).
Billi tagħli ma ġġib xejn.
Billi toqgħod tirrabja ma tasal imkien.
Mhux dik li tikxef id-dublett biss tissejjaħ qaħba.
In-nies diżonesti kullimkien issibhom, anke min mingħalik mhux t'hekk.
Lil min tafu tistaqsix għalih.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta' karattru, qisu ta' li hu.
Il-qattus aħrax isib il-qattus dgħajjef.
Hemm min jagħmel l-arja ma' min hu aktar dgħajjef minnu.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ seqer.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Kull tajra tifraħ b’rixa.
Kulħadd jiftaħar b'dak li għandu.
Ħanżir taqtagħlu denbu ħanżir jibqa’.
Min għandu vizzju, bih jibqa' jgħix.
Ħuġġieġa tat-tiben fis-siegħa u l-ħin tintefa.
Bniedem li taqbiżlu malajr jagħmel ħafna kjass, iżda ma jdumx ma jgħaddilu.
Kulħadd jara bin-nuċċali tiegħu.
Kulħadd jara l-affarijiet mill-perspettiva tiegħu.
L-għajnejn huma t-twieqi tal-qalb.
L-għajnejn espressivi u juru x'hemm f'qalb persuna.
Min iħalli leħitu f’idejn it-tfal inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb ma' wliedu, jagħmlu li jridu bih.
Għal kull għadma hawn il-marlozz.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek. Il-marlozz (= merluzz) huwa tip ta' ħuta.
Il-ħarir u l-imsielaħ iħaxwxu.
Min jilbes biex mingħalih jimpressjona jiġbed l-istess attenzjoni ta' xkupa (= imselħa, pl. imsielaħ) tħaxwex.
Il-borża tal-beżżiegħ la timtela u lanqas tifriegħ.
Min jibża' jispiċċa qatt ma jagħmel xejn fid-dinja. Tifriegħ tfisser titbattal.