Kulħadd bil-fehmiet u l-gosti tiegħu.
Il-qaħba milli jkollha ttik.
Bin is-sengħa għandu nofsha.
L-ulied jirtu ħafna aspetti tal-karattru mill-ġenituri tagħhom.
Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil-borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista' għalih.
Fis-suq kollox jinbiegħ barra minn fomm sieket u l-ġieħ.
L-integrità tal-bniedem ma tinxtarax.
Il-borża tal-beżżiegħ la timtela u lanqas tifriegħ.
Min jibża' jispiċċa qatt ma jagħmel xejn fid-dinja. Tifriegħ tfisser titbattal.
Kulħadd għandu xi jekk.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Min jerfa’ għalik, jerfa’ għal ħaddieħor.
Min jagħti fastidju sesswali (= jerfa') lilek, ibqa' ċert li jagħtih lil ħaddieħor ukoll.
L-għajjur bil-weġgħa jmut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
Min jehreż bil-mehrież tan-nisa u tal-logħob bil-liega f’idu jibqa’.
Min jgħix ħajja promiskwa u jkollu l-vizzju tal-logħob tal-azzard (= logħob bil-liega) għad jispiċċa f'ħafna inkwiet.
Kulħadd b’xi lula, sal-qamar ta’ belula.
Kollha kemm aħna għandna xi difett (= lula), mill-iżjed bniedem intelliġenti sal-aktar wieħed baħnan (= il-qamar ta' belula).
La tħammiġx fejn ixommuh in-nies.
Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
Hemm il-wieħed u hemm l-ieħor.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Aħjar qalb tajba minn wiċċ sabiħ.
Aħjar tkun twajjeb milli sabiħ fiżikament.
Kutu kutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Min għandu l-għali jkompli jżidu.
Min jgħir ma jkunx jiflaħ jara lil ħaddieħor aħjar minnu; problema tiegħu mhux tiegħek.
Min jibża’, jidħol taħt is-sodda.
Min jibża' ma jasal imkien għax mhu kapaċi għal xejn.
Jekk tiġi ċatta pala, jekk tiġi tonda seffud.
Imur l-aħjar min jieħu l-ħajja kif tiġi.
Il-kelb in-nebbieħ ma jigdimx.
Jitlagħlu malajr u jagħmel ħafna storbju, iżda ma jagħmillekx ħsara.
Kulħadd gostih.
Il-gosti jvarjaw skont il-persuna.
Il-qaħba tgħajjar lil ħaddieħor qaħba.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess.
Iż-żaqq aktar ma tagħtiha aktar trid.
Aktar ma tiekol, aktar jagħtik aptit li tkompli tiekol, għalhekk importanti l-moderazzjoni.