Min hu wiċċ b'ieħor l-ewwel jagħmillek il-ħsara, imbagħad jipprova jintgħoġob.
Min jiskonġra jrid ikun pur.
Il-ftaħir qatt ma għamel nies.
Imbilli tiftaħar ma jfissirx li inti rispettabbli.
Kulħadd kif inhu magħġun.
Kulħadd bil-karattru tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin b'kollox.
Il-bniedem azzjonitu għandu.
Mill-azzjonijiet tiegħu tkun taf x'inhu bniedem.
It-twal tajbin għall-ħatab.
Nies twal u mibnija ġieli jkollhom karattru fjakk, u għalhekk ma jservu għal xejn.
Anġlu man-nies, xitan id-dar.
Quddiem in-nies iġib ruħu sew imma d-dar iġib ruħu ħażin.
Għalija ċinkwina ħames ħabbiet.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza.
Hemm min jitkellem u hemm min iqarar.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Kulħadd iħokk fejn jieklu.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Dak li jwiegħed wisq ma jagħti xejn.
Min jagħmillek ħafna wegħdiet ibża' minnu għax kollha fil-vojt.
Ixbah l-arloġġ tar-raħal fil-ħin imma le fil-qniepen.
Asal fil-ħin meta tiftiehem, iżda toqgħodx tiftaħar.
L-ilbies qatt ma għamel nies.
L-ilbies sabiħ ma jgħattix id-difetti u l-karattri ħżiena.
Il-ġebla s-samma ma tintaġarx.
Min għandu karattru diffiċli ma jinbidel qatt. Samma tfisser qawwija.
Kulħadd jara bin-nuċċali tiegħu.
Kulħadd jara l-affarijiet mill-perspettiva tiegħu.
Għidli ma’ min tagħmilha u ngħidlek min int.
Il-karattru tiegħek jissawwar skont il-kumpanija li tagħmilha magħha.
L-imgħajjar jgħajjar.
Jgħajjar lil ħaddieħor bid-difetti tiegħu stess.
Jekk ma tħattarx, ma tinħatarx.
Jekk ma tagħmilx wiċċek, qatt ma tieħu xejn. Tħattar tfisser tagħmel sforz u tinħatar tfisser tintgħażel.
Il-kappell tiegħu ma jiġinix.
Il-karattru ta' dak il-bniedem idejjaqni u ma rridx affari miegħu.
Kulħadd żommu ta’ li hu.
Qis lil kulħadd skont il-karattru tiegħu u kif iġib ruħu.
Aħjar qalb tajba minn wiċċ sabiħ.
Aħjar tkun twajjeb milli sabiħ fiżikament.
Min hu mgħammed bis-snien trid tibża’ minnu.
Diffiċli ħafna wieħed jinbidel għall-aħjar iktar tard fil-ħajja, bħal min jitgħammed kbir.