Mingħand xi ħadd ta' intern ħażin tistenniex it-tajjeb.
Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu.
Dari kienu jemmnu li min kien jitwieled bil-borqom (= amniotic sac) intatt, ħadd ma jkun jista' għalih.
La tħammiġx fejn ixommuh in-nies.
Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
Min iħalli leħitu f’idejn in-nies inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb man-nies, kulħadd jagħmel li jrid bih.
Ħadd ma jara xturu.
Ħadd ma jħares lejn id-difetti tiegħu.
Dak li jwiegħed wisq ma jagħti xejn.
Min jagħmillek ħafna wegħdiet ibża' minnu għax kollha fil-vojt.
Jekk ma tħattarx, ma tinħatarx.
Jekk ma tagħmilx wiċċek, qatt ma tieħu xejn. Tħattar tfisser tagħmel sforz u tinħatar tfisser tintgħażel.
Is-swaba’ tal-id mhumiex kollha ndaqs.
Kulħadd għandu karattru u status soċjali differenti.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Il-gost tal-pipa fiċ-ċekċika.
Ħu gost bil-kapriċċi li tagħmel.
Bniedem bla ħila ma jiswiex tebaq fwiedu.
Bniedem jintgħażel mill-oħrajn skont il-ħiliet u l-kuraġġ tiegħu.
Isqini u wara staqsini.
Min jixrob jispiċċa jikxef dak li ma jixtieqx.
Min għandu l-għali jkompli jżidu.
Min jgħir ma jkunx jiflaħ jara lil ħaddieħor aħjar minnu; problema tiegħu mhux tiegħek.
Lil min tħobbu u tamah, dak li jagħmel ma tarahx.
Ġeneralment ma narawx id-difetti ta' min inkunu nħobbu. Tamah huwa sinonimu ta' tħobbu.
L-iskarpan dejjem b’żarbun imqatta’.
Tant tkun moħħok biex taqdi jew tikkuntenta lill-oħrajn li tispiċċa tinsa lilek innifsek.
La taħrax fejn ixommuh in-nies.
Tikxifx id-difetti tiegħek u l-ħażin li tagħmel.
Bis-saħħa tal-għarusa tiżfen il-qattusa.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni.
Il-korla ta’ filgħaxija ħalliha għal filgħodu.
Tiħux deċiżjonijiet mgħaġġla meta tkun irrabjat, stenna sakemm tikkalma.
Dak li ma qattax bi snienu qattgħu bi lsienu.
Minflok ħadem, qagħad jgħid fuq in-nies minn wara daharhom.
Għal kull għadma hawn il-marlozz.
Toqgħodx taħseb li inti aħjar minn ħaddieħor, għax malajr issib lil xi ħadd eżatt bħalek. Il-marlozz (= merluzz) huwa tip ta' ħuta.
Kulħadd għandu xi jekk.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.