Kulħadd għandu karattru differenti.
Min jibża’, jidħol taħt is-sodda.
L-imżużi ma fih ebda ħajr.
Tippruvax tikkuntenta lil minn qatt ma jkun kuntent. Imżużi tfisser fonqla.
Il-gost tal-pipa fiċ-ċekċika.
Ħu gost bil-kapriċċi li tagħmel.
L-ewwel tidrobni, imbagħad iddewwini.
Min hu wiċċ b'ieħor l-ewwel jagħmillek il-ħsara, imbagħad jipprova jintgħoġob.
Il-kelb in-nebbieħ ma jigdimx.
Jitlagħlu malajr u jagħmel ħafna storbju, iżda ma jagħmillekx ħsara.
Dak tiegħu tiegħu u tan-nies tiegħu wkoll.
Il-bniedem egoist irid kollox, anke ta' ħaddieħor.
Min jigdeb u jobgħod, jagħmel deni lilu nnifsu u lil min jemmnu.
Min jigdeb u jaqla' l-qlajjiet jagħmel ħsara kbira lilu nnifsu u lil ta' madwaru.
Kutu kutu qrunu f’butu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik.
Ħalli ‘l ħaddieħor ifaħħrek.
Kun umli u tiftaħarx, ħalli lil ħaddieħor ifaħħrek minn jeddu.
Min jiftaħar b’rixu ma jtirx.
Min jiftaħar ma jfissirx li dak li qed jiftaħar bih huwa veru.
Kif trabbi fiċ-ċkunija, issibu fix-xjuħija.
Dak li tkun drajt bih minn ċkunitek jibqa' miegħek ħajtek kollha.
Il-ħmar denbu warajh u tiegħu ħadd ma jarah.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ ajkla.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Bniedem dagħaj ftit idum ħaj.
Bniedem li għandu l-vizzju tad-dagħa jġib is-saħta fuqu nnifsu u jgħix ftit.
Mhux l-ilbies jagħmel in-nies.
Mhux kif tidher minn barra b'dak li tilbes li jgħodd, iżda l-karattru.
Min jerfa’ għalik, jerfa’ għal ħaddieħor.
Min jagħti fastidju sesswali (= jerfa') lilek, ibqa' ċert li jagħtih lil ħaddieħor ukoll.
Għalija ċinkwina ħames ħabbiet.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza.
Il-ħarsa ġġib il-kelma u r-ruħ taqa’.
L-attrazzjoni sesswali tibda b'ħarsa, tkompli b'kelma, u fl-aħħar taqa' fit-tentazzjoni.
Is-supperv qatt ma rrenja.
Min hu supperv ma jkampax, għax x'aktarx ma jkollux raġun.
Il-fartas tmisslux il-barjola.
Jekk bniedem għandu difett tgħajrux bih. Barjola hija beritta żgħira.
Kull kalanka port.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza. Kalanka tirreferi għal daħla dejqa fuq il-baħar.