Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta' karattru, qisu ta' li hu u tistenniex imġiba differenti.
In-nies ta’ daż-żmien huma nies tal-isem.
Billi tagħli ma ġġib xejn.
Billi toqgħod tirrabja ma tasal imkien.
Min iħobb it-tibkir raġel isir.
Min ibakkar (= iqum kmieni) għax-xogħol isir bniedem iddixxiplinat.
Bniedem dagħaj ftit idum ħaj.
Bniedem li għandu l-vizzju tad-dagħa jġib is-saħta fuqu nnifsu u jgħix ftit.
Ebda saba’ ma jixbah lill-ieħor.
Kulħadd għandu karattru u opinjonijiet differenti.
Kulħadd għandu xi mela.
Kollha kemm aħna għandna xi difett.
Hemm min jitkellem u hemm min iqarar.
Kulħadd għandu karattru differenti.
L-għira tan-nies iġġib mibegħda bla qies.
L-għira hija sors ta' mibegħda bejn in-nies.
Kulħadd jixħet it-tebqa tal-ħorġ wara dahru.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Faħħru u itfgħu fin-nar.
Min jieħu wisq pjaċir b'min ifaħħru faċilment timmanipulah.
Jew jilgħab jew ikeskes.
Bniedem manipulattiv, jew jimmanipula hu jew jipprova jdawwar lil ħaddieħor għall-iskopijiet ta' moħħu.
Ħuġġieġa tat-tiben fis-siegħa u l-ħin tintefa.
Bniedem li taqbiżlu malajr jagħmel ħafna kjass, iżda ma jdumx ma jgħaddilu.
Kulħadd ifittex isammar musmaru.
Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
L-ewwel tidrobni, imbagħad iddewwini.
Min hu wiċċ b'ieħor l-ewwel jagħmillek il-ħsara, imbagħad jipprova jintgħoġob.
Kelb ħiemed ibża’ minnu.
Tafdax lil min taħsbu kwiet, għax jaf jittradik. Ħiemed tfisser kwiet.
Kulħadd għandu minn tal-ħmar.
Kulħadd jagħmel xi waħda minn tiegħu.
Kulħadd jara bin-nuċċali tiegħu.
Kulħadd jara l-affarijiet mill-perspettiva tiegħu.
Bin is-sengħa għandu nofsha.
L-ulied jirtu ħafna aspetti tal-karattru mill-ġenituri tagħhom.
Min iħalli leħitu f’idejn it-tfal inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb ma' wliedu, jagħmlu li jridu bih.
Jien bħas-sellum taż-żina, la ma teħtiġux tarmih fil-kantina.
Hemm nies li jkellmuk biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa mingħandek jew biex jinqdew bik. Iż-żina f'dan il-każ tfisser il-festa.
Jien bin ommi, ta’ żaqqi f’fommi.
Hemm nies li ma jomogħduhiex, li jħossu jgħidu.