Imbilli tiftaħar ma jfissirx li inti rispettabbli.
M’għaddiex mill-bieb, daħal mit-tieqa.
Il-ħarir u l-imsielaħ iħaxwxu.
Min jilbes biex mingħalih jimpressjona jiġbed l-istess attenzjoni ta' xkupa (= imselħa, pl. imsielaħ) tħaxwex.
Il-lupu jbiddel sufu u mhux għemilu.
Bniedem ħażin jipprova jagħtik x'tifhem li nbidel, iżda fil-fond ta' qalbu ħażin jibqa'.
Lil min tħobbu u tamah, dak li jagħmel ma tarahx.
Ġeneralment ma narawx id-difetti ta' min inkunu nħobbu. Tamah huwa sinonimu ta' tħobbu.
Ħalli ‘l kulħadd jerfa’ salibu.
Tindaħalx fl-affarijiet ta' ħaddieħor.
Hemm il-wieħed u hemm l-ieħor.
Kulħadd għandu karattru differenti.
Inkejt inkejja daret b’widnejja, inkejt ‘l ommi qlajt għajnejja.
Tkunx inkejjuż għax f'wiċċek jibqa'.
Jekk ma tħattarx, ma tinħatarx.
Jekk ma tagħmilx wiċċek, qatt ma tieħu xejn. Tħattar tfisser tagħmel sforz u tinħatar tfisser tintgħażel.
Min imiss iż-żift jiċċappas.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
Is-supperv injorant.
Min hu supperv ma jkunx lest jitgħallem, u jibqa' injorant.
Jekk tiġi ċatta pala, jekk tiġi tonda seffud.
Imur l-aħjar min jieħu l-ħajja kif tiġi.
Ħanżir dak li jistaħam f’kull għadira.
Min m'għandux prinċipji jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jinzerta. Jistaħam tfisser iċaflas jew jgħaffeġ.
L-imżużi ma fih ebda ħajr.
Tippruvax tikkuntenta lil minn qatt ma jkun kuntent. Imżużi tfisser fonqla.
L-għira tan-nies iġġib mibegħda bla qies.
L-għira hija sors ta' mibegħda bejn in-nies.
Dak li jwiegħed wisq ma jagħti xejn.
Min jagħmillek ħafna wegħdiet ibża' minnu għax kollha fil-vojt.
Min iħalli leħitu f’idejn it-tfal inittfuhielu.
Min ikun wisq twajjeb ma' wliedu, jagħmlu li jridu bih.
Dak li ma qattax bi snienu qattgħu bi lsienu.
Minflok ħadem, qagħad jgħid fuq in-nies minn wara daharhom.
In-nies ma tixxibahx u kulħadd fehmtu.
Kulħadd bil-fehmiet u l-gosti tiegħu.
Il-qamar bil-pipa f’ħalqu u kulħadd kif Alla ħalqu.
Il-karattru tal-bniedem diffiċli jinbidel, għax hekk maħluq.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Min iħammel id-demel jitħammeġ bih.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.