Kulħadd lejn l-interessi tiegħu jħares.
Min jaħlef wisq ftit hu mwennes.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ ajkla.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Jekk int ċawla tippruvax tagħmilha ta’ seqer.
Tippruvax mingħalik timpressjona u tkun aħjar milli verament int.
Min jitkaża jaqa’ fil-każa.
Min jitkaża bl-iżbalji ta' ħaddieħor, jispiċċa jagħmel l-istess żball huwa stess.
L-akbar raġel dak li jegħleb demmu.
Min kapaċi jitrażżan għandu karattru sod ħafna u ta' min jammirah.
Kulħadd jixħet it-tebqa tal-ħorġ wara dahru.
Id-difetti tiegħu ħadd ma jarahom.
Ħuġġieġa tat-tiben fis-siegħa u l-ħin tintefa.
Bniedem li taqbiżlu malajr jagħmel ħafna kjass, iżda ma jdumx ma jgħaddilu.
Kull ħmar jidhirlu li għandu joqgħod maż-żwiemel tar-re.
Kulħadd jaħseb li ħaqqu l-aħjar.
L-ilbies qatt ma għamel nies.
L-ilbies sabiħ ma jgħattix id-difetti u l-karattri ħżiena.
Il-kburija titkeċċa bl-umiltà.
Min jaħseb li hu xi ħaġa jeħtieġ li jitgħallem japprezza l-valur tal-umiltà.
L-għajb jgħajjeb u l-għar jgħajjar.
Xi nies jgħajru lil ħaddieħor bid-difetti tagħhom stess. Għajb u għar it-tnejn ifissru diżunur.
Inbid inbidejn minn raġel jagħmel tnejn.
Meta jieħdok ix-xorb, l-affarijiet ma tibqax tarahom sew. Inbidejn tfisser żewġ tazzi nbid (u aktar).
Il-qtates għomja u l-ġrieden imeximxu.
Hemm min japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni meta tiġih l-okkażjoni, bħall-ħaddiema li jillaxkaw malli jwarrab ta' fuqhom.
Faħħru u itfgħu fin-nar.
Min jieħu wisq pjaċir b'min ifaħħru faċilment timmanipulah.
L-ispiżjar milli jkollu jtik.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta' karattru, qisu ta' li hu u tistenniex imġiba differenti.
Min jagħmilha maz-zopp, għeluq is-sena jsir zopp bħalu.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
M’hemmx għama aktar minn dak li ma jridx jara, u trux aktar minn dak li ma jridx jisma’.
Min ma jridx jisma' jkollu jbati l-konsegwenzi tar-ras iebsa tiegħu.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Fuq ġebla waħda jibni sur.
Qed jgħid affarijiet wisq esaġerati biex jitwemmnu.
Kif trabbi fiċ-ċkunija, issibu fix-xjuħija.
Dak li tkun drajt bih minn ċkunitek jibqa' miegħek ħajtek kollha.
Kulħadd kif inhu magħġun.
Kulħadd bil-karattru tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin b'kollox.