Għalih jgħaddi kollox.
It-twal tajbin għall-ħatab.
Id-dawran ta’ billejl qatt ma jġib ġid.
Min joħroġ jiġġerra billejl mhux tal-affari tiegħu.
Il-qassis temmnux ħlief fil-quddiesa.
Bħalma qassis jista' jġib ruħu mod ieħor minn dak li jippritkalek waqt il-quddiesa, hekk ukoll in-nies l-oħra.
Il-bniedem ma tafux qabel iġġarrbu.
Issir taf lil xi ħadd tassew meta tagħmilha miegħu.
Kull kalanka port.
Xorta għalija, mhix ser tagħmilli differenza. Kalanka tirreferi għal daħla dejqa fuq il-baħar.
Min iraqqad miegħu l-klieb, lill-briegħed jiftħilhom il-bieb.
It-tip ta' kumpanija li tagħmilha magħha tinfluwenzak ħafna.
Ħadd ma jara n-nuqqasijiet tiegħu.
Ħadd ma jħares lejn id-difetti tiegħu.
Il-ġebla s-samma ma tintaġarx.
Min għandu karattru diffiċli ma jinbidel qatt. Samma tfisser qawwija.
Il-forn li jara ħotobtu ma jsajjarx ħobżu.
Tidħaqx bid-difetti ta’ ħaddieħor għax id-difetti tiegħek huma ferm akbar.
Kull min jerfa’ abtu jsib xi jxomm.
Kulħadd għandu xi difett x'jaħbi.
Min iħobbha nejja u min iħobbha misjura.
Kulħadd bil-gosti tiegħu.
Ibża’ minn dak li għandu għonqu mgħawweġ.
Oqgħod attent minn min ikollu xi tip ta' żvantaġġ, għax jaf ikun webbes qalbu.
Il-katuba, li tagħmel ħafna ħoss, m’hemm xejn fiha ħlief arja.
Jitlagħlu malajr iżda jgħaddilu malajr ukoll.
Il-logħob jilagħbek hu.
Min ikollu l-vizzju tal-logħob jispiċċa jitqarraq u jitlef ħafna flus.
Mhux kulħadd xorta.
Kulħadd għandu l-karattru u l-gosti tiegħu.
Il-qaħba milli jkollha ttik.
Jekk taf li xi ħadd għandu tip ta' karattru, qisu ta' li hu u tistenniex imġiba differenti.
Il-ftaħir qatt ma għamel nies.
Imbilli tiftaħar ma jfissirx li inti rispettabbli.
Min jgħammar qalb il-ħadid jiċċappas bis-sadid.
Min jagħmilha ma' nies ta' karattru ħażin, jieħu l-influwenza ħażina u jsir bħalhom.
L-għajjur bil-ġuħ imut.
In-nies għajjurin bla sodisfazzjon jibqgħu.
“Jaħraq dinha l-għaġla,” qalet il-fekruna xħin telgħet tarġa u waqgħet tnejn.
Il-fekruna tagħmel li għandha tagħmel minkejja kollox, u bl-istess mod il-bniedem għandu jaħdem u ma jitgħażżinx.
Min għandu l-għali jkompli jżidu.
Min jgħir ma jkunx jiflaħ jara lil ħaddieħor aħjar minnu; problema tiegħu mhux tiegħek.